Illum previous editions

illum 16 February 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/260956

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

20 illum | Il-Ħadd 16 ta' Frar 2014 FL2003 l-artista Awstraljana Patricia Piccinini ħasdet il-pubbliku ġenerali meta għall- Biennali ta' Venezja esebiet sett ta' esebiti msejjaħ "We Are Family." L-iskulturi iperrealistiċi ta' Piccinini juru figuri ta' ibridità bejn bnedmin u annimali, bħal ngħidu aħna figuri umani b'fattizzi ta' ħnieżer jew baqar, jew figuri umani b'fattizzi strambi, koroh, forsi anki mostrużi. Minbarra l-ħarsa mill-ġdid lejn il-preokkupazzjoni antika li l-bniedem għandu bil-mostrożità, l-esebiti ta' Piccinini jimmotivaw lill- ispettaturi tagħhom biex jirriflettu dwar ir-relazzjoni bejn il-bniedem u l-annimal. Din ir-relazzjoni, bħal kull relazzjoni oħra, hija waħda kumplessa u għandha l-mumenti ta' tensjoni tagħha għaliex minn banda hemm indikat il-prossimità bejn il- bniedem u l-annimal, u minn banda oħra tikxef il-kilba tal-bniedem biex jissupera u jeżerċita setgħa totali fuq ħlejjaq li maż-żmien bdew jitqiesu bħala inferjuri. F'diversi intervisti li tat, Piccinini elenkat numru ta' interessi li mmotivawha taħdem l-iskulturi tagħha. Fost dawn l-interessi hemm appuntu r-relazzjoni bejn il-bniedem u l-annimal li fil-viżjoni disturbanti ta' Piccinini huma żewġ figuri relatati flimkien għaliex li wara kollox iffurmati mill- istess materjal ġenetiku. Għal din l-artista dan huwa biżżejjed biex iħajjarna nħarsu lejn l-annimal bħala qarib tal-bniedem. Biex tisħaq il-punt, l-iskulturi ta' Piccinini mhux biss jippreżentaw figuri ibridi, imma wkoll, ħafna drabi, tableaux vivants ta' dawn il-figuri strambi ma' umani, l-aktar tfal, f 'mumenti teneri, innoċenti u mimlijin b'espressjonijiet ta' mħabba. Għaxar snin wara l-wirja ta' Piccinini f 'Venezja kien hemm spettaklu ieħor li fih kienu involuti annimal u bniedem, did-darba fil- kapitali Daniża. L-annimal huwa ġiraffa ta' sena u nofs, bl-isem gustuż ta' Marius. Il-ħajja qasira tiegħu, Marius qattagħha fiż-zoo ta' Copenhagen, flimkien mal-ġiraffi l-oħrajn. Jum fost l-oħrajn inqatgħetlu għall- mewt, mhux minn xi kunsill amministrattiv tal-ġiraffi, imma mill-amministrazzjoni kollha kemm hi umana taż- zoo Daniż. Ma kellu ebda akkuża miġjuba kontrih għax ta' sena u nofs Marius ma kkommetta ebda att kriminali. Fil-fatt lanqas hu ġust ngħidu li ġie sentenzjat jew li nqatgħetlu għall-mewt; it-terminu użat hu li Marius ġie ewtanżjat. Dat-terminu ħareġ bih Bengt Holst, id- direttur xjentifiku taż-zoo. Marius inqatel għar-raġuni surreali li ma kienx ġiraffa partikolari, li l-ispeċi tiegħu, Giraffa Camelopardalis Reticulata, mhijiex fil- periklu ta' estinsjoni u, terġa', fiż-zoo ta' Copenhagen hemm iżżejjed minn dawn il-ġiraffi. Marius, fi kliem ieħor, ma kienx hemm bżonnu. Anzi, issa li kien se jibda jsir imqareb u jibda jsus wara l-ġiraffi nisa, seta' jkun hemm il-periklu ta' tgħammir fl-istess grupp. U dan, kompla Holst, imur kontra l-proċeduri stabbiliti mill-Programm Ewropew tat-Tgħammir tal-Ġiraffi. Mela għodwa waħda Marius jiġi mħajjar jiekol biċċa ħobż, aktarx il-kolazzjon favorit tiegħu. L-assistent taż-zoo jxejjirlu l-ħobża biex Marius jinqata' mill-bqija tal-ġiraffi, imbagħad joffrihielu, Marius jgħawweġ għonqu 'l isfel biex ibaxxi rasu ħa jikolha, u minflok il-ħobża jispiċċa jiekol tir f 'għonqu li jħallih tal-post. Ġuda bies lil Kristu u dan offra l-kolazzjon. Imma kien hemm it- tieni att tal-kummiedja. L-amministrazzjoni taż-zoo ħassitha fid-dmir li tkompli taqdi r-rwol edukattiv tagħha u allura bħal-lum ġimgħa, il-katavru ta' Marius inġarr quddiem folla li marret titgħaxxaq bil-ħlewwa tal-ġiraffi, u offritilhom li jaraw awtopsja gratis, spettaklu li, ngħiduha