Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/278194
Il-Ħadd 16 ta' Marzu 2014 | illum 31 SPORTSillum Tintemm l-avventura ta' Dorianne Caruana Bonnici mat-tim nazzjonali ta' taħt il-21 sena INNUTRIZZJONISTA tal- futbol Dorianne Caruana Bonnici li tajjeb ngħidu hija wkoll waħda mill-plejers ewlenin tal-volleyball f 'pajjiżna fejn tilgħab ma' Flyers temmet esperjenza ta' sentejn bħala nutrizzjonista tat-tim nazzjonali ta' taħt il-21 sena mmexxi minn Ray 'Żażu' Farrugia, liema esperjenza ħalliet ġid liema bħalu għall-plejers kollha li ffurmaw u anki dawk li għadhom qed jiffurmaw parti minn dan it-tim nazzjonali. Kollox beda mill-istudju tal-Masters fix-Xjenza tal- isport li Dorianne għamlet ġewwa l-Università ta' Birmingħam, fl-Ingilterra li hi spiċċat sentejn ilu. L-istudju tat-teżi tagħha kien li tanalizza il-bilanċ tal-enerġija tal-plejers, jew aħjar l-enerġija li qed tittieħed mill-ikel kontra l-enerġija li qed tigi użata matul il-ġurnata biex hi tkun tista' tara jekk għandhomx biżżejjed enerġija għat- taħriġ u għal-logħob, u jekk dik hijiex ġejja minn sorsi li huma użati fil- logħba tal-futbol. Skont Bonnici nnifisha, ir-riżultat deher biċ-ċar li l-plejers Maltin m'għandomx ħjiel ta' dan x'jirrikjedi u dehru interessati ħafna li dan l-appoġġ jiġi pprovdut. Wara li ggradwat, kompliet bid-Dottorat li qed tagħmel ukoll ġewwa l-Ingilterra ma' EdgeHill University speċifikament fuq 'Football Nutrition'. Il-kowċ tat-tim nazzjonali ta' taħt il-21 sena Farrugia u t-tim tiegħu reġgħu tawha appoġġ bis-sħiħ u wara li kisbet permess mit-Technical Director Robert Gatt u mill-Kap Eżekuttiv tal-MFA BjornVassallo, hija ffurmat parti mit-tim tal-istaff ta' taħt il-21 sena. Matul dawn is-sentejn, mill-bidu ta' din l-edizzjoni, hija tat appoġġ kontinwu lit-tim bħalma jsir f 'timijiet professjonali u dawk nazzjonali barra minn Malta. Din id-darba l-appoġġ kien vast. Fost oħrajn hija analizzat il-bilanċ tal- enerġija, ipprovdiet lekċers lit-tim fil-preparazzjonijiet tal-logħob, ħolqot il-menus lit-tim bi preparazzjoni għal-logħob li jinkludi fiha l-kontroll tal- porzjonijiet għal kull plejer skont l-istatura tiegħu u l-pożizzjoni li jilgħab fiha, appoġġ individwali fuq użanzi ta' dieta preżenti u kif dawn jistgħu jinbidlu skont l-istil ta' ħajja tal-plejer, dieta individwali għal kull plejer skont il-bżonnijiet individwali tiegħu u grupp fuq Facebook privat fejn kuljum tgħaddi xi tip ta' informazzjoni lill-plejers biex ikabbru l-għarfien tagħhom fin-nutrizzjoni sabiex finalment jgħinhom jagħmlu deċiżjonijiet aħjar fin-nutrizzjoni tagħhom. Dorianne Caruana Bonnici qaltilna li għall- bidu t-tim sabha daqsxejn diffiċli biex jaċċetta l-fatt li hemm xi ħadd jgħidilhom x'għandhom jieklu, imma iktar ma beda jgħaddi ż-żmien iktar bdew jinteressaw ruħhom għax huma stess bdew iduqu mill-vantaġġi ta' dieta aħjar meta l-wirja tagħhom anki fil-kampjonat lokali żdiedet sew fil-livell. In- nutrizzjonista kompliet li kien ta' sodisfazzjon għaliha li l-plejers bdew jafdawha u għal kull ċirkustanza waqt li kienu jkunu flimkien fil-lukanda kienu jsaqsuha għaliex hu tajjeb dak l-ikel jew l-isnack partikolari