Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/265006
20 illum | Il-Ħadd 23 ta' Frar 2014 ITTIENI att tal-opra Tosca jispiċċa b'mument drammatiku hekk kif il-kap tal-pulizija malinn Scarpia jdur fuq Floria Tosca ferħan se jtir u b'arja trijonfanti li rebaħha u seraqha mill-maħbub tagħha u jagħti s-salt biex jgħannaqha miegħu ħa jbusha. Dlonk il-kantanta ddeffislu sejf f 'sidru u Scarpia, l-ewwel jitlob l-ajjut u mbagħad jibda jgħajjat li se jmut. Ftit battuti wara Scarpia jaqa' fl-art u jibqa' tal-post. Imbagħad Floria tpoġġi żewġ kandelabri bix- xemgħa tixgħel mal-ġnub ta' ras il-vittma tagħha, isserraħ kurċifiss fuq sidru u toħroġ 'il barra. L-udjenza ċċapċap. Jingħad li wara li qala' erba' tiri ta' pistola f 'dahru minn eks-ammiratur tiegħu, John Lennon, irnexxielu jitla' ħames tarġiet fid-direzzjoni fejn kien stazzjonat il-gwardja tas-sigurtà fil-blokka appartamenti fejn kien jgħix, jgħajjat, "Sparawli! Sparawli!" Nhar il-Ħamis li għadda fl-eqqel tal-battalja bejn dimostranti u l-forzi tal- ordni fil-kapitali Ukrena Kjev, tfajla ta' wieħed u għoxrin sena, Olesya Zhukovskaya, intlaqtet b'balla f 'għonqha. Ma kinitx l-ewwel u lanqas l-aħħar midruba. L-aħħar sforz tagħha użatu biex miċ- ċellulari, ittella' tweet qasir ħafna: "Qiegħda mmut." Zhukovskaya kienet qiegħda mad-dimostranti sservi ta' infermiera volontarja u vvjaġġat lejn Kjev biex tipprotesta mad-dimostranti l-oħra u tgħin lill-midruba hekk kif l-attakki min-naħa tal-forzi tal-ordni ħraxu u n-numru ta' feruti u mejtin beda, kulma jmur, jikber. Ta' wieħed u għoxrin sena, Zhukovskaya tappartjeni għal hekk imsejħa Ġenerazzjoni-M, il-ġenerazzjoni li twieldet bit-telefonija mobbli u l-ħajja diġitali. Dan l-aħħar messaġġ tagħha fuq Twitter u s-social media network Vkontakte (popolari ħafna fir-Russja u l-Ukrajna) isegwi sensiela twila ta' messaġġi li Zhukovskaya bdiet ittella' bil-ħsieb li tirrapporta live mill- inħawi fejn il-battalja bejn id-dimostranti u l-pulizija kienet għaddejja. Il-messaġġi li bdiet ittella' qabel ma ndarbet f 'għonqha jixhdu taħlita ta' emozzjonijiet differenti: eċitament li se tkun fil- qalba tal-kunflitt imdemmi, inkwiet u biża', rabja u reżistenza kontra l-vjolenza tal-forzi tal-ordni. Minbarra l-messaġġi, iż-żagħżugħa tellgħet ukoll numru ta' ritratti li fihom tidher liebsa elmu għall-protezzjoni u ġagaga b'salib aħmar, aktarx bħala speċi ta' uniformi biex tiġi identifikata bħala infermiera. Bħal kull kunflitt ieħor, dak vjolenti ta' Kjev għandu mdendla miegħu kwistjonijiet soċjali u politiċi li jinfirxu fuq dimensjoni ħafna usa' mill- kunflitt innifsu. Bir-rata ta' mwiet dejjem tielgħa u bis-suspett li dak li qiegħed jiġri bħalissa jista' jwassal għal gwerra ċivili, l-istorja tal-Euromaidan jaf għandha intriċċi politiċi li jippuntaw lejn differenzi bejn filokomunisti jew filoRussi u elementi leminin. Jidher li hemm demarkazzjoni evidenti bejn l-akkwati tal-Punent u ċ-Ċentru tal-Ukrajna u l-Lvant u huwa propju għalhekk li l-possibbilità ta' gwerra ċivili hija eminenti. Iżda lura għal dit-tfajla. Aktarx li wieħed kien jistenna li xi ħadd li ntlaqat f 'għonqu b'balla kellu jkollu prioritajiet oħrajn milli jikteb messaġġ fuq l-internet. Ritratt li dar fuq is-siti tal-aħbarijiet madwar id-dinja, juri lit- tfajla ftit mumenti wara li ntlaqtet, liebsa ġakketta bajda, b'elmu fuq rasha, b'id waħda tagħfas għonqha biex ma titlifx wisq demm u bl-oħra