Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/199845
Gladjaturi tal-Ħajja Il-Ħadd 27 ta' Ottubru 2013 | illum 21 minn John Busuttil Dalle stalle alle stelle GILLIAN Attard magħrufa tal-inkwadru tal-Madonna, tilfet lil ommha ta' 12-il sena meta aċċidentalemnt pistola ħadet f'wiċċha. Gillian ħaditha kontra d-dinja u s-soċjetà, sfrattat u wara li waqgħet f'dipressjoni kbira, iltaqgħet mal-imħabba li tatha skop ieħor biex tqum fuq saqajha. Fejn ma waslitx hi bħala kantanta, qed twassal tfal u żgħażagħ billi toħroġilhom it-talent mużikali tagħhom u twassalhom għal suċċess lil hinn minn gżiritna. Gillian li llum għandha 30 sena, hi għarusa lil Paul Camenzuli u omm ta' Beppe ta' sentejn, tmexxi l-akbar akkademja tal-kant f'Malta 'La Voix Academy' u għandha l-esklussività għax-show televiżiva Taljana 'Io Canto'. Gillian kienet messet il-qiegħ, illum qed timxi mal-istilel. Ili naf lil Gillian madwar 10 snin. Nafha bħala tfajla fuq tagħha, party girl, mimlija enerġija moħlija fil-ħajja notturna, moħħ ir-riħ mingħajr ebda skop fil-ħajja ħlief li tiddeverti. Dil-ġimgħa erġajt iltqajt magħha fil-bini talakkademja tal-kant tagħha filMarsa. Hemmhekk rajt Gillian ferm u ferm differenti. Id-dehra għadha hemm, iżda wara din id-dehra stajt nilmaħ moħħ ħabrieki, jaħdem biex jilħaq l-iskopijiet tal-ħolm tagħha. Gillian m'għadhiex tilbes maskri biex tidher kuntenta, iżda Gillian illum hi mara kuntenta u mara ta' suċċess. Ma setax jonqos li l-ewwel mistoqsija tkun dwar il-bidu tal-ħajja li wasslitha s'hawn, il-mewt traġika ta' ommha. "Kelli 12-il sena u kont rieqda għand in-nanna għax ommi u missieri ħarġu. Fis-2 a.m. ta' filgħodu smajna t-telefon idoqq, ma nafx kif qomt (għax is-soltu lanqas bomba ma tqajjimni), qomt maħsuda u bkejt ma nafx għaliex. Qalulna li ommi ġiet feruta. Morna niġru l-isptar u daħħluna fil-kamra mortwarja u kien hemm sitt mejtin u jien rajt ħamsa u ħadt ir-ruħ għax l-ommi ma rajthiex, iżda eżatt fil-kantuniera ilmaħt il-kadavru tagħha. Ma nistax nispjega x'ħassejt dak il-ħin, naf li rajtha titbissem. Xtaqt inbusha iżda ma flaħtx, missejtilha biss issaba' l-kbir ta' saqajha." X'kien ġara? "Ommi bdiet tibża' toqgħod weħedha d-dar u xtaqet li jkollha arma. Marru jixtru arma mingħand ħabib tagħhom u riedet tara kif taħdem u kien hemm balla fil- pistola li ħadd ma kien jaf biha, u ħadet f'wiċċha u mietet." Sa dak iż-żmien Gillian kienet tifla kwieta, "iżda wara dak il-mument irribellajt kontra s-soċjetà. Bdejt infittex kumpannija mill-aktar ħażina ħalli jkun hemm raġuni biex ikolli 'bad image'. Bdejt nagħmel imsielet kullimkien ħalli niġbed l-attenzjoni. Kont irrabbjajt ukoll li missieri kellu mara oħra wara l-mewt ta' ommi u kont għidt 'How can you ?!' Illum nammetti li kont żbaljata għax kellu dritt imma kont tifla u ma kontx nifhimha." Gillian kienet ħarġet diska - l-Inkwadru tal-Madonna snin ilu, u din baqgħet popolari sew maż-żgħażagħ kif ukoll mal-anzjani. Kanzunetta li titkellem dwar il-firda. Ħafna jgħidu li Gillian kienet kantata għal ommha. "Mhux vera. Dik kienet qlajja'", mill-ewwel ħatfitni Gillian, "Kantajtha l-ewwel darba ta' 8 snin meta ommi kienet ħajja. Kitbuhieli u kantajtha. Kellha messaġġ qawwi għax isseparazzjoni ma kinitx 'moda' daqs illum u naf nies li qaluli li dik iddiska