Illum previous editions

illum 16 March 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/278194

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 35

Il-Ħadd 16 ta' Marzu 2014 | illum 5 Qtil ta' 13-il sena ilu, mhux solvut Bomba taħt karozza toqtol raġel ta' 29 sena STEPHEN Said, li kien magħruf bħala 'Ix-Xewka', inqatel 13-il sena ilu meta splodiet bomba li tpoġġiet taħt il-karozza tiegħu. Dan il-qtil seħħ il-Ħamis, 15 ta' Marzu 2001 f 'Wied il-Għajn. Minkejja li għaddew 13-il sena dan il-qtil għadu mhux solvut, anzi l-Pulizija għadha mingħajr ebda ħjiel ta' min wettaq dan ir- reat. Stephen Said kellu 29 sena, Bormliż u kien joqgħod Wied il-Għajn. Kien perjodu meta pajjiżna kien ilu ma jkollu każi ta' bombi ma' residenzi u vetturi. Stephen Said inqatel meta xi ħadd, li sal-lum għadu mhux magħruf, poġġa bomba taħt il-karozza Volvo ta' Said magħmula b'tali mod li mal- iċken ċaqliqa tal-karozza din tisplodi. Min ried joqtol lil Stephen Said kien jaf eżatt il-passi tiegħu. Kull nhar ta' Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa, ma' Stephen kien ikun hemm xi ħadd minn ħutu miegħu. Min qatlu stenna l-ġurnata tal-Ħamis biex jagħmillu l-bomba. Il-bomba tpoġġiet f 'xi ħin bejn bejn nofsilejl u l-4am fil-ħin li fit-triq ma jkun hemm ħadd. Il-lejl ta' qabel, Said u s-sieħba tiegħu Graziella Attard, waslu fl-appartament tagħhom fi Triq Patri Wistin Born għall-ħabta tal-11pm. L-għada filgħodu Stephen qam kmieni bħas-soltu. Huwa ħareġ mill-appartament fil-4.56 am, sakkar il-bieb tal- appartament u daħal fil-karozza tiegħu Volvo li kienet ipparkjata fir-rampa tad-daħla tal-garaxx. Dak il-ħin ma kien hemm ħadd barra. Kien beda jisbaħ u l-kwiet fi Triq Patri Wistin Born kien normali kif għadu hekk sal-lum. Il-pjan kien ċar - jinqatel hu mingħajr ma jweġġa' ħadd iżjed. Il-Bomba Il-bomba li ntużat hija magħrufa bħala "victim operated explosive device". Dan għax irid ikun il-vittma stess li jattivaha. Il-bomba kienet magħmula minn kontenitur tal-metall li fih kellu materjal splussiv magħmul minn dak li jintuża għan-nar tal-festi. Dan il-materjal splussiv kien jiżen ftit aktar minn kilo u fih kien hemm detonatur. Taħt ir-rota ta' quddiem tan-naħa tas-sewwieq tpoġġew żewġ kartuniet milwija minn nofs, x'aktarx kienu cards li kienu jintużaw biex isiru telefonati, imwaħħlin b'wajer max-xifer tagħhom. Il-wajer, li kien twil madwar 14-il ċentimetru, baqa' sejjer għal batterija 9-volt li serviet biex tipprovdi l-kurrent. Il-bomba tpoġġiet fl-art taħt il-karozza preċiżament taħt is-sit tas-sewwieq. Iż-żewġ kartuniet tpoġġew taħt ir-rota ta' quddiem tan-naħa tal-lemin, waħda quddiem u l-oħra wara r-rota. B'hekk mal-iċken ċaqliqa tal- karozza, kemm 'il quddiem kif ukoll lura, il-kuntatt isir. Fil-fatt jidher li Said lanqas kien leħaq qabbad il-magna tal-Volvo tant li hekk kif daħal fil-karozza huwa ħareġ sigarett li lanqas leħaq qabbdu. Minħabba li l-karozza kienet ipparkjata fir-rampa tal-garaxx mal-ewwel moviment li għamel, x'aktarx bil-piż tiegħu stess kif daħal fil-karozza, ir-rota għamlet kuntatt u seħħet l-isplużjoni. Sabet il-bieb imsakkar Il-ħoss li għamlet il-bomba ħasdet lil diversi nies li ħasbu li kien sploda xi ċilindru tal-gass. Fost dawk li semgħu l-isplużjoni u l-appartament jitriegħed kienet Graziella Attard li dak il-ħin kienet għadha rieqda f 'appartament numru 3. Kif semgħet l-isplużjoni ppruvat toħroġ mill-appartament biex tmur tara x'kien ġralu iżda minħabba li Stephen kien sakkar il-bieb qabel ħareġ, fil- paniku li qabadha ma setgħetx tiftaħ. L-ewwel persuni li marru jagħtu l-għajnuna lil Said kienu l-koppja Nazzareno u Jacqueline Ghiller. Kif ħarġu raw daħna griża qrib il-karozza ta' Said u meta marru jaraw x'ġara sabu lil Said jokrob bl-uġigħ fil-Volvo. Said qal lil Nazzareno li ma setax jieħu nifs. "Beda jgħajjat bl-uġigħ u beda jgħidli – 'in-nifs, in-nifs'. Kif rajt li kellu s-swaba' ta' idu l-leminija mtajrin ippruvajt ma nħallihx jarahom. Kellu wkoll ġrieħi gravi ħafna f 'riġlejh. Ftit wara ntilef minn sensih", kien irrakkonta Nazzareno