Illum previous editions

illum 15 December 2013

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/228258

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

20 illum | Il-Ħadd 15 ta' Diċembru 2013 Illum, 1984 IMMANUEL MIFSUD WAĦDA mit-temi prinċipali tar-rumanz distopiku Nineteen Eighty Four ta' George Orwell hija s-sorveljanza stretta li l-istat ta' Oceania kien jeżerċita fuq iċ-ċittadini tiegħu. Fl-addattament ċinematografiku tarrumanz, b'reġija ta' Michael Radford maħruġ proprju fl-1984, din is-sorveljanza tintwera bl-iskrins omnipreżenti li kontinwament juru messaġġi ta' propaganda politika taħt il-forma ta' aħbarijiet u jiġbdu l-informazzjoni ta' fejn jinsabu u x'qegħdin jagħmlu ċ-ċittadini. Ħafna drabi r-rumanz ta' Orwell ġie interpretat bħala allegorija talistati Komunisti, partikolarment l-Unjoni Sovjetika, magħrufin, fost ħwejjeġ oħrajn, għan-natura polizjeska u sorveljanti tagħhom. Min ra l-film The Life of Others, b'reġija ta' Florian Henckel von Donnersmarck jiftakar l-istess tema, did-darba meħudha mill-esperjenzi veri ta' nies li kienu ssorveljati bl-aktar mod intimu mill-pulizija sigrieta tal-Ġermanja tal-Lvant. Huwa stmat li sal-1989 man-nofs miljun ruħ kienu direttament jew le involuti f 'dan l-apparat statali li l-għan ewlieni tiegħu kien li jservi ta' xabla u tarka tal-Partit billi jispija fuq iċ-ċittadini u persuni oħrajn li kellhom xi tip ta' kuntatt magħhom biex b'hekk, f 'segretezza liema bħalha, ixejjen kull attentat ta' gwerra tal-klassi u janniħila l-possibilitajiet ta' dissidenza. Stejjer simili tfaċċaw filpajjiżi eks-Komunisti kollha mal-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin u r-rivoluzzjonijiet kontra reġimi filo Sovjetiċi. Aktarx li r-raġuni prinċipali li wasslet għar-rivoluzzjonijiet antikomunisti kienet in-nuqqas ta' libertà li ċ-ċittadini ta' dawn l-istati kienu jilmentaw minnha, aktar milli għan-nuqqasijiet ta' ħwejjeġ meħtieġa filħajja ta' kuljum. Il-biża' mill-għajnejn imberrqa li kienu kapaċi jippenetraw imqar il-ħitan tal-kmamar tas-sodda ta' ċittadini komuni kien il-movent ewlieni għall-iskumdità u eventwalment ir-ribelljoni kontra stati dittatorjali li kkaratterizzaw tmiem is-Snin Tmenin fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Proprju din il-ġimgħa Ian McEwan, wieħed minn grupp ta' 'l fuq minn ħames mitt kittieb minn madwar id-dinja (fosthom il-kittieb Malti Pierre Meilak) iffirmaw appell uffiċjali lill-Ġnus Magħquda biex titfassal liġi internazzjonali ħalli tikkontrolla l-kontroll diġitali fuq iċ-ċittadini dinjin, irrefera għall-ktieb ta' Orwell. McEwan u l-kollegi tiegħu qegħdin jipprotestaw kontra l-apparat ta' sorveljanza li stati tal-Punent – mhux komunisti did-darba – qegħdin japplikaw fuq iċċittadini tagħhom. L-istat, li darba l-poeta Malti Victor Fenech immetaforizzah b'ippopotamu u qarnita b'tentakli twal ħafna, iqis bi dritt u bi dmir li jispija fuq is-suġġetti tiegħu. Illum it-teknoloġija tagħmilha ħafna aktar faċli li aħna, bnedmin komuni, ninkixfu u nispiċċaw issorveljati f 'kull ħin u f 'kull mument: il-posta elettronika, l-indirizzi elettroniċi, il-movimenti li nagħmlu aħna u nġorru ċ-ċellulari u t-telefonati u l-messaġġi li nibagħtu u nirċievu, iċċaqliq ta' flusna bil-karti tal-kreditu, il-kameras tas-sigurtà, l-aċċess għallinternet u l-visti li nagħmlu fl-inħawi virtwali huma kollha mezzi biex l-istat ikun jaf l-abitudnijiet u l-gosti tagħna. Kollox huwa rreġistrat, kollox huwa maħżun 'xi mkien' 'l bogħod mill-kontroll tagħna stess, kollox huwa storja. Sadattant, imma, l-Istat jaf ikun l-aktar entità ironika li nistgħu nimmaġinaw għaliex filwaqt li għaddej dan il-proċess ta' spijar, diversi nazzjonijiet għandhom