għenithom li reġgħu sabu lil xulxin. Vera li wara li mietet ommi din il-kanzunetta kienet speċi tirrapreżenta l-firda tiegħi minn ommi. Iżda jien spiċċajt inkantaha qisni robot mingħajr emozzjoni." Jibqa' fatt li dik id-diska għamlitilha suċċess, però Gillian ramiet dan is-suċċess u sparixxiet mill-kamp tal-kant. "Kont għażilt li mmur fuq TV għax kont inħobb nidher. Il-kant ma baqax prijorità għalija, tlift l-interess. Ommi kienet l-appoġġ tiegħi fil-kant u meta spiċċat hi spiċċa l-interess tiegħi." "Bdejt ngħix ħajja ta' vampira, norqod filgħodu u nqum bil-lejl. Sirt party girl, tgerfixt u tħawwadt. Fittixt l-imħabba iżda għażilt toroq żbaljati, l-imħabba li sibt kienet biss mingħand il-ħbieb. Ħbieb li kienu fl-istess ilma tiegħi. Ma stajtx nissettilja. Bdejt nintefa' f'kurrenti bl-addoċċ u nsib bajjiet żbaljati. "F'daqqa waħda waqajt f'dipressjoni, armejt il-mobile għal sena sħiħa. Kont norqod bi nhar u nqum bil-lejl il-ħin kollu fuq l-internet. Ġurnata fost l-oħrajn ikkomunika miegħi Paul u ħajjarni biex naħdmu fuq proġett flimkien. Dan il-proġett ma rnexxiex iżda bla ma qatt ħsibt sibt dak li kont ili nfittex – l-imħabba." Paul Camenzuli li hu 23 sena akbar minn Gillian sar il-mimmi t'għajnejn Gillian. Kien hu li ħariġha mill-qiegħ li kienet waslet fih. "Erġajt bdejt nesprimi ruħi fil-mużika. Paul kien qalli li wara ġimgħa nerġa' nieqaf u hawn kienet il-bidu tattriq tiegħi 'l fuq. Ridt nisfidah u nurih li kont Gillian mibdula u rnexxieli." "Indunajt li l-mużika kienet ġo fija. Iżda ma kontx kapaċi noħroġ it-talenti tiegħi bħala kantanta. Kien hemm ċerti biżgħat fija. Però bdejt ninduna li kont kapaċi noħroġ talenti minn ħaddieħor. Kelli majestrija fija fil-coaching tal-kant. Kelli ħolma li nkanta fil-festival talEwropa iżda kont naf li mhux se nasal. Kelli ħabiba tiegħi, omm Gaia, li talbitni nikkowċjalha lil bintha. Aċċettajt u bdejt minn hemm. Fil-fatt l-ewwel żewġ studenti tiegħi kienu Gislaine li għandha 8 snin u Gaia ta' 11-il sena." Personalment rajt lil Gaia, Gislaine u oħrajn li ħarġu millakkademja ta' Gillian jużaw l-istess mossa u l-istess għajta ta' kant mimlija emozzjoni. Dwar hekk Gillian qaltli li dak hu t-timbru tagħha, "Ngħallimhom biex il-kanzunetta jesprimuha bil-body language tagħhom u bl-espressjoni ta' wiċċhom." Sadanittant Gillian ħadet l-esklussività anke għal dissena li ġejja bħala akkademja li tista' ttella' lit-tfal għax-show televiżiva Taljana, 'IO CANTO' u mingħajr ma ridt staqsejtha kif irnexxielha takkwista dan il-kuntatt. Kuntatt li bis-saħħa tiegħu diversi tfal Maltin qed joħolqu isem fl-Italja u flistess ħin l-akkademja tagħha splodiet bit-tfal li qed joħolmu li jagħmluha barra minn xtutna u jsiru kantanti rinomati. Kont mort 'audition' Katanja u għażluli xi tfal. Kienu kuntenti bil-livell tat-tfal mill-akkademja tiegħi u tawni l-esklussività li biha llum komplejt nikber f'dan il-kamp." Ma jgħaddix mument li omm Gillian ma tissemmiex, "Nemmen li ommi kienet hemm dejjem. Kif kont wasalt biex nifga, ommi ġabritni." Il-gladjatur tal-ħajja tallum qaltli wkoll li kieku ma kinitx waslet f'dik is-sitwazzjoni estrema ma kinitx tapprezza x'għandha llum, "Kien grazzi għal ħażin li wasalt fit-tajjeb tal-lum." Qaltli li llum għandha ħbieb ta' vera, "għandi erba' partikolari imma