u x'kellhom bżonn jieħdu f 'ħinijiet oħra, fost oħrajn. Bonnici kompliet li kien mument ta' emozzjoni meta għarrafna lill-plejers li kienu waslu lejn l-aħħar tal- edizzjoni u t-tim ta' coaching staff mhux se jibqa' dan li hu. Hija stqarret ma' dan il-ġurnal li: "Kulħadd ħadem bis-sħiħ għall-ġid tal-plejers u naħseb kien dan wieħed mill-fatturi għaliex il-prestazzjoni kontra l-iSvezja ġewwa darna kienet waħda mill- isbaħ. Il-plejers taw qalbhom u apprezzaw ix-xogħol li kull wieħed u waħda minna għamel. Jien xogħli huwa li l-plejers ikollhom biżżejjed enerġija biex jaqbżu, jiġru u jixxuttjaw mill-ewwel sal-aħħar minuta tal-logħba. Ridt nelimina l-fattur ta' għejja fit-tieni taqsima, li jista' jkun tiġi minn malnutrizzjoni. Kemm-il darba ħadt ħsieb id-dieta tal-plejers f 'logħba internazzjonali. Ħadd mill- plejers ma għejja b'tali mod li naqqas ir-ritmu jew tah bugħawwieġ waqt il-logħba. Dan huwa ta' sodisfazzjon kbir għalija - din hija nutrizzjoni tajba! Finalment dan il-ġurnal stqarr li ħafna jissottovalutaw l-importanza tan-nutrizzjoni fil-futbol. Dorianne Caruana Bonnici qaltilna li: "Huwa fatt. Però jien dejjem ngħid li l-ikbar żvantagg huwa dak li ma jridx jifhem, jew jipprova jifhem. Sfortunatament għal ħafna nies nutrizzjoni hija xi ħaġa bażika, u tfisser li tiekol hekk u mhux hekk. Jaħsbu li teżisti dieta waħda għal kulħadd. Kull dieta individwali ta' kull plejer lili teħodli 25 siegħa biex nagħmilha. Id-dieta tiġi maħduma skont kemm il- plejer jaħli enerġija kuljum u dan jiġi ddeterminat mill-età, mill-body fat, mill-istatura, tul, piż u l-pożizzjoni li jilgħab. Jekk jien nagħti dieta waħda lil kulħadd l-istess allura tkun qed tagħmel bħalma bosta hemm barra jaħsbu li jsir u jkun għalhekk li ma jarawhiex importanti n-nutrizzjoni għax jekk tagħmel hekk kambjamenti fil-wirja m'intix se tara żgur! Wara li tkun ġbart din l-informazzjoni kollha, imbagħad trid tara l-ħinijiet li dan il-plejer jista' jiekol skont l-istil ta' ħajja tiegħu. Ikun inutli li jien nagħti platt għaġin f 'nofsinhar jekk dan il-plejer se jkun skola u ma jistax jiġi ppreparat. Kull plejer huwa individwu u għalhekk jien nitkellem fuq 'tailor-made Performance Diet'. Dieta ma tfissirx pjan biex tonqos, imma tfisser ikel ta' kuljum biex inti timla lill-ġisem bl-enerġija t-tajba ħalli tkun tista' tagħti l-massimu tiegħek fit-taħriġ u fil-logħob. Naf li hemm min ma jemminx li dan ix- xogħol huwa elobrat ħafna, però min għadda minn din l-esperjenza llum jifhem li għamlet differenza kbira fil-wirjiet u fil-karriera tiegħu. Sibt ħafna ostakli minn kull angolu fosthom li dak li kont qed naħdem fuqu ma kienx se jtejjeb il-wirjiet tal-plejers, però ddeċidejt li ma naħlix enerġija biex nikkonvinċi lil dak li ma jridx jemmen jew jisma' li n-nutrizzjoni hija fattur importanti fil-wirjiet tal-plejer. L-enerġija tiegħi se nużaha għal dawk li lesti jedukaw ruħhom fis-suġġett u nibqa' naħdem qatiegħ biex ngħin lill-plejers itejbu l-wirja tagħhom b'nutrizzjoni personalizzata", temmet tgħid Dorianne Caruana Bonnici. In-Nutrizzjonista tal-futbol Dorianne Caruana Bonnici mal-ista tekniku tat-tim nazzjonali ta' taħt il-21 sena