Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/269665
20 illum | Il-Ħadd 02 ta' Marzu 2014 FTIT taż-żmien ilu Heritage Malta ħarġet sejħa lill-artisti biex jiġu kkummisjonati tliet monumenti lil tliet politiċi li llum m'għadhomx magħna. Tista' tgħid li kien hemm qbil unanimu li t-tliet abbozzi magħżula kienu, biex nikkwota lil Mark Anthony Falzon fis-Sunday Times tal-15 ta' Diċembru li għadda, "God- awful". Il-punt hu li jinħass li l-kontribut li dawn it-tliet politiċi taw lin-nazzjon, anki jekk, minħabba l-profil politiku lokali, ħafna drabi huwa diskutibbli, tinħass il-ħtieġa, jekk mhux l-obbligu, li jiġi rikonoxxut anki wara mewthom billi jiġi stampat fuq il-memorja kollettiva bit-tama li jkollhom l-istess effett fuq l-imħuħ tal- ġenerazzjonijiet li għad iridu jitwieldu. Hemm dal-paradoss assoċjat mal-monumenti: ir-referenza tagħhom hija għall-imgħoddi imma fl-aħħar mill-aħħar l-iskop huwa l-futur. Fiż-żelu li għandna lejn il-memorja tagħna neħduha b'benfatt li ta' warajna għandhom jimitawna u jkomplu jġorru l-memorja tagħna. Biex ngħidu hekk inserrħu rasna li l-obbligu li nħossu lejn il- memorja nħalluh warajna għal ta' warajna wkoll. Il-paradoss l-ieħor huwa li ħafna drabi monument huwa oġġett mejjet, ħafna drabi statiku wkoll, li, iżda fih ħafna ħajja. Ħafna monumenti 'jgħixu' mal-ħajjin u l-ħajjin jgħixu magħhom: jgħaddu minn ħdejhom, iħarsu lejhom, ipoġġulhom il-fjuri fl-anniversarji importanti, iservu ta' ċentri f 'mumenti partikolari li jvarjaw minn kommemorazzjonijiet, sa tensjoni politika u ċelebrazzjoni. Sadattant hemm monumenti li l-mewt tagħhom hija totali. Ejja nieħdu bħala eżempju l-monument lill-ħaddiem li hemm l-Imsida: minsi għal kollox , maħmuġ, mgħotti b'ruxxmata billboards, u mimli karozzi pparkjati f 'ħoġru. Minflok rispett lejn il-ħaddiem tal-id, kif aktarx li kienet l-intenzjoni oriġinali tiegħu, dan il-monument spiċċa simbolu tal-mewt tal-klassi tal-ħaddiema aktar mis-slaleb u l-istatwi l-oħra li ssib fiċ-ċimiterji. Jekk ma jfakkar xejn, il-monument fil-qalba tal-Imsida jikkoinċidi mal-amnesija politika li xi mkien f 'dis-soċjetà jista' għad ikun hemm il-klassi tal- ħaddiema. Sas-snin ħamsin u sittin tas- seklu li għadda s-Sovjetiċi kienu mlew ir-repubbliki tagħhom u l-pjazez ewlenin fil-bliet il-kbar tal-pajjiżi satelliti tagħhom bil-monumenti lis-Suldat Russu, tifkira tal-liberazzjoni mill-madmad faxxista tat-Tieni Gwerra Dinjija. Naturalment ma kinux is-Sovjetiċi biss li għamlu dan, imma l-monumenti tagħhom donnu li xi kultant jerġgħu jirxuxtaw mill-mewta li mmarkat id- difna tal-Unjoni Sovjetika. Ngħidu aħna l-monument massiv ftit 'l hinn miċ-ċentru ta' Sofija: mafkar fuq l-istil tipiku Sovjetiku mdawwar minn ġnien tal-konkrit. Sa ftit tas-snin ilu, tinzerta ddur 'l hemmhekk kienet taqbdek solitudni kbira, għallinqas fil-jiem tal-vaganzi, minħabba t-telqa ġenerali, bil- ħaxix ħażin jittawwal minn bejn iċ-ċangaturi. Dan kollu sakemm xi ħadd mhux magħruf, tliet snin ilu ġietu l-idea ġenjali li biż-żebgħa kkulurita jibdel is- suldati Russi diħlin trijonfanti f 'persunaġġi Amerikani bħal Superman u Ronald McDonald. L-istess monument inżebagħ roża s-sena l-oħra fil-ħamsa u erbgħin anniversarju tar-Rebbiegħa ta' Praga u proprju din il-ġimgħa l-istess monument tlibbes il-kuluri tal-bandiera Ukrena. Wara kull 'attakk' li sofra l-monument mitluq Moska rreaġixxiet b'qawwa kbira, l-istess kif għamlet din il-ġimgħa b'reazzjoni għat-tkissir ta' statwi ta' Lenin u monumenti Russi oħra fl-Ukrajna, permezz ta' stqarrija maħruġa mill- Ministeru tal-Affarijiet Barranin li kkundanna l-vandaliżmu fuq dawn il-monumenti "proprju fis-sebgħin anniversarju mil- liberazzjoni tal-Ukrajna". Attwalment kull 'attakk' fuq il-memorja kkonkretizzata f 'monument jagħti l-ħajja lill-monument innifsu, iġedded is-sinifikat