Illum previous editions

illum 13 April 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/294633

Contents of this Issue

Navigation

Page 23 of 35

24 illum | Ħadd 13 ta' April 2014 L-akbar festa LGĦID il-Kbir hija l-akbar festa fil-Kalendarju tal- Knisja Kattolika. Malta, skont tradizzjoni twila li tmur lura għal żmien San Pawl nawfragu fuq il-gżira tagħna, ilha tiċċelebra l-qawmien ta' Kristu, sa minn dak iż-żmien li Pawlu waqqaf l-ewwel komunità ta' dawk li jemmnu f 'Ġesù, f 'Malta. Milli jidher, bosta kienu dawk li emmnu lill-Insara li kienu jgħixu dak iż-żmien għax kif nafu aħna li ngħixu kważi elfejn sena warajhom, din it-tradizzjoni għadha ħajja u qawwija. Għalkemm forsi din il- festa tal-Għid, illum ħadet diversi forom oħra minn dak li ċċelebraw dik l-ewwel komunità Nisranija, it- twemmin u t-tifsira tal-festa għadha l-istess waħda. Qatt u fl-ebda reliġjon ma kienet tissemma' li Alla, il-ħallieq ta' kollox, ried ikun qrib tal- ħolqien tiegħu, tant li bagħat lil ibnu stess. Mhux hekk biss, imma meta dan iben Alla, kien ikkundannat għall-mewt, wara xi jiem fil-qabar, qam mill-imwiet. Dan il-misteru, ġrajja li aħna l-bnedmin ma nifhmuhiex, huwa l-istess misteru li qiegħed fil-qofol u l-bażi tat-twemmin tal-Knisja Kattolika. Ovvja allura, li din tkun l-akbar festa fil-Knisja Kattolika. Biex Ġesù qam mill- mewt, kien hemm bżonn li l-ewwel imut. Il-ġrajjiet li jwasslu għal mewt ta' Ġesù, magħrufa bħala l-passjoni ta' Ġesù, jiġu mfakkra, bħala parti mill-istess tifkira li nagħmlu tal-qawmien mill- mewt. Interessanti mmens li wieħed iħares lejn is-simboli kollha li jintużaw f 'dik li hi msejħa l-Ġimgħa Mqaddsa li twassalna sal-festa tal-Għid. Il-Ġimgħa Mqaddsa nfisha, tibda minn Ħadd il-Palm, li fih ukoll niftakru kif Ġesù l-ewwel daħal qisu sultan fil-belt ta' Ġerusalemm, u ftit wara, kien imsallab fl-istess belt. Peress li aħna f 'Ħadd il-Palm, niftakru wkoll fil-passjoni ta' Ġesù, daħlet it-tradizzjoni fostna, li lejliet Ħadd il-Palm, niċċelebraw il-festa ta' Marija Addolorata, liema festa tinstema' qisha kontradizzjoni minnha nfisha. Xi ħadd li ma jkunx midħla tal-kultura tagħna, faċilment jagħmel il-mistoqsija: "kif jista' jkun tiċċelebra l-fatt li hemm mara mdejqa, wieqfa taħt is-salib, sinjal ta' tortura?" Ċelebrazzjoni vera, tiġi mill- fatt li bosta nies, jiltaqgħu flimkien u jiċċelebraw xi ħaġa li tgħaqqadhom. F'dan is-sens, il-festa tad-Duluri, kif inhi magħrufa magħna l-Maltin, u li l-bqija tal-Knisja Kattolika madwar id-dinja is-soltu tiċċelebraha fil-15 ta' Settembru, hija l-festa kważi nazzjonali ta' pajjiżna. Qed ngħid dan, għax kif naraw fil-festa tad-Duluri, ħafna u ħafna Maltin jagħmlu sawm jew xi penitenza oħra, imorru għal quddies, jorganizzaw quddies fuq il- postijiet tax-xogħol u wkoll ħafna oħrajn jieħdu sehem fil-purċissjoni