Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/260956
16 illum | Il-Ħadd 16 ta' Frar 2014 L-ambjentalisti jittamaw li l-politiċi jibdew jieħdu passi favur l-ambjent naturali JEROME CARUANA CILIA jccilia@mediatoday.com.mt MATUL il-kampanja elettorali tal-2013, l-ambjent naturali tagħna beda jissemma kemxejn aktar minn kampanji elettorali preċedenti. Jista' jkun ukoll minħabba l-proposta ta' bini ta' powerstation ġdida. Iżda ċertament li l-poplu Malti u Għawdxi dejjem aktar qed isir konxju tal-importanza li nħarsu l-kampanja ta' pajjiżna. Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat spjega li kif inhu mwiegħed fil- Manifest Elettorali l-ambjent naturali tagħna huwa prijorità ewlenija għal dan il- Gvern. Il-Gvern għaldaqstant hu impenjat biex dak imwiegħed jitwettaq. Dan il-proċess ser jissaħħaħ aktar bit-twaqqif tal-Awtorità tal- Ambjent. Il-Ministru fisser kif dan il-proċess li ilu għaddej u baqa' jsir xogħol fuqu matul is-sena 2013 anke permezz ta' proċessi ta' SEAs (Strategic Environmental Assessments) u EIAs (Environmental Impact Assessments) flimkien ma' evalwazzjoni ambjentali. "Tant hu hekk li l-Pjan tal-Immaniġġjar tal-Iskart li ġie mniedi mill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil- Klima kien ukoll suġġett għall-iskrutinju ta' Strategic Environmental Assessment. Dan sabiex ikun żgurat li l-politika finali ma jkolliex impatt negattiv fuq l-ambjent anke mill-aspett tal-ambjent naturali." Il-Ministeru qiegħed jappoġġja proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-ħarsien ambjentali, kompla l-Ministru Brincat, speċjalment dawk marittimi, li tagħhom il-MEPA sal-lum għandha r-responsabbiltà ewlenija. B'żieda ma' dan, il- Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima qed jappoġġja numru ta' għaqdiet mhux governattivi (NGOs) sabiex imexxu żoni naturali. Dawn jinkludu l-Park tal-Majjistral, l-Għadira, Simar, Għajn Tuffieħa, Wied Għollieqa u r-Ramla l-Ħamra. Il-Proġett tal-EAFRD huwa mmexxi mill-MEPA li f 'dan l-istadju ma taqax taħt il-Ministeru tal-Ambjent. L-għan tal-EAFRD hu li jfassal pjan ta' immaniġġjar ta' żvilupp għal Terrestrial Sites Natura 2000. Pjan li mistenni li joħroġ aktar tard matul is-sena. Dan għandu jkun ta' xprun għall-gvern biex jistabbilixxi l-pass li jmiss sabiex nimxu 'l quddiem anke f 'dan il- qasam. "Bħala Ministeru ħa nkunu qed naraw b'attenzjoni kbira li jkun żgurat li l-politiki dwar il-pjan il-ġdid tal- Iżvilupp Rurali, jħarsu l-ambjent naturali f 'pajjiżna b'rabta mal-Politika tal- Agrikoltura Komuni," qal il-Ministru Brincat. Il-Ministru tenna li b'mod parallel, il-Ministeru qed jiżgura li fil-koordinazzjoni tat-tħaddim tal-Pjan tal- Iżvilupp Rurali skont il- Politika Agrikola Komuni nnifisha, huwa meħtieġ li jiġu allokati 30% tal-fondi għall-ambjent u t-tibdil tal- klima. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Charlo Bonnici qal li sfortunatament, minkejja l-wegħdi elettorali li għamel, dan il-gvern qiegħed jagħmel ftit li xejn għall-ambjent naturali tagħna, anzi fil- verità qed jagħmel il-kontra. Dan tixhdu l-aktar il-kritika kontinwa tal-ambjentalisti li qed iħossu li l-Gvern qed jimxi b'insensittività u għaġġla kbira fit-teħid ta' deċiżjonijiet marbuta mal- ippjanar. "L-ewwel rajna l-Gvern joħroġ sejħa għall- espressjonijiet biex isiru proġetti ta' bini fuq art reklamata mingħajr ma għamel l-istudji meħtieġa, imbagħad iddeċieda li jirrevedi l-politika mill-aktar importanti bħal dawk dwar l-ODZ, ir-reviżjoni tal-pjani lokali u l-Floor Area Ratio Policy fost l-oħrajn, mingħajr mal-ewwel stenna li jiġi konkluż il-Pjan Nazzjonali dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (l-iSPED). Il-biża' ta' ħafna, inkluż tal-Oppożizzjoni huwa li dan il-Gvern huwa kommess mal-iżviluppaturi biex isir ċertu żvilupp, bi tpattija għall-appoġġ li tawh fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Inħoss li l-ambjent naturali u