Illum previous editions

ILLUM 30 MARCH 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/286278

Contents of this Issue

Navigation

Page 21 of 39

22 illum | Il-Ħadd 30 ta' Marzu 2014 DARBA waħda kien hemm ministru li kien ġie rielett f 'isem il-partit tiegħu li kien reġa' rebaħ l-elezzjoni. Wieħed jista' jistħajjel li dan il-ministru kien ferħan b'din ir-rebħa doppja, iżda l-għada tar-riżultat ingħata l-aħbar mill-prim ministru li f 'din l-amministrazzjoni l-ġdida ma kienx se jagħtih ministeru. Ir-reazzjoni ta' dan l-ormaj eks ministru kienet waħda negattiva u dan wieħed jista' faċilment jifhmu. Iżda, għallinqas dejjem skont ma kien jgħid fil-pubbliku, li weġġgħu l-aktar ma kinitx id- demozzjoni għall-filliera ta' wara fil-bankijiet tal-Kamra, iżda li din l-aħbar importanti ma waslitlux waqt laqgħa formali fl-uffiċċju tal-prim ministru, iżda b'messaġġ fuq iċ-ċellulari. Skont ma qal, l-eks ministru weġġa' bil-mezz li wassallu l-aħbar aktar milli bl-aħbar infisha. Għadni intrigat ħafna bl-għejbien misterjuż tal- Boeing 777. Sal-mument meta qiegħed nikteb dan l-aritklu għadhom ma nstabux il-fdalijiet li aktarx li ġew irreġistrati minn satelliti li jorbitaw fuqna mill-bogħod ħafna. Imma matul din il-ġimgħa li għaddiet kien hemm żviluppi importanti f 'din is- saga interminabbli: kmieni din il-ġimgħa l-awtoritajiet Malażjani rrassenjaw ruħhom għat-telfa tal- ajruplan u l-passiġġieri ta' fuqu u wasslu messaġġ lill-familjari tagħhom li qegħdin juru s-sogħba għat-telfa tal-qrabat ... issa li m'hemm ebda dubju li dawn intilfu għal dejjem. Il-messaġġ mimli dieqa twassal lill-qraba b'test elettroniku fuq iċ-ċellulari. L-aħbar li dawn il-persuni kienu qegħdin jistennew u fl-istess waqt jittamaw li qatt ma taslilhom qrawha fuq l-iskrin żgħir taċ- ċellulari – bla ħoss, bla wiċċ, bla xbieha. Min segwa l-aħbarijiet seta' jara xeni ta' qsim il-qalb ta' isteriżmu kbir ta' dawn il-qraba wara li ddaħħlu fi swali apposta biex jikkomunikawlhom uffiċjalment l-aħbar u jissostanzjaw il-messaġġ elettroniku. Imbagħad wara l-ħasda u n-niket feġġet ir- rabja. Huwa evidenti, għallinqas din hija l-interpretazzjoni tiegħi, li minkejja li l-użu ta' mezzi elettroniċi kiber kemm fil-volum u kemm fl-okkorrenza l-bniedem, jew għallinqas ħafna bnedmin, għadu jfittex il-kuntatt fiżiku, aktar u aktar meta l-okkażjoni li qiegħed iġarrab hija ta' importanza u ta' emozzjoni kbira. Ma nafx l-eks ministru kif kien ireaġixxa għall-aħbar ta' tmiem il- karriera ministerjali tiegħu, jekk bagħtlux messaġġ elettroniku lura, jew ċempillux, jew marx jarah; imma l-qraba tal-mitlufa Ċiniżi fuq il-Boeing 777, ma wrewx ir-rabja tagħhom billi bagħtu messaġġ lura iżda litteralment immarċjaw u ħolqu kjass fl-ambaxxata Mależjana f 'Beijing. M'hemmx xi ngħidu hemm baħar jaqsam fil-gravità ta' dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet imma t-tnejn, bi gradi differenti, juruna li minkejja kemm sar realtà fundamentali f 'ħajjitna, l-sms għadu ma ħax post il-komunikazzjoni fiżika. Minkejja l-volum kbir ta' komunikazzjoni diġitali, sakemm il-bniedem għad għandu ġisem tal-laħam u mhux magna mimlija buttuni l-komunikazzjoni fiżika, naturali, tibqa' fuq kollox. Veru, il- komunikazzjoni diġitali kabbret l-aċċess, kabbret ukoll il-ħtieġa li dak li jkun jikkomunika; biżżejjed wieħed jikkunsidra n-numri straordinarji ta' messaġġi elettroniċi biċ-ċellulari li jintbagħtu kuljum. F'rapport li deher f 'Jannar li għadda fuq is-sit Tweak Town, li jispeċjalizza fuq l-aħħar aħbarijiet mid-dinja tat- teknoloġija, il-kumpanija WhatsApp tikkalkula li l-applikazzjoni tagħha tintuża biex jintbagħtu xejn inqas minn ħamsin