li ssir, wara xi xbiha ta' Marija Addolorata. Dan kollu jsir mingħajr ħadd ma jġegħelhom u mingħajr ħafna riklamar żejjed. Donnha din hi l-festa magħżula mill-Maltin stess. Naħseb li ħadd ma jista' jiċħad li ebda festa oħra, anqas nazzjonali, ma tara dawk il-kwantitajiet ta' nies miġbura flimkien, madwar il-gżira kollha tagħna, għall-istess ċelebrazzjoni. Dan minnu nnifsu, diġà sabiħ ħafna. Imma tkun sabiħa sakemm din il-festa tkun sinjal tal-fidi u mhux sinjal ta' reliġjożità biss. Ikun inutli li wieħed jgħid li verament il-festa tad-Duluri hija sinjal tal-fidi tiegħu, jekk imbagħad il-bqija tas-sena ma juri l-ebda sinjal ieħor tal-fidi. Żgur hu li ħafna nies, jirrelataw tajjeb ħafna mal-istorja ta' Marija, mara komuni, li kellha x-xorti sabiħa li tkun omm Alla, u fl-istess ħin kellha tara dik it- tbatija kollha quddiem wiċċha. Wara Ħadd il-Palm imbagħad, nidħlu fil- Ġimgħa mqaddsa nfisha u ntemmu r-Randan lejliet Ħamis ix-Xirka. Dakinhar filgħodu, imkien ma jsir quddies, ħlief fil-Kon- Katidral tal-Belt Valletta, u f 'din il-quddies, is-saċerdoti kollha tal-Arċidjoċesi ta' Malta flimkien mal-Arċisqof, jagħmlu t-tiġdid tal-wegħdiet saċerdotali tagħhom, kif ukoll jitbierku ż-żjut li mbagħad jintużaw fis-sagramenti kollha, tul is-sena kollha. Ħamis ix-Xirka filgħaxija mbagħad issir it-tifkira tat-twaqqif tal- Ewkaristija u jibda t-Tridu tal- Għid. Ta' min wieħed jinnota, li l-quddies ta' Ħamis ix-Xirka, il-funzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira waranofsinhar, u l-velja tal-Għid, is-Sibt filgħaxija, jiffurmaw funzjoni waħda twila. Tant hu hekk li nroddu s-salib fil-bidu tal-quddies f 'Ħamis ix-Xirka, u nerġgħu nroddu s-salib u nintbagħtu fil-Paċi ta' Kristu, wara li tispiċċa l-funzjoni tas-Sibt filgħaxija. Hemm ħafna x'nistgħu naprezzaw f 'dawn il- funzjonijiet, u hu sabiħ ħafna li aħna l-Maltin, sibna modi daqshekk sbieħ biex niċċelebrawhom. Għalhekk, nixtieq nagħmel stedina, lil kull min qed jaqra dan l-artiklu. Attendi għal dawn il-funzjonijiet, u għamel ħiltek biex tinnota s-simboli kollha li jintużaw tul it-Tridu tal-Għid. Sib mumenti ta' riflessjoni tul is-seba' viżti, mhux għax toqgħod iddur mal-knejjes madwar Malta, imma għax jirnexxielek titkellem ma' Alla jew tħalli lil Alla jkellmek. Nista' nassigurak li jekk jirnexxielek tagħmel hekk, jirnexxielek ukoll tiġġedded fil-fidi tiegħek u mhux fir-reliġjożità tiegħek biss. Nawguralkom ħafna ferħ li Kristu Rxoxt jaf jagħti, u fl-istess ħin li tgħixu żmien il-Għid bil-qdusija kollha. Il-Milja tas-sbuħija fl-arti FORSI ġralek li tkun quddiem xi skultura jew pittura, tisma' poeżija jew biċċa mużika u f 'qalbek tħoss sens ta' ferħ. Dan għax quddiemek ma kellekx sempliċiment biċċa rħama, tila jew taħlita ta' ħsejjes iżda xi ħaġa aktar li rnexxielha tmiss il-qlub u twassal