Illum previous editions

illum 23 March 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/281884

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 35

Il-Ħadd 23 ta' Marzu 2014 | illum 9 Għawdex: Int djamant minn John Busuttil Minn fuq il-vapur ta' Għawdex LI jien bniedem li ninnota dak li jkun għaddej madwari hu fatt. Ħafna jistgħu jsejħuli sindikajr, jien insejjaħlu lenti ta' ġurnalist. Għalhekk illum ħassejt li wasal iż-żmien li naqsam magħkom dak li nnutajt f 'dawn l-aħħar erba' snin li ili naqsam il-fliegu fuq kif insejħulu aħna l-Maltin, il-vapur ta' Għawdex. Għax l-Għawdxin isejħulu biss il-vapur u mhux il-vapur ta' Malta, għalhekk it-titlu nnifsu ta' dan l-artiklu jagħmilni Malti pur anke jekk nħossni Għawdxi adottat. F'dawn l-erba' snin qsamt il-fliegu f 'diversi ħinijiet u għalhekk stajt ninnota x'tip ta' ħaddiema Għawdxin jaqsmu lejn Malta. Biex inkun ċert f 'dak li nikteb tlabt ftit għajnuna miċ-ċermen tal-Gozo Channel, Joe Cordina biex jagħtini statistika dwar kemm jinġarru ħaddiema lejn Malta fiż-żmien tax-xitwa fil-ħinijiet ta' kmieni filgħodu. Fit-tliet vjaġġi ta' filgħodu fejn l-aktar jivjaġġaw ħaddiema, jiġifieri tal-5am, is-6am u s-6.45am jaqsmu lejn Malta ftit 'il fuq minn 1,000 passiġġier kuljum u 'l fuq minn 200 vettura li kull vettura jkollha x-xufier. Dan ifisser li hemm madwar 1,200 ħaddiem Għawdxi jaqsmu lejn Malta fl- aktar ħinijiet bikrin tal-ġurnata. Ħinijiet fejn sħabhom il-Maltin ikunu għaddejjin fl-isbaħ raqda. Wieħed irid jiftakar ukoll li meta l-ħaddiema Maltin jaslu ċ-Ċirkewwa jkun baqagħlhom triq twila mhux ħażin biex jaslu għad-destinazzjoni finali tagħhom. Fejn biex iwassluhom għal din id-destinazzjoni wieħed jiltaqa' ma' madwar 30 mini van, inkella jużaw it-tieni karozza tagħhom li jħalluha pparkjata ċ-Ċirkewwa timtela bis-sadid (inkluża tiegħi). U barra dawn fil-vjaġġ tas-7.30am u tat-8.15am jibqa' l-ftit mijiet oħra executives u maniġers li jaqsmu f 'dawk il-ħinijiet. Nixtieq naqsam magħkom ftit l-esperjenzi tiegħi personali f 'dawn il-ħinijiet li qsamt fihom. Tal-5am jkun mimli trakkijiet tal-merkanzija, trakkijiet bil- baqar sejrin għal qatla li tispiċċa ssuq warajhom sa ma ssib il- karreġġjata li tagħtik ċans biex taqlagħhom, xi trakk tat-tiġieġ u diversi containers. Dawn barra l-ħaddiema li jibdew kmieni x-xogħol tagħhom u allura jkunu jridu jbakkru kmieni mhux ħażin. Il-vapuri ta' wara fejn jaqsmu madwar 1,000 passiġġier kuljum huma mimlija żgħażagħ, kważi kollha għalliema jew LSAs. Dawn lanqas biss ikollhom fejn ipoġġu bilqiegħda fuq il-vapur għax m'hemmx seating għal kulħadd u fix-xitwa ftit huma li jissugraw joqogħdu barra għal kesħa, bard u kultant anke xita, jew xi tixriba minn xi mewġa. Hawnhekk esperjenzajt sistema li ma kontx imdorri biha, kulħadd jitla' jiġri fuq il-vapur jerfa' s-siġġijiet lil sħabu u min jasal kemxejn tard jew ma jkollux min jerfagħlu siġġu jrid joqgħod bilqiegħda fuq it-taraġ tal-garaxx inkella jibqa' bil-wieqfa għal nofs siegħa sħaħ. Ħażin għalik jekk tipprova taħtaf siġġu li jkun merfugħ għal xi ħadd. Kważi wkoll ta' kuljum tassisti għal xi kantaliena tal-Happy Birthday minn fuq xi mejda jew oħra. Mal-wasla mbagħad ġirja sħiħa biex jilħqu l-minibus jew ix- xarabank. Mhux l-ewwel darba li fuq xi mejda tara waħda mill-għalliema tiġbor il-flus ta' kulħadd biex iħallsu l-minibus. Dan kollu jista' jinbidel kieku din il-fast ferry service tieħu l-ħajja flok tibqa' fi stadju ta' studju. Għax li jsibu xogħol f 'Għawdex dawn l-għalliema kollha hi xi ħaġa impossibbli. Fejn naħseb li f 'Għawdex qas hemm studenti daqs kemm hemm għalliema jaqsmu Malta. Dan kollu assistejt għalih taħt iż-żewġ amministrazzjonijiet fejn in-numru ta' ħaddiema li jaqsmu għal Malta baqa' l-istess bla ebda