kif inhi, mhux soltu jirnexxielna narawh. Ħarġu rapporti u anki ritratti ta' tim ta' veterinarji u l-assistenti tagħhom, libsin il-ġagagi u l-ingwanti tal-plastik koħol ibiċċru l-katavru. Mela ejja nimmaġinaw li t-tifla tiegħek kienet ilha tiffittak għomor biex teħodha tara l-ġiraffi għax l-għalliema qratilhom storja fuq ġiraffa ħelwa li tbiegħdet minn ommha u missierha, intilfet, bdiet tibki, bdiet tibża' mill-iljuni imma fl-aħħar ommha u missierha jsibuha u jeħduha d-dar qawwija u sħiħa u ferħana. U t-tifla tgħidx kemm qagħdet kwieta dil-ġimgħa u l-Ħadd filgħodu tagħtiha sorpriża u teħodha ż-zoo ħa tara l-ġiraffi li kienet ilha tant tixtieq tara. Imbagħad tara ġiraffa minxura mal- art u ġgajta ġagagi bojod iqattgħu lill-ġiraffa ħalli juru kif issir awtopsja lill-ġiraffi. Fil-fatt, Tobias Stenbaek Bro, kelliem għaż-zoo, kien ikkwotat jgħid li ħassu tassew kuntent li ż-zoo offra l-opportunità lit-tfal biex jaraw b'għajnejhom stess kif inhi ffurmata l-anatomija ta' ġiraffa. Dejjem aħjar, ried jgħid dar-raġel, li tara l-oġġett milli ritratti tiegħu. Il-kummiedji ġeneralment ikollhom tliet atti, anki dawk ta' Copenhagen. Wara li qattgħu u għallmu lill- pubbliku, l-assistenti jaqbdu l-fdalijiet ta' Marius il-ġiraffa ordinarja, u jixħtuhom lill- iljuni ħa jikluhom, għax, fl-abitat naturali tagħhom il-ġiraffi jittieklu mill-iljuni. B'hekk, il-folla tgħallmet x'jiġri fis-savanna Afrikana. L-atroċità ta' din il-ġrajja ma tistax ma tkexkixx lil min għandu mqar farka sensittività. Il-qatla ta' Marius u t-tbiċċir pubbliku ta' ġismu seħħew ftit jiem wara li fil-Mosta nżamm l-appuntament ta' kull xahar u reġgħu dehru l-annimali msallba mdendla mal-istatwi tal-qaddisin fil-portiku tal-knisja. Stajna naraw l-ispettaklu diġitali ta' raġel jiġri taħt id-dell taz-zuntier f 'nofs ta' lejl, jixxabbat ma' ħajt u jiddendel biex idendel il-vittmi tiegħu. Kif kien loġikament mistenni, ħafna nies irreaġixxew b'rabja u diżgust u diversi minnhom kitbu messaġġi fuq l-internet aktarx vjolenti daqs il- kruċifissjoni tal-annimali nfisha. Naturalment hemm differenza bejn iż-żewġ każi: fil-Mosta hemm xi ħadd b'kundizzjoni mentali li qiegħda twasslu għal atroċitajiet insensati, propju għax għandu moħħ marid. U filwaqt li nikkundanna l-qtil kattiv ta' dawn l-annimali, nittama li nifhmu li min isallab il-qtates u l-klieb u jdeffsilhom ittri paranojċi f 'żaqqhom jitqies b'miġnun u xejn inqas. Imma fiż-zoo ta' Copenhagen m'hemmx mard mentali iżda normalità tbeżżgħek li timxi mal- annimali skont kalkoli bierda li jiddeferenzjaw bejn dak li hu ordinarju u dak li mhux. Għalija dak li ġara lil Marius huwa ħafna aktar serju u offensiv milli dak li qiegħed jiġri l-Mosta, aktar u aktar meta wieħed isir jaf li l-qattiela tal-ġiraffa rċevew petizzjoni ffirmata minn sebgħa u għoxrin elf persuna f 'appell biex ma jsirx il-qtil. Terġa', iż-zoo ta' Copenhagen kellu diversi talbiet għal Marius minn siti oħrajn fejn jinżammu l-annimali, imma l-konġura kienet diġà saret. L-istorja ta' Marius kixfet in-naħa l-kerha taż-zoos, li filwaqt li jippużaw tas- salvaturi ta' speċi fil-periklu ta' estinsjoni, jimxu mal- esebiti tagħhom b'nuqqas ta' rispett u ħniena. Fl-istess ġranet li d-dinja bdiet taqra u tara r-ritratti tal-istorja ta' Marius, bdew ifiġġu allegazzjonijiet simili kontra numru ta' istituzzjonijiet oħrajn li jżommu l-annimali. Sadattant, hemm ġiraffa oħra fil-Jyllands Park Zoo, ukoll fid-Danimarka u wkoll jisimha Marius, li għandha s-sentenza tal-mewt imdendla fuq rasha. IMMANUEL MIFSUD MARIUS L-awtopsja saret quddiem ċorma tfal u wara, Marius, ġie mitmugħ lill-iljuni L-awtopsja saret quddiem ċorma tfal u wara, Marius, ġie mitmugħ lill-iljuni

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 16 February 2014