biljun messaġġ elettroniku kuljum minn madwar id-dinja kollha. Forsi l-mistoqsija l-aktar naturali li ssegwi statistika bħal din hija: x'kien qiegħed jiġri fl-era mhix daqstant remota meta ma kinitx teżisti din il-qatgħa ta' komunikazzjoni? Konna nikkomunikaw inqas? Konna nikkomunikaw aktar forsi? Jew konna nikkomunikaw b'mod differenti? X'inhu li jwassal prim ministru jgħaddi messaġġ hekk importanti permezz ta' telefown ċellulari? X'kienet l-idea tal-awtoritajiet Malażjani li aħbar hekk drammatika jgħadduha b'dan l-istess mezz? Fl-istess waqt wieħed irid ukoll jistaqsi xi jwassal lil maħbub li għadu kemm wassal lill-maħbuba d-dar wara lejla twila flimkien jibgħatilha messaġġ elettroniku li aktarx iniedi sensiela twila ta' risposti dwar ħwejjeġ li diġà ġew diskussi – ftit tal-mumenti qabel – wiċċ imb wiċċ? Kemm min dawn il-ħamsin biljun messaġġ WhatsApp li jintbagħtu kuljum huma bżonjużi, kemm huma bla sens, bla siwi u x'siwi għandhom dawk li huma importanti? VOLUMI KBAR "Kbar daqs id-dinja," konna ngħidu meta konna għadna tfal biex nesaġeraw il-kobor ta' xi ħaġa li konna nkunu qegħdin niddiskutu. "Kbar daqs id-dinja!" Fil- perċezzjoni żgħira tagħna, imqar Malta, ir-raħal, imqar id-dar fejn konna ngħixu, konna narawhom kbar ħafna ħafna. Biex imbagħad, xi kultant, konna nisimgħu l-espressjoni popolari, "Malta żgħira", u iktar tard, "Id-Dinja kemm hi żgħira!" Jingħad tant diskors tat-tip li d-dinja saret raħal, li d-dinja ċkienet anki bis-saħħa u minħabba l-espansjoni diġitali. Iżda jekk id-drama tal-Boeing 777 ma kkomunikat xejn speċjali, donnha fakkret lil bosta li d-dinja, wara kollox, hija post kbir ħafna; li aħna lanqas nidhru fiha. Qiegħed jintqal, pereżempju, li aktarx nafu aktar il-wiċċ tal-qamar milli l-qiegħ mudlam tal-oċean Indjan fejn hu maħsub li waqa' dan l-ajruplan. Hemm kobor, fond, dagħbien li nistgħu nikkalkulawh imma li m'aħniex kapaċi nirriproduċu stampa ċara tiegħu f 'moħħna. Dak li konna naħsbuh raħal attwalment huwa post ta' kobor straordinarju u, nasal ngħid minħabba dan il-każ, kobor li jbeżża', li jwaħħax, li jġiegħlek tħossok daqs nitfa, jew, kif qalli xi ħadd, iġiegħlek tidħol f 'qoxortok u "jpoġġik f 'postok". Il-mod kif żviluppat din is- saga jfakkar lill-bniedem li għadu 'l bogħod mill-istatus ta' superman. Bir-riskju li dan id-diskors jinstema' tradizzjonali u forsi anki moraleġġanti, l-għejbien tal-Boeing 777 u, iktar minn hekk, in-nuqqas ta' ħila li ntwera fit-tentattivi sa issa falluti biex dan l-ajruplan jinstab u jiġi rkuprat, jieħu forma ta' nemesi għall- prepotenza, għall-hubris tal-bniedem li kultant żmien jew spiss ħafna jgħaddilu minn moħħu li ssupera l-madwar tiegħu u forsi anki aktar lil hinn. Huwa sforz din l-istess prepotenza li ħafna għadhom imnixxfa bil- mod kif żviluppaw (jew ma żviluppawx) l-avvenimenti ta' din id-drama. Il- fidi għamja fl-avvanzi teknoloġiċi u d-dipendenza fuqhom ġegħluna nemmnu li nistgħu kollox, li m'għadx hemm possibilitajiet ta' fallimenti. U allura tfeġġ il-mistoqsija tal-'kif jista' jkun?', l-istagħġib b'dak li ġara u li ma ġarax. Sadattant qegħdin nibżgħu li rġajna varajna mill-ġdid il-gwerra l-bierda, u anki f 'dan ir-rigward il-bniedem jieħu messaġġ ieħor ta' falliment. Konna ħsibna li kienet avveniment stampat fil-kotba tal-istorja, li seħħet u mietet, li kienet saret biss memorja mal-ħafna oħrajn. Konna ħsibna li ssuperajna dak il-mument, iżda l-mument reġa' magħna, jew ma telaqna qatt. YOUR FIRST CLICK OF THE DAY www.maltatoday.com.mt IMMANUEL MIFSUD NEMESI Il-messaġġ li ntbagħat lill-qraba tal-passiġġieri fuq l-MH370

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 MARCH 2014