bidla, fejn ix-xogħol għall-Għawdxin għadu Malta kif kien f 'dawn l-aħħar għaxar snin. Baqa' l-istess għal dawn iż-żgħażagħ Għawdxin li jridu jbakkru qabel jibda jbexbex biex jilħqu jidħlu x-xogħol fil-ħin. Baqa' l-istess kif il-ħaddiem Għawdxi jrid jonfoq iżjed biex jasal għax-xogħol, fejn il-ħaddiema mal-gvern jiġu rikompensati iżda dawk mal-kumpaniji privati ma jieħdu xejn għajr iridu jqumu qabel il-Malti u jħallsu aktar mill-Malti. Forsi għalhekk l-Għawdxi tgħallem ikun aktar bil-għaqal għax il-ħajja ta' Għawdxi li jaħdem Malta hi aktar 'expensive'. Interessanti wkoll li wieħed iħares lejn dawk li jitilgħu Għawdex u jimlew il-vojt li jħallu f 'Għawdex il-ħaddiema Għawdxin. Dawn jitilgħu lejn Għawdex f 'ħin ħafna aktar komdu mill-imsejken ħaddiem fejn il-vapuri tad-9am, l-9.45am u l-10.30am ikunu mimlija turisti hekk imsejħa day trippers li jirritornaw Malta mal-vapuri tal-5.15pm, u s-6pm. Fosthom ikun hemm numru tajjeb ta' Maltin bil-kartanzjan li jieħdu l-vantaġġ ta' Travel Free to Gozo u kulma jonfqu hi 50 ċenteżmu għax-xarabank u forsi xi kappuċċino u pastizz matul iż-żjara tagħhom fil- gżira tat-tliet għoljiet. Jien u nirritorna d-dar mill-breakfast show niltaqa ma' dawn id- day trippers li wkoll nixtieq naqsam l-esperjenzi ħelwin magħkom. Kif dawn it-turisti jaslu fit-terminal jiġu mdawrin minn żgħażagħ barranin lebsin jew flokk aħmar inkella aħdar, skont il-kulur tax-xarabank hop on hop off f 'Għawdex biex ibigħulhom s-servizzi tagħhom. Kompetizzjoni massakranti min minnhom se jakkwista l-kummissjoni minn dan il-povru turist li ma jkunx jaf li bit-trasport pubbliku f 'Għawdex joħroġ ferm irħas u jmur fejn irid. Imbagħad dawn it-turisti sajf u xitwa jħallu s-siġġijiet ta' ġewwa vojta għax kollha jisparaw fuq id-deck ħalli jieħdu r-ritratti tal-veduti affaxxinanti li kapaċi jagħtuhom it-tliet gżejjer tagħna. Fattur interessanti hu li dawn id-day trippers huma numerużi sew fis-sajf kif ukoll fix-xitwa dejjem skont l-istatistiċi li għaddieli s-Sur Cordina. Bosta minnhom ikunu mmexxija minn gwidi li jeħduhom id-Dwejra, iċ-Ċittadella, f 'xi ħanut fejn jakkwistaw xi prodott Għawdxi b'xi kummissjoni għall-istess gwida u f 'xi ristorant kollox miftihem minn qabel mal- gwidi. Oħrajn jinħatfu mill- Hop On Hop Off u hemm oħrajn li lanqas xarabank ma jitilgħu u tarahom telgħin ċlikki ċlikki mat-telgħa tal-Imġarr ħalli jippruvaw jaraw Għawdex bl-inqas ħlas possibbli, bl-iskuża li jridu jċaqalqu saqajhom. Fis-sajf iżuru Għawdex madwar 2,000 day tripper kuljum u magħhom wieħed iżid 320 vettura li taqsam lejn Għawdex għal ġurnata waħda. Fix- xitwa l-ammont jibqa' tajjeb fejn jaqsmu madwar 1,300 passiġġier u 260 vettura kuljum. Id-differenza bejn it-turist tax-xitwa u dak tas-sajf hi l-età fejn fis-sajf wieħed jassisti għal tqaċċit u kxif ta' laħam żagħżugħ, filwaqt li fix-xitwa l-uniku tqaċċit ikun minn anzjani li ħafna minnhom anke jekk fil-kesħa tarahom b'xi xorts sal-għaksa u bis-sandli u fuqhom ġakketta xitwija bil-hood. Żgur li ma jkunux lebsin ħwejjeġ ta' Louis Vuitton. Sadattant meta tinqabad warajhom trid timxi b'pass ta' nemla wara anzjani mexjin qishom bastiment fil-maltemp, filwaqt li mhux l-ewwel darba li jitfixklu fil-bsaten ta' xulxin. Għalkemm anke fost l-anzjani turisti xi bewsa u tgħanniqa lejn xulxin ma tonqosx. Innutajt li fuq il-vapur ta' Għawdex ma nbidel xejn. Dak li kont nara erba' snin ilu għadni narah sal-ġurnata tal-lum. Esperjenzi sbieħ, memorji li jgħixu miegħi kuljum li żgur qed nissogra li nitlifhom kollha jekk xi darba jsir il-pont jew il-mina. Hemm madwar 1,200 ħaddiem Għawdxi jaqsmu lejn Malta f 'ħinijiet fejn sħabhom il-Maltin ikunu għaddejjin fl-isbaħ raqda

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 23 March 2014