li għandu lil hinn mill-bronż u l-irħam. L-attakk jirreġistra tiġdid tal- memorja u jikkonferma l-fatt li l-monument għadu jwassal messaġġ, jew addirittura għadu messaġġ fih innifsu. Kemm jekk l-intenzjoni hija serja (bħaż-żebgħa safra u ċelesti fuq il-monument ta' Sofija din il-ġimgħa) u kemm jekk għandha l-għan li tirredikola (bħal ngħidu aħna l-bżieżaq marbuta mal-Fallu ta' Ħal Luqa) azzjonijiet bħal dawn jagħtu ħajja ġdida lit-tifsira l-antika. Il- fatt stess li xi ħadd, fis-satra tal- lejl jew fi kwalunkwe ħin ieħor, jindenja jagħti dimensjoni oħra lill-monument juri l-qawwa li għadu jġorr fuqu. Anki jekk ta' natura sovverżiva, dak li xi wħud iqisuh bħala vandaliżmu fuq il-monument huwa, ironikament, ir-rispett lejn il-memorja, rispett differenti m'għandniex xi ngħidu, imma paradossalment huwa wirja li dak li jkun għadu jifhem u jirrikonoxxi s-sinifikat fil- qawwa simbolika tal-oġġett li jkun qiegħed jisfreġja. L-irvell li kien qam f 'Tallinn f 'April 2007, meta l-awtoritajiet iddeċidew li jneħħu għal kollox il-monument lill-Armata l-Ħamra mill-kapitali Estona, jixhed l-importanza li nagħtu lill-memorja. F'dak l-irvell kienet mietet persuna, erbgħin sfaw midruba u tliet mija arrestati, bil-Pulizija tispara l-gass tad-dmugħ biex tferrex il-folla ta' dimostranti li ħarġu jipprotestaw kontra l-pass meħud mill-awtoritajiet Estoni. It-tneħħija ta' monument tindika tentattiv biex titħassar il-memorja, aktar u aktar jekk il-monument jiġi sostitwit bi spazju vojt, metafora oħra, did-darba tat-tnessija. Huwa għalhekk li, biex niġi lura għall-Imsida, il-billboards huma diżrispett ikbar milli kieku xi ħadd kellu jimprovizza azzjoni fuq il-familja proletarja li xi darba kienet imweġġħa. Dawk it-tabelli massivi, sfilati wieħed ħdejn l-ieħor, donnhom siparju magħluq li jrid jaħbi u jnessi dak li hemm warajh. Ir-rabta li għandu s-simbolu mal-istorja tidher mill-fatt li mafkar għandu l-qawwa li jqajjem sentimenti diviżivi. Dan hu li jiġri kull darba li r-Russja toqmos malli xi eks repubblika Sovjetika jew pajjiż li kien satellita tal-Unjoni Sovjetika jfettillu jmiss xi mafkar 'tal- liberazzjoni'. Immedjatament jitqajmu akkużi ta' estremiżmu lemini, ta' mibegħda etnika u diviżjoni soċjali. U dan huwa ovvju għaliex li ma kienx hemm din id-diviżjoni u din il-mibegħda ħadd ma kien jieħu l-okkażjoni biex jiddistruġġi xi mafkar. Hemm stejjer oħrajn; hemm storja oħra. Lampedusa m'għandhiex wisq avvenimenti kbar xi tfakkar u tibqa' magħrufa l-aktar għat-traġedji tal-immigranti mgħarrqa li saru l-uħux, il-figuri skomdi fl-istorja suppost ikkulurita tal-Mediterran. Fuq xatt ta' dil-gżira malinkonika hemm monument, iddisinjat minn Mimmo Paladino, li jfakkar il-memorja tan-numri kbar ta' immigranti li mietu fit-tentattiv iddisprat tagħhom biex jaqsmu lejn l-Ewropa. M'għandux wisq glorja dan il-mafkar; għandu għamla ta' bieb miftuħ u msejjaħ 'Bieb Lampedusa – Bieb l-Ewropa'. Għax hemm monumenti li jfakkru t-traġedji, il-mumenti l-koroh jew imnikkta tal-umanità, bħall-monument tad-Dgħajsa tal-Karti fil-Waterfront tal-Belt li – suppost – ifakkar fi storja ta' qsim il-qalb ta' emigranti tfal Maltin li telqu pajjiżhom u ntesew f 'kontinent imbiegħed. Minsija kienu, minsija għadhom, bin-nies jinżlu x-xatt biex jieklu u jixorbu u mank jintebħu b'did-dgħajsa solitarja. Forsi xi darba għad aħna wkoll nirrispettaw (billi nissimbolizzaw) il-memorja tal-immigranti li mietu fil-baħar tagħna, jekk xejn nippruvaw intaffu l-ħtija li lil dawk li rifsu l-art għalaqniehom fil-kampijiet u sparajnielhom ir-rubber pellets. IMMANUEL MIFSUD MONUMENTI Monument li jfakkar il-memorja tan-numri kbar li mietu f 'tentattiv iddisprat biex jaqsmu lejn l-Ewropa Dan il-monument Sovjetiku nbidel f'persunaġġi Amerikani, inżebagħ roża u dil-ġimgħa tlibbes il-kuluri tal-bandiera Ukrena