l-akbar ħabiba li ma jien xejn mingħajrha hi Debbie Mizzi" li fil-fatt kienet hemm fl-uffiċċju ta' ħdejha taħdem fil-kwiet. Qaltli wkoll li anke l-ġenituri tat-tfal li tgħallem huma kollha ħbieb kbar tagħha. Għax Gillian temmen ħafna fil-ħbiberija sinċiera. Kulfejn tħares fl-uffiċċju ta' Gillian kien hemm ritratti tal-maħbub tagħha. "Paul hu r-raġuni li jien nitbissem kull filgħodu" qaltli Gillian. "L-uniku biża' tiegħi hi, li billi hu akbar minni fl-età, nibża' wisq li nitilfu. Nippreferi li mmut qablu għax jekk ikolli firda oħra żgur li ma niflaħhiex. Jiena nidher mara b'saħħti iżda nħobb il-fsied kontinwu u Paul ifissidni wisq. Inqisu bħala t-teddybear tiegħi. Ġieli fis-sodda norqod billi nidħol filpiġama tiegħu" ħa nkun onest kif tagħmilha ma nistax nifhem jekk m'għandux xi piġama 'tal-orsijiet'. Min-naħa tagħha qaltli li hi aktar tfissed lil Paul milli lil binhom Beppe, "għax Beppe għandu l-istess karattru tiegħi u Paul spiċċa msallab bina t-tnejn" qalet bi tbissima filwaqt li għadda Paul minn ħdejna u għannqitu magħha. Dwar Beppe, Gillian qaltli li hu jagħtiha skop biex tkun mara aħjar kuljum, "iżda Beppe ġie maħtuf min-nanniet tiegħi. Għandi ħolma għalih li nixtiequ kantant b'karriera ħalli b'hekk inħoss l-emozzjoni li kienet tħoss ommi meta kont inkanta jien. Iżda l-importanti hu l-ħolm tiegħu u jien kulma rrid hu li nkun kburija b'dak kollu li jagħżel li jkun, irrilevanti tkunx il-ħolma tiegħi jew le. " Din iż-żagħżugħa mimlija ħeġġa u ħolm tgħid ukoll li l-kantanti tagħha jagħmluha dik li hi u hi tqishom kollha bħal uliedha. Dak il-ħin irċeviet telefonata li kien in-nannu tagħha u nnutajt il-ħlewwa li biha bdiet titkellem miegħu. "In-nanniet tiegħi nadurahom. Kienu huma li rabbewni wara l-mewt ta' ommi u napprezza li qatt ma ġġudikawni u ħabbewni bl-iżbalji tiegħi b'kollox." Innutajt ukoll li lil misiserha ma semmietu qatt u ma stajtx ma nistaqsihiex ir-raġuni għaliex, "Fil-fond ta' qalbi nħobbu sal-mewt għax missier wieħed għandi. Jiddispjaċini li ma fadlilna l-ebda relazzjoni flimkien." Jidher ċar li bejn Gillian u missierha hemm pont imfarrak u nawguralhom li maż-żmien dan il-pont jissewwa. Gillian ħadet l-engagement ma' Paul u qed tistenna d-divorzju tiegħu biex tkun tista' tiżżewweġ lil persuna li laqqagħha mal-imħabba vera. Hi miż-Żejtun iżda qed tgħix Ħal-Għaxaq u qed tirranġa appartament tas-Sliema biex imorru jgħixu hemmhekk. Staqsejtha dwar il-ħolma tagħha għal futur, "Li nkun b'saħħti biżżejjed ħa jkolli aktar enerġija biex noħroġ it-talent barra minn xtutna. Il-ħolma tiegħi li mill-akkademja tiegħi toħroġ stilla internazzjonali. Nispera wkoll li dis-sena nirbħu l-Junior Eurovision b'Gaia Cauchi u jkun l-ewwel suċċess internazzjonali li jiġi Malta." Qabel tlaqt Gillian urietni tpinġija mill-isbaħ li għandha matul dahara kollu. Tpinġija ta' siġra b'saħħitha li minnha joħorġu l-fjuri ħomor. Qaltli, "dik tahieli Paul bħala rigal. Dik inqisha ħajti. Siġra selvaġġa u b'saħħitha li minnha ħareġ il-fjur." Dik hi Gillian tal-lum u se nagħlaq bi kliem Paul li hu u jwassalni sal-bieb qalli b'ħarsa mimlija mħabba, "kemm inbidlet Gillian hux". Naqbel miegħu perfettament. Gillian hi gladjatur żagħżugħa tal-ħajja li wkoll ħarġet rebbieħa fuq issaram u l-uġigħ li ġġib magħha r-realtà tal-ħajja.

