Illum previous editions

illum 23 March 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/281884

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

20 illum | Il-Ħadd 23 ta' Marzu 2014 IRRELAZZJONI bejn il-bniedem u l-annimal hija waħda kumplessa li nbidlet matul iż-żmien. Tibda, naturalment, mill-eqdem mumenti fil-ħajja tal-umanità, bir- relazzjoni aktarx tieħu l-forma ta' kaċċaturi u kkaċċjati, u tibqa' sejra għad-domestiċizzazzjoni ta' diversi speċi. Hemm relazzjonijiet ta' vjolenza u ta' mħabba min-naħa tal- bniedem lejn l-annimal bi gradi differenti tad-diversi speċi li jgħixu viċin u 'l bogħod mill-abitat uman. L-interazzjoni bejn il- bniedem u l-annimal hija suġġett li minn dejjem interessa lill-bniedem. Xhieda ta' dan huma l-ħafna każi li fihom din l-interazzjoni tieħu forom differenti li xi minn daqqiet jaslu biex jisfukaw id- distinzjoni bejniethom. Ngħidu aħna fir-rakkont tal-Ġenesi kien annimal li bi kliemu rnexxielu jħajjar lill-ewwel bnedmin jieklu l-frotta projbita. Din id- distinzjoni tiġi sfukata aktar fil-mitoloġiji ta' pajjiżi u reġjuni differenti li fihom diversi allat jieħdu l-forma ta' annimal, imqar temporanjament, bħal Żews li jibdel lilu nnifsu f 'barri abjad biex jisseduċi lil Ewropa. L-istess mitoloġiji huma miżgħuda b'persunaġġi ibridi ta' annimali-bnedmin bħall- Minotawru u ċ-Ċentawri, is-Sireni, l-Isfinġi u ħafna oħrajn. Din l-interazzjoni titfaċċa f 'ħafna ħrejjef li fihom, minħabba xi seħer malinn jew kastig, prinċpijiet jinbidlu fi żrinġijiet, tjur u annimali oħrajn, jew f 'insetti mostrużi bħalma jiġrilu jum fost l-oħrajn Gregor Samsa fil-"Metamorfosi" ta' Kafka. L-istess il-metaforizzazzjoni reliġjuża tindika dan l-interess bi Kristu jixxebbah ma' ħaruf jew ma' ħuta; u anki f 'dik idjomatika meta nxebbhu n-nies ma' annimali, bħal meta xi ħadd kwiet insejħulu 'baqqa', xi ħadd li jiġri ħafna jissejjaħ 'żiemel', min jibla' kollox jissejjaħ 'beċċun', min jiekol bl-addoċċ 'ħanżir' u l-bqija. Ħafna drabi l-annimal jintuża bħala simbolu nazzjonali jew is-simbolu uffiċjali ta' entitajiet politiċi: l-ajkla pereżempju, l-iljun u bhejjem oħra. Mhuwiex biss il-bniedem li jinbidel f 'annimal; huma ħafna r-rakkonti, li jvarjaw mill- ħrejjef ta' Esopu sal-films ta' Disney u spettakli viżivi oħrajn, li fihom l-annimal jiġi antropomorfizzat bħas- serp tal-Eden. L-ippindlar bejn imħabba u vjolenza wkoll jiġi espress f 'ħafna rakkonti matul iż-żminijiet: Ġona, miskin, tibilgħu balena u dan l-istess destin kellu jkun ta' Ġeppetto u ibnu Pinokkjo; iżda mbagħad hemm dawk ir-rakkonti, bħal tat-tfajjel Mowgli u Tarzan, li fihom bnedmin jitrabbew bi mħabba kbira mill-annimali tal-ġungla, dawk li suppost huma l-aktar aggressivi u ostili għall-bnedmin. Fuq kollox l-interazzjoni tal-bniedem u l-annimal tidher fil-ħafna modi kif tal-ewwel juża lill-ieħor, bħala mezzi ta' trasport, bħala għodda u, ma rridux ninsew, bħala ikel u manteniment. L-istima tal-bniedem lejn l-annimal ukoll tgħaddi minn diversi trasformazzjonijiet. Filwaqt li l-użu tal-annimal għall- ħtiġijiet varji jindika element ta' superjorità fil- bniedem versus l-annimal, hemm (jew kien hemm) mumenti meta l-annimal tqies indaqs għall-bniedem. Pereżempju minn elf sena ilu sa mill-inqas is-seklu sbatax il-qrati Ewropej kienu jqisu l-bestjaliżmu bħala att kriminali li min jinqabad jikkommettih kien jingħata s-sentenza tal-mewt. F'każi bħal dawn ma kienx il-bniedem misjub ħati biss li jinqatel iżda anki l-annimal għaliex dan ukoll kien jitqies daqstant responsabbli u allura ħati ta' att kriminali. Ir-relazzjoni tal-bniedem