messaġġ. "Via Pulchritudinis" tfisser "It-Triq tas-Sabiħ" jiġifieri kif permezz tal- arti, il-bniedem jista' jasal sas-Sbuħija Suprema, għand il-Mulej. U proprju għal dan iż-żmien imqaddes, fis-Sede tal-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri se jittellgħu diversi wirijiet artistiċi, bl- isem ta' "Via Pulchritudinis," bil-għan li toħroġ is-sbuħija vera li twassal għand il- Ħallieq. Minn Ħadd il-Palm, fis- swali prinċipali tal-każin se jkun hemm tliet wirijiet. L-ewwel wirja ta' Salib Franġiskan magħmul mill- melħ u maħdum mill-artist Qormi Daniel Scerri. It-tieni hi wirja ta' fotografija dwar il-Ġimgħa l-Kbira mill-artist Christopher Azzopardi u t-tielet, esebizzjoni ta' abiti sagri bħall-pjaneti rrakkmati li ġejjin minn diversi paroċċi madwar Malta. Il-wirjiet se jinfetħu mill-Arċisqof Emeritu Mons. Ġużeppi Mercieca. B'rabta mal-jiem tal- Ġimgħa Mqaddsa, bħal kull sena f 'nhar Ħadd il-Palm, il-bandisti tal-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri se jtellgħu l-programm ta' mużika sagra u marċi funebri bl-isem ta' "Ecce Homo." Il-programm se jitmexxa mis-Surmast Archibald Mizzi u se jsir fil-fetħa li hemm quddiem is-sede tal- Għaqda fi Triq il-Kbira f 'Ħal Qormi. Waqt l-istess programm se jkun hemm ukoll għall- bejgħ l-aħħar CD ta' marċi funebri li ħarġet din is-sena l-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri. Dan hu l-14-il volum ta' marċi funebri ta' din l-għaqda. Rumanz ġdid, frisk u kontemporanju LANĠLU tal-Lament huwa rumanz ġdid, frisk u kontemporanju fejn in- narratur jiltaqa' ma' James Oldens, karattru kemxejn stramb, waqt titjira fuq xogħol. Bejniethom tinbet ħbiberija partikolari għax James mill-ewwel jiddikjara li wasal biex imut. Matul dan il-vjaġġ, aktar personali milli fiżiku, joħroġ fil-beraħ il-passat ta' James u jiġu diskussi aspetti varji tal-ħajja bħall-abbuż fiżiku, emozzjonali u sesswali. Bħala kuntrast jiġu diskussi l-kreattività, il-ħolm, l-anġli, l-ispiritwalità u r-rinkarnazzjoni f 'kuntesti tal-ħajja kemm fin-normalità tagħhom u anke f 'ambjent straordinarju. Dawn l-elementi jwasslu lin-narratur biex jibda jesperjenza hu wkoll mumenti diffiċli u hawn il- linja bejn James u n-narratur stess tibda tintilef. In- narratur jibda jara f 'James il-passat tiegħu stess, u jiġi kkonfrontat bih. F'ambjent retro tal-belt ta' Lisbona u b'nisġa ta' karattri varji u kkuluriti, dan ir-rumanz huwa logħba ta' emozzjonijiet f 'kuntest drammatiku ta' tfulija mniġġsa kif ukoll ta' preżent mimli kreattività, illużjoni u ħsieb. Fl-aħħar il-qarrej għandu l-għażla f 'idejh biex jiddeċiedi d-destin ta' James. L-Anġlu tal-Lament huwa ktieb attwali miktub b'pinna xi kultant misterjuża imma ħafna drabi miftuħa, ċara u bla tlaqliq. FR LUKE SEGUNA

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 13 April 2014