Illum previous editions

illum 29 December 2013

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/234243

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 29 ta' Diċembru 2013 | illum 19 "Il-presepju: f'qalbi s-sena kollha!" JAMES J. PISCOPO F'NOFS Triq San Bartilmew f'Ħal Qormi, f'kamra mdaqqsa, qalb 35 presepju differenti nsib lil Alfred Casha mehdi mal-kreazzjoni ta' qalbu. Wieħed millveterani fil-bini tal-presepji, għalih din hi storja li tmur lura għal għexieren ta' snin, meta Fredu beda jinteressa ruħu u jibni l-presepji milletà ċkejkna ta' 12-il sena. "Minn dejjem kont inħobb il-Milied," jgħidli Fredu qabel jibda jdawwarni mal-presepji u nibdew l-intervista. "Dan iżżmien ma nibdlu ma' xejn, bla dubju ta' xejn hi l-aktar festa għal qalbi, aktar mill-ewwel tas-sena jew kull festa oħra. Għalhekk forsi kont inġbidt mal-ewwel lejn il-kunċett talpresepju." Hekk kif jibda jdawwarni mal-presepji, nistħajjilni wkoll għaddej f 'mixja matul iż-żmien għax hemm diversi stili ta' presepji. Jispjegali kif eżempju l-presepju Naplitan jippreferu arkitettura u sfond Ruman peress li l-Lhud kienu għamlu żmien twil maħkuma mill-imperu glorjuż ta' Ruma. Inkompli nara presepji oħra bi stili differenti, fosthom wieħed b'parti mill-bini mwaqqa' li kien ispirat minn monument li kien ra Fredu stess barra minn Malta. Fi żmien fejn saret komuni li artisti jaddattaw ilpresepju skont karatteristiċi ta' pajjiżhom, hu dlonk jurini tnejn li għandhom karatteristiċi Maltin, bil-blat u raddiena jgħammdu dan ilpresepju bħala wieħed 'Malti.' Iżda bin-numru kbir ta' wirjiet li 'jikkompetu' ma' tiegħu, Fredu ma jiddejjaqx jesprimi ruħu bi presepji moderni, fosthom uħud magħluqin f 'reċipjent talplastik forma ta' qalb li tiddendel mal-ħitan. "Aħna l-Maltin l-istil bibliku nħobbuh ħafna, però l-presepju modern jinżel tajjeb ukoll. Dan tal-aħħar jagħtik aktar lok fejn tuża l-immaġinazzjoni li hi importanti ħafna. Ritratti u kotba nara wkoll biex inbiddel xi ftit l-ideat, minbarra li ġieli mort inżur presepji barra minn xtutna." Nitolbu jiġġudika x'differenzi hemm bejn l-arti tal-presepju f 'Malta u f 'pajjiżi oħra. "Ifhem fid-daqs żgħir u medju nħabbtuha sew, naħseb li għandna kwalità għolja f 'dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra naħseb li għal presepji kbar u mekkanizzati għadna ftit lura, hemmhekk toħroġ aktar id-differenza," jgħidli Fredu Casha. Jissokta jgħid li hu jippreferi presepju statiku milli wieħed mekkanizzat. "Fi presepju wieqaf, l-irwol tal-pastur narah joħroġ aktar. Il-pastur qed jgħidlek l-istorja u l-irwol tiegħu fiha bla ma jiċċaqlaq." Huwa forsi għalhekk li Fredu ma jħobbx juża pasturi li ma jikkontribwixxu xejn għall-istorja, bħas-sajjied u l-kaċċatur. Casha jfakkarni kif il-pastur għandu rwol vitali għax jagħti l-ħajja lill-presepju, u jgħidli li l-aktar ħaġa importanti hu l-kunċett tal-proporzjon. Kif jgħidli dan ninnota li filpresepju ta' ħdejja kien hemm il-pasturi daqs (jekk mhux ikbar) mill-bibien tal-kmamar, imma donnu jaqrali moħħi u jispjegali kif xi riċerka turi li dak iż-żmien, il-bibien tal-kmamar kienu jkunu iżgħar minn tal-lum. Però dan dejjem jiddependi skont l-istil tal-presepju. Iż-żmien li jieħu fuq kull presepju wkoll jiddependi fuq diversi fatturi, fosthom iddaqs u l-istaġun minħabba li