leġiżlazzjoni stretta fuq il-privatezza tal-individwu. Għandu żewġ idejn l-istat: b'waħda jrid jissalvagwardjalna l-privatezza u bl-oħra jitkixxef fuqna. Dan ilkunflitt bejn privatezza u kxif u tkixxif tal-istess privatezza sar il-proċess ewlieni daqskemm moħbi tal-ħajja ta' kuljum. L-ironija ma tispiċċax hawn: fl-istess waqt li forsi hemm min qiegħed jallarma ruħu bil-mod kif l-apparat statali għandu aċċess għall-privatezza tal-individwi, is-sinjali ta' żmienna, ħafna aktar minn qatt qabel, huma kkaratterizzati millistriptease kontinwu u forsi volontarju fuq l-istess mezzi elettroniċi li l-istat juża biex isir jafna mill-qrib ħafna. Ma rridux nagħmlu sforzi kbar biex nosservaw kemm qegħdin ngħixu f 'soċjetà konfessjonali li fiha qegħdin niġu mħajra nikxfu l-borom tagħna nfusna u tal-oħrajn magħna. Waqt li ħames mitt kittieb qegħdin jesprimu l-inkwiet tagħhom għall-mod kif l-Istat qiegħed iqis passina, l-istess qarrejja tagħhom qegħdin igawdu mill-faċilità rħisa li jiksbu ftit notorjetà, ftit isem, ftit rikonoxximent biex b'hekk iħossuhom tajjeb, iħossuhom xi ħadd. Kemm dan l-istriptease huwa volontarju jibqa' kwistjoni dibattibbli. F'punt partikolari fl-istorja meta l-mezzi tax-xandir għallmassa qegħdin jeżerċitaw dominju psikoloġiku assolut, il-ħajra għall-kxif, l-inċitament b'modi sottili u oħrajn diretti ħafna, ma tistax ma tittiħidx bisserjetà. Ilkoll niftakru x-xandira Big Brother (referenza oħra għal Ninteen Eighty Four), jew kif lokalment hi magħrufa aktar Grande Fratello, u programmi oħrajn li fihom kulma jiġri huwa li l-kameras tat-televixin jindaħlu fejn qabel ma kienx jesagħhom. Filwaqt li ħafna drabi l-kontenut kien ikun wieħed insipidu għax kien ilaqqa' lill-ispettaturi ma' protagonisti msejkna, il-kurżità u l-faxxinu b'dak li qabel kien jinżamm moħbi, ħadd ma jista' jinnega li l-popolarità ta' programmi bħal dawn kienet inkredibbli, kbira biżżejjed biex televa dan ittip ta' programm għal status ta' kult. U l-kult iħajjar l-imitazzjoni. Irid jiżdied li l-privat kontinwament qiegħed isir pubbliku fuq il-mezzi taxxandir u aktar u aktar fuq il-mezzi soċjali bħal Facebook u Twitter, mingħajr inkwiet ta' xejn. Anzi, l-inkwiet ifiġġ meta tinnota li għaddejt kumment dwar kemm domt ma rqadt dal-lejl, jew tellajt ritratt ta' kif ħallejt ilfriex dalgħodu qabel ħriġt għaxxogħol, u ħadd ma rreaġixxa. Dan huwa proċess li ilu li nbeda, tnieda mill-Knisja bilproċess tal-qrara mal-konfessur, tkompla bir-reġimi differenti mat-twelid tan-nazzjon u l-istat permezz tal-ġbir ta' informazzjoni u l-ikkatalogar u l-ipproċessar tagħha, u issa, f 'din il-fażi aħħarija, bl-inċitament għall-istqarrija. Dan kollu, hemm min qiegħed jargumenta, huwa parti essenzjali mill-programm kapitalista li jinnormalizza liċ-ċittadini skont l-esiġenzi tal-kapital. Fl-aħħar mill-aħħar, allura, jekk wieħed jaċċetta dan l-argument, anki l-libertà li biha dak li jkun iħossu komdu jikxef, mhi xejn għajr logħba perfida li l-istat qiegħed jilgħab fuq iċ-ċittadini tiegħu. Però jista' jagħti l-każ ukoll li argument bħal dan jixhed sfiduċja fil-fakultajiet tal-bniedem u jirrendih sponża li tixrob kollox; għaliex hemm element ta' gost fil-kxif, hemm logħba għaddejja bejn l-istat u l-bniedem komuni u anki jekk l-istat dejjem għandu vantaġġ (għax għandu poter akbar u poteri differenti, u huwa inviżibbli), iċ-ċittadin mhuwiex joqgħod lura u qiegħed japprofitta ruħu. Fl-aħħar mill-aħħar il-mistoqsija tikkonċerna jekk għandniex nibqgħu nħarsu lejn l-istat kif ħarsu lejh Orwell u l-ħames mitt kittieb, jew għandniex nibdew nistaqsu jekk il-gost bil-kxif sarx apprezzat aktar minn kull ħaġa oħra.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 15 December 2013