ġġorr iċ-ċellulari mnejn kienet għadha kemm tellgħet messaġġ li qiegħda tmut. Għall-ewwel feġġew rapporti li Olesya mietet, imbagħad ħarġu oħrajn li kienet ħajja iżda fil- periklu imminenti li tmut, imbagħad li ġiet operata. Sal-Ħamis filgħaxija ma kienx hemm konfermi ta' mewt u lanqas ma kien hemm messaġġi oħrajn fuq il-kont Twitter u Vkontakte tat-tfajla. It-tfajla tibgħat messaġġ fuq Twitter fil-mument tal-agunija tagħha. Kuntrarju għal Scarpia, li wkoll l-aħħar kelma tiegħu kienet li se jmut, u John Lennon li pprova jikseb l-għajnuna huwa u jgħid x'kien għadu kemm ġralu, biex ma nsemmux l-aħħar kelma ta' Kristu fuq is-salib li, huwa wkoll, jiddikjara l-mewt tiegħu wara li talab biex jagħtuh jixrob, Olesya Zhukovskaya tagħmel biss l-istqarrija tal-mewt. Minn banda jista' jkun messaġġ ta' biża' quddiem ir-realtà hekk traġika tal-mewt. Il-konċiżjoni tal-messaġġ tagħti drammatiċità akbar lill-kontenut espress. Forsi hemm sens ta' rassenjazzjoni telliefa la darba r-realtà hija dik li hi. Iżda l-preġju ta' din l-għajta tal-mewt jinbidel malli l-Ġimgħa filgħodu t-tfajla terġa' titfaċċa fuq Twitter wara lejl ta' inċertezza għall-eluf li bdew isegwu t-tweets tagħha; did-darba b'messaġġ itwal li jibda bil-kelmiet "Għadni ħajja!" B'kumbinazzjoni jew le, l-għajta tal-ferħ tikkoinċidi mal-ftehim milħuq (u iffirmat) bejn il-president Viktor Yanukovych u l-kap tad-dimostranti Vitali Klitschko. Lil min għajtet "Qiegħda mmut" Zhukovskaya? Lit- Twitter? U t-Twitter min hu? U għala għajtet b'dawk il-ftit ittri Ċirilliċi li kitbet b'attenzjoni kbira? Olesya Zhukovskaya kienet fil-qalba tal-battalja. Anzi, marret lejn Kjev apposta biex tkun parti mill-folla tal-elmijiet u t-tarki li fil-battalji kontra l-forzi vjolenti, sfrakassat pjazza sħiħa u l-madwar. L-eċitament tad-drama, bil-balal itiru, bil-midruba u l-katavri jitkaxkru mat-triqat, bl-isnipers jimmiraw u jiġbdu l-grillu, Zhukovskaya jaf kellha l-mument ta' delużjoni tal- kobor, is-sens ta' erojiżmu li ħakimha tant li, bid-demm iċarċar m'għonqha, l-ewwel ħsieb li ġieha f 'moħħha kien li ttella' messaġġ drammatiku bl-għarfien li dan il-messaġġ kien se jkun segwit mill-mezzi tax-xandir, inklużi dawk aktar potenti mit-Twitter, u kulħadd jispiċċa jitkellem fuqha. Zhukovskaya rebħet il-qlub ta' ħafna anki jekk kienet taf li t-tweet tagħha ma kienx se jibdel l-andament storiku ta' pajjiżha. Tant huwa hekk, li meta l-għada reġgħet qabdet iċ-ċellulari biex tħabbar ir-rebħa tagħha fuq il-mewt (u allura mument erojku ieħor) it-tfajla ddikkjarat li għadha ħajja u rringrazzjat lil kulħadd għat-talb li talbu għaliha, irrispettivament minn kemm dan kienx veru jew le. Il-messaġġi qosra (anki dawk tawwalin) fuq l-internet jagħtu lil dak li jkun l-illużjoni li huwa xi ħadd importanti. Li jħares lejn is-sit virtwali u jara l-messaġġ li jkun għadu kemm kiteb u ismu ffirmat taħtu jagħti lil dak li jkun sens ta' milja li aktarx ftit li xejn jista' jiksbu b'mod ieħor. Wisq probabbli n-numru ta' segwaċi tat- twitter ta' Zhukovskaya diġà naqas issa li 'għadda kollox b'wiċċ il-ġid'. Mitlufa fl-anonimat tal- folla, dit-tfajla għarfet kif tispikka, kuntrarju għall- vittmi l-oħrajn (dawk li attwalment tiflu ħajjithom mingħajr ma ħallew messaġġ fuq it-Twitter) li 'l barra mill-Ukrajna se jibqgħu nies bla isem. IMMANUEL MIFSUD "Qiegħda mmut" Fil-mument tal-agunija fil-pjazza Ukrena, kitbet fuq Twitter "Qiegħda mmut"