mal-annimal tieħu żvolta oħra malli f 'ħafna pajjiżi kibru d-diskors u l-attiviżmu favur id-drittijiet tal-annimali. L-annimal sar jiġbed is-simpatija ta' ħafna sal-punt li l-vjolenza fuqhom m'għadhiex ittollerata, tant li ħafna stati saħansitra lleġiżlaw kontra l-moħqrija lill-annimali. Jibqa' l-fatt li l-kwistjoni tal-moħqrija tista' tkun hija wkoll kumplessa: altru toqtol kelb jew qattus u altru toqtol dubbiena jew wirdiena. Forsi l-argument jista' jinħass fieragħ jekk mhux ukoll stupidu, imma l-fatt li ħadd qatt ma ttella' l-qorti għax għaffeġ brimba jew ivvalena l-ġrieden, huwa indikazzjoni oħra tal-ħsieb uman, dak li jistratifika u joħloq gradi anki fost l-annimali. Meta xi ħadd iżomm għasfur ġo gaġġa u jitla' bih il- pjazza jew il-każin il-Ħadd filgħodu ma jinqalax wisq kjass, iżda mhux l-istess jista' jingħad jekk xi ħadd iżomm kelb maqful jew qattus. Waqt li eluf iffirmaw petizzjoni kontra l-qtil tal-għasafar, eluf oħrajn iffirmaw kontropetizzjoni għaliex ħassew li huwa dritt tagħhom li jisparaw fuq it- tjur huma u jpassu. Imma l-każ tal-qtates maqtula u msallba fil- Mosta, kuntrarju għall-qtil u l-ibbalzmar tal-għasafar, qajjem kjass sħiħ. Probabbli li aktar milli l-qtil kien ir-ritwal ta' kull xahar, bil-kruċifissjoni pubblika tal-vittmi, li meżmeż lil ħafna u ħafna nies. Dil- ġimgħa, wara xhur twal ta' investigazzjoni, il-pulizija ressqet raġel il-qorti mixli b'din il-vjolenza insensata fuq qtates u klieb. Qiegħed nuża l-kelma insensata għaliex jien persważ li dan mhuwiex każ ta' mibegħda lejn l-annimali daqskemm disturb mentali li ried joħloq allarm fuq skala nazzjonali. L-akkużat ma kienx sempliċiment jiżvoga l-mibegħda lejn l-annimal, iweġġgħu, joqtlu u barra bid-daqq, imma kien joħloq spettaklu ritwalistiku studjat sew u metikoluż b'elementi u simboliżmi reliġjużi li mhux ta' min jitfagħhom fil-ġenb għal kollox. Li intrigani l-aktar minn din l-istorja kollha kienet ir-reazzjoni, daqstant ieħor insensata, ta' ħafna nies li ħarġu bi ħġarhom fuq il- mezzi soċjali, jikkundannaw l-aġir ta' dan ir-raġel b'aggressività li tixbah lil dik ta' annimali rrabjati. F'wieħed mill-filmati tal- akkużat jiddaħħal il-qorti (did-darba mill-bieb ta' wara u mhux minn Triq ir-Repubblika) tinstema' mara tgħajjar lill-akkużat u ġġiegħlu jistħi minn għemilu. Messaġġi li dehru fuq paġna fuq Facebook imsemmija Catch the Mosta Cat Killer esprimew ħafna aktar minn rabja lejn dan ir-raġel. Kien hemm orġja verbali sħiħa ta' mibegħda u sens ta' vendikazzjoni li ġġiegħlek tiddubita kemm dawn it-talin humiex verament qegħdin jesprimu ħasra lejn il-vittmi. Tinħass stramba ħafna li xi ħadd jirreaġixxi għall- kruċifissjoni tal-qtates billi jappella għall-kruċifissjoni tal-akkużat. Il-mentalità tal-għajn għal għajn u sinna għal sinna hija mentalità primittiva li, jidhirli, mhijiex denja ta' nies ċivili f 'soċjetà li avvanzat tant li issa qiegħda turi sensittività kbira (u xierqa) saħansitra lejn l-annimal. Din ir-reazzjoni tistħoqq analiżi daqs kemm tistħoqq l-imġieba eċċentrika ta' dan l-individwu. L-element vjolenti fil-bniedem jaf jieħu forom ironiċi li jkomplu juru kemm il-bniedem huwa annimal kumpless. Filwaqt li ma nistax nappoġġja azzjoni vjolenti fuq annimal, daqstant ieħor insibha diffiċli li nappoġġja vjolenza – imqar bix-xewqa – lejn xi ħadd li l-fatti kollha juru li għaddej minn tbatija mentali u li sab mezz, intenni li huwa insensat, kif jesprimi l-weġgħa u d-disturb tiegħu. IMMANUEL MIFSUD Bhejjem 'The Rape of Europa' ta' Felix Vallotton

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 23 March 2014