Ghiller dakinhar li seħħ il-każ. Ftit minuti wara waslu tliet Pulizija nisa li joqogħdu qrib il-post, Miriam Mangion, Grace Bianco u Monica Borg. Dak iż- żmien Mangion kienet toqgħod biswit il-vittma fil-livell tat-triq u kienet hi li ċemplet għall- ambulanza u lill-Pulizija. Miet fl-isptar It-tim mediku li mar fuq il-post għamel minn kollox biex jassisti lil Stephen Said, iżda l-feriti li sofra kienu gravi ħafna. Huwa ttieħed l-isptar u mill-ewwel beda jiġi operat mit-tobba u speċjalisti. Said kien sofra diversi feriti f 'partijiet ta' ġismu fejn tilef saqajh il- leminija minn taħt l-irkoppa, swaba' ta' idu l-leminija u ħruq f 'idu, f 'riġlejh, f 'għonqu u f 'wiċċu. Partijiet żgħar minn ġismu, fosthom wieħed mis- swaba' tal-id, ittajru ma' diversi partijiet fil-karozza. Ħdejn il- pedala tal-gass instabet żarbuna li fiha nstabet il-pala ta' siequ l-leminja. Is-sit fejn kien Said u bejn is-sit l-ieħor kien hemm għadira demm. Minkejja t-tentattivi mediċi, Stephen Said kien iċċertifikat mejjet fis-7.30am, sagħtejn u nofs wara l-isplużjoni. Tifrik u ħsarat Għalkemm il-bomba ma kkawżatx ħsarat strutturali lil xi bini, xorta waħda għamlet ħsarat kull fejn tħares fit-triq. Ovvjament l-ikbar ħsara kienet fil-karozza tal-vittma speċjalment fuq in-naħa ta' quddiem fl-art tal-karozza jew kif inhi magħrufa bħala l-'floorboard'. Is-sit fejn kien hemm Said inqala' minn postu u għola kif ukoll id-dashboard kienu l-aktar li ġarrbu ħsarat. Il-frame tal-bieba tal-lemin inqasam minn nofs. L-erba' roti nfaqgħu tant li t-tyre ta' quddiem mhux biss infaqa' u ċċarrat iżda ħareġ mir-rim ukoll. Sparatura f 'Wied il-Għajn Minkejja li Stephen Said kien magħruf bħala bniedem ġentlom u galantom, "kienet taqbiżlu malajr", kien qalilna raġel li kien jafu sew. Dan id-difett ħareġ fi Stephen meta nhar il-Ġimgħa, 26 ta' Jannar 2000 kien daħal f 'biċċa nkwiet minħabba li kien hemm raġel li dejqu jdur quddiem il-ħanut li kellu f 'Wied il-Għajn. Dakinhar Said flimkien ma' żewġt irġiel oħrajn marru jfittxu lil dan ir-raġel li kien f 'karozza u li Said kien issuspetta ħażin fih. It-tliet irġiel marru bil-karozza ta' Said, il-Volvo li taħtha tpoġġiet il-bomba. Kif waslu fi Triq Sant' Antnin li tagħti għal Ħaż-Żabbar, Said u sħabu waqfu lir-raġel. Said ħareġ mill-Volvo b'senter f 'idu u spara tir fid-direzzjoni tar-raġel. Kien il-pilastru tal-karozza li eventwalment salva l-ħajja tar- raġel li iżda xorta ntlaqat minn xi ċomb. Irriżulta li r-raġel u Said qatt ma kienu jafu lil xulxin u li ġara dakinhar kien li Said issuspetta ħażin fih. Dan ħareġ ukoll mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija kif ukoll fil-Qorti. Said kien stqarr mal-Pulizija li kien sparalu għax ħaseb li kien l-istess persuna li kellu xi jgħid magħha l-lejl ta' qabel f 'Bormla. Żjara f 'Napli li setgħet urtat li xi ħadd Sorsi li tkellmu magħna qalulna li xi xhur qabel ma Stephen Said inqatel kien mar Napli fl-Italja ma' persuni oħrajn fuq dik imsejħa "btala ta' ħidma". Mhux magħruf eżatt x'tip ta' negozju għamlu meta kienu Napli jew min kienu l-persuni li marru miegħu. L-istess sorsi iżda kienu tal- fehma li Stephen seta' għamel negozju li seta' urta li xi ħadd hawn Malta. "Stephen rifes kallu. Kallu kbir biex spiċċa maqtul b'dak il-mod. Forsi ma kienx qaddis miexi fl-art. Ovvja li lil Stephen riduh barra miċ-ċirkulazzjoni" sostna persuna li kien qrib sew ta' Said. Informazzjoni Il-Pulizija għadha bla ebda ħjiel min huwa responsabbli wara dan il-qtil u għalhekk qed titlob lil kull min seta' ra xi ħaġa jew lil xi ħadd f 'dak il-lejl ta' bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, 15 ta' Marzu 2001 biex jgħaddi din l-informazzjoni anke b'mod kunfidenzjali lill-Pulizija jew iċempel fuq in-numri 119 jew 21224001. John Pisani jpisani@mediatoday.com.mt Il-karozza Volvo li taħtha tpoġġiet il-bomba Skeċċ tal-bomba Il-Kurunell Albert Camilleri, espert tal-isplussivi, flimkien mal-eks-Spetturi John C. Ellul u Alfred Mallia Ritratt: John Pisani

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 16 March 2014