x-xogħol ikollu bżonn jinxef. "Imma matul is-sena dejjem nibqa' għaddej. Jekk ma nkunx nista' nkompli għal xi ħin, nilħaq inlesti u nipprepara xi xogħol ieħor, għalkemm Alfred Casha u l-presepji tiegħu innaqqas ftit fis-sajf. Għalhekk inħares lejn il-Milied bħala realtà ta' kuljum. Għalija l-presepju huwa xi ħaġa ħajja, f 'qalbi s-sena kollha!" Dlonk jitfaċċaw xi nies biex iżuru l-wirja, li Fredu ilu jtella' għal diversi snin. Jgħidli li l-kummenti tan-nies japprezzahom ħafna u jieħu gost ukoll bi kritika ta' oħrajn bħalu dilettanti tal-presepji, sakemm il-kritika tkun waħda kostruttiva. Innutajtu wkoll b'seba' għajnejn meta daħlu żewġ subien daqsxejn imfarfra li ma tawx kas tat-twissijiet u bdew imissu l-presepji b'idejhom... li ġabitni għallmistoqsija li jmiss: b'liem materjal jippreferi jaħdem? "Għal dawn l-aħħar snin sirt nippreferi naħdem bil-ġablo. Fil-fehma tiegħi dan ilmaterjal jagħtini aktar libertà biex nesprimi ruħi, tkun tista' toħloq aktar bil-ġablo milli bilkarti. L-unika sfortuna tiegħu hi li fis-sajf ma tistax tixgħel fann, għax itajjarlek kollox! Jekk tuża l-karta, biż-żmien din tittiekel jekk ma tiħux ħsiebha, u tattira l-wirdien." Kien imiss issa li jurini l-akbar presepju fiċ-ċentru tal-wirja, u jispjegali d-dettalji tiegħu aħna u nduru miegħu. Kien presepju li kull naħa tkompli mal-oħra, b'taraġ li jinfed u jwassal kullimkien biex il-presepju jkun aktar reali. "Jekk għandek presepju fuq diversi livelli, jien nippretendi li jekk tqiegħed pastur fuq, dan ikollu taraġ jew passaġġ biex juri minn fejn tela' jew niżel. Inkella ma tkunx stampa kompleta fl-opinjoni tiegħi." Meta nsaqsieh dwar kif jippjana presepju meta jkun se jibni wieħed, hu jammetti li ħsieb minn qabel irid ikun hemm, però diffiċli li tarah kollu f 'moħħok. Għalhekk, ikollu stampa aktar ċara ta' x'jista jagħmel u x'ideat jista' juża waqt li jkun qed jibnih bil-mod. Però dejjem jibda mill-bażi: xi njama jew materjal simili li jservi ta' bażi soda għal dak li jkun ġej fuqu. Jurini wkoll presepju ieħor li għalkemm ma jkunx kbir ħafna mid-daqs, għandu ħafna 'fond' – sa tlieta u erbat ikmamar wara xulxin. "Ovvjament dejjem trid tibda minn wara u tkompli tibni 'l quddiem. Ġieli nkun ġa tfajt il-pasturi f 'posthom qabel ma nkompli nibni quddiemhom, dik tkun l-unika soluzzjoni. F'każi oħra jekk ikun hemm bżonn ikolli nuża ċertu għodda meta jdejja tkun goffa wisq jew ma tkunx tista' tidħol. Hija arti li trid ħafna paċenzja minkejja li nammetti li jien persuna nervuża ħafna! Iżda r-riżultat finali jkun li tħares lejn ilpresepju u jkollok verament x'tara, l-għajn għad-dettall hija importanti." Nirrimarkalu żewġ dettalji li rajt f 'kull presepju minn tiegħu: l-użu tad-dawl u ta' ħaxix niexef. X'importanza għandhom? "Huma żewġ dettalji li jagħtu l-ħajja lill-presepju. Wara li s-sagħtar ma baqax permess li jintuża fil-presepju kellna uġigħ ta' ras kbira. B'xi mod dejjem sibt tip ta' ħaxix li jkun addattat, ħafna mid-drabi ninzertahom jien u miexi barra. Min-naħa l-oħra, iddawl iħalli effett sabiħ u jien kont fost tal-ewwel li kont nuża d-dawl mingħajr ma jinħarqu l-bozoz. Is-sigriet? Meta kont żgħir kont għamilt snin twal nitħarreġ u naħdem fid-dawl!" itemm jirrakkontali bi tbissima.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 29 December 2013