l-ftit art li fadlilna qed nissagrifikawhom għall- konvenzjenza politika u ngħiduha kif inhi, għall- poter," qal Bonnici. Fl-istess waqt, minkejja l-ħafna kliem fuq road maps u pjani, kompla Bonnici, għadna ma smajna xejn fuq azzjoni konkreta favur, ngħidu aħna, il-ħarsien tas- siġar, minkejja li twaqqaf kumitat u suppost li tlesta rapport. Hu jħoss li minkejja r-rieda tajba, il-Ministeru tal- Ambjent jinsab f 'pożizzjoni dgħajfa fejn ftit li xejn jista' jagħmel biex iwaqqaf l-isfreġju fuq l-ambjent flimkien ma' evalwazzjoni ambjentali. Ħames Minuti ma' Dana McKeon FORSI f 'pajjiżna mhux kulħadd huwa familjari mal- beatbox, iżda ż-żagħżugħa Dana McKeon qed tikseb riżultati pożittivi f 'dan il- qasam. Il-beatbox jinvolvi l-kapaċità li tuża l-ħalq biex jiġu maħluqa ħsejjes u beats li mbagħad joħolqu mużika liema bħalha. Dana għandha 24 sena u bħalissa tinsab f 'Londra fejn qed tikseb opportunitajiet ġodda fix-xena tal-mużika internazzjonali. Dana kisbet il-ħames post fis-sezzjoni femminili tal- Kampjonat Dinji tal-Beatbox li sar f 'Marzu tal-2012 f 'Berlin. Iklassifikat fit-tieni post fil-UK Beatbox Championship tal- istess sena u anke fl-2013. Kelma waħda li tispjega ħajtek? Avventura X'inhi l-attitudni tiegħek lejn il-ħajja? Naħseb li għandi attitudni pożittiva lejn il-ħajja u nemmen li jekk trid xi ħaġa, xejn m'għandu jwaqqfek milli taħdem għaliha. Kif tħajjart tidħol fix-xena tal-beat boxing? Skoprejt l-arti tal-beatbox b'kumbinazzjoni waqt li kont qed nistudja l-Università, u tant għoġbitni li bqajt niżviluppaha sakemm ilħaqt livell internazzjonali. Illum il-ġurnata furtunata biżżejjed li nista' nżur bosta pajjiżi u naqsam din il- passjoni ma' udjenzi differenti. Il-Beat boxing f 'pajjiżna? Ix-xena tal-beatbox f 'pajjiżna għadha pjuttost xi ħaġa ġdida. Bħalissa jiena l-unika beatboxer Maltija li nikkompeti fuq livell internazzjonali. Għalhekk qed norganizza Beatbox Workshops fit-8 ta' Marzu u t-12 t'April fit-Teatru Salesjan tas-Sliema, bħala parti minn proġett kbir li qed immexxi bl-għajnuna tal- Malta Arts Fund. Esperjenza partikolari li kellek waqt kompetizzjoni tal- beat boxing… Għadni niftakar l-ewwel darba li ħadt sehem f 'kompetizzjoni tal-beatbox. Konna Berlin u kelli nikkompeti ma' raġel li kellu ħafna aktar esperjenza fil-beatbox minni. Bdejt nibża' li miniex se mmur tajjeb għax kont ili inqas minn sena niprattika l-beatbox, imma l-oriġinalità tiegħi ntgħoġbot u rbaħt il-kompetizzjoni minkejja n-nuqqas t'esperjenza. B'hekk tgħallimt xi ħaġa li baqgħet miegħi sal-lum: l-oriġinalità ġieli tiswa aktar mit-teknika u kapaċi tiftaħ ħafna bibien ġodda. X'valur għandhom il-flus għal ħajtek? Il-Malti jgħid li bil-flus tagħmel triq fil-baħar, u fil-fatt huma neċessarji biex nilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħi. Iżda għalija, il-flus mhumiex kollox – sempliċiment mezz ta' kif nista' nilħaq l-għanijiet tiegħi u ngħin lil ħaddieħor. X'tippreferi: is-sajf jew ix- xitwa? Is-sajf Persunaġġ Malti/ja li tammira? Nammira ħafna lit-tenur Joseph Calleja. Għandu talent kbir u rnexxielu jagħmel karriera mill-passjoni tiegħu, filwaqt li jagħmel unur kbir lil pajjiżna madwar id-dinja. Favur jew kontra l-ewtanasja volontarja? Naħseb li dan is-suġġett huwa delikat ħafna u wieħed ma jistax jiġġeneralizza jew jaqta' linja mingħajr ma jkun infurmat sew dwar kull aspett involut. X'jiffrustrak? L-inġustizzja X'ibeżżgħek? Il-ħsieb li tiġri xi ħaġa kerha lil dawk li nħobb, speċjalment meta qiegħda 'l bogħod minnhom. Kemm hi importanti r-reliġjon f 'ħajtek u għalfejn? L-ispiritwalità tiegħi tagħtini bilanċ f 'ħajti u żżommli saqajja mal-art, speċjalment f 'mumenti ta' sfida. Dana McKeon kemm tħobb lill-pajjiżha? Ħafna. Malta għandha kwalitajiet mill-isbaħ li ma ssibx bħalhom f 'postijiet oħra madwar id-dinja. X'inhu s-suċċess fil-ħajja Il-Ministeru qiegħed jappoġġja proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea

