Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/281884
Il-Ħadd 23 ta' Marzu 2014 | illum 21 Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SGN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Sit: www.illum.com.mt • Email: illum@mediatoday.com.mt S itt snin ilu raġel li kien negozjant spiċċa maqtul b'tiri ta' senter f 'rasu u sidru, minn persuna oħra li kien imsieħeb miegħu n-negozju. Illum jekk timxi fit-triq hemm ċans kbir li tiltaqa' mal-qattiel ta' din il-persuna. Jgħix ħajja trankwilla qisu xejn ma kien xejn. Il-persuna li qatel kiesaħ u biered imbagħad ta lilu nnifsu lill-pulizija. Qed nirreferi għall-każ ta' Martin Scicluna li nqatel minn Dione Mercieca li apparti li tarah barra qisu ma ġara xejn, għandu d-dritt mill-qorti li jsiefer. Dione Mercieca għandu passat ikkulurit, li jinkludi fost oħrajn li kien bodyguard ta' l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami. Minn dakinhar 'l hawn il-missier u l-omm ta' Martin Scicluna mietu. Mietu mbikkmin mingħajr ma raw il-ġustizzja ssir. Fl-2012, missier Scicluna Olivier kien tkellem mal-MaltaToday u staqsa għalfejn il-ġustizzja ma kinitx kapaċi tagħmel il-parti tagħha. Tkellem dwar l-uġigħ li ma setax jifhem kif persuna li qatlet tista' tibqa' tgħix qisu ma ġara xejn. Dan il-każ mhux uniku, u bħalu hemm oħrajn. Illum jekk tisraq radju minn ġo karozza hemm ċans tispiċċa l-ħabs, jekk tinqabad b'xi droga għall-użu personali hemm ċans li tispiċċa l-ħabs, imma jekk toqtol hemm ċans kbir li tibqa' tgħix ħajja normali. Ma hemmx ħaqq meta l-ġustizzja ma ssirx. Fl-2012, missier Martin Scicluna qal li jispera li r-riformi fil- ġustizzja jaslu biex dewmien ta' dawn it-tip ta' kawżi jiġu sorveljati. Sentejn wara m'aħniex qed naraw xi differenza fil-mod kif qed jiġu pproċessati l-kawżi kriminali. Apparti li wieħed ma jistax jimmaġina kemm ser ikunu effettivi l-pulizija meta jkun għadda tant żmien u ħafna mill- investigaturi oriġinali jkunu telqu jew inkella mxew għal xogħol ġdid. Il-ġustizzja fil-każ ta' Martin Scicluna trid issir li qed issir. Jeħtieġ li Owen Bonnici u l-Avukat Ġenerali ma jorqdux fuq dawn il-każijiet u li jfittxu u jagħmlu pressjoni li l-ġustizzja tinħadem u tidher li qed issir. Altrimenti dan il-pajjiż verament ser ikollu defiċit reali fil-valuri, u valur importanti huwa l-ġustizzja. Il-ġustizzja x'inhi meta ma ssirx?

