Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/302205
Il-Ħadd 27 ta' April 2014 | illum 17 L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 400 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew email illum@mediatoday.com.mt Ittri Kwistjoni Elettorali Ewlenija MICHAEL CAMILLERI BIRKIRKARA FLEWWEL sena bir- riedni tal-pajjiż f 'idejh, il-gvern Laburista jidher li qed jirnexxilu jkabbar l-ekonomija, isaħħaħ xi servizzi statali u jtejjeb il- welfare state, bla ma għamel taxxi u bla ma żied id-dejn nazzjonali. Din kienet preċiżament il-proposta elettorali ewlenija tal-PL ta' Marzu 2013, li kienet ibbażata fuq il-kwistjoni ċentrali tar-riforma fis-sistema tal-enerġija biex jitraħħsu l-kontijiet esaġerati tal- elettriku li kienu qed ixekklu l-ekonomija. Il-PN ma kienx jaqbel mal-proposta tar-riforma tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, tant li għamilha l-kwistjoni ewlenija tal-kampanja elettorali. Kien jgħid li hija 'gimmick tal-millenju', u jisħaq li b'tibdil bħal dak il-PL kien idaħħal lil Malta fil-ħajt. Għalhekk ir-riżultat tal-ħidma tal-gvern tal-PL fuq dik ir- riforma, se jkun strumentali biex il-poplu jkejjel il- kredenzjali soċjo-ekonimiċi u l-viżjoni politika taż-żewġ partiti. Għal din ir-raġuni kruċjali, il-gvern ħadem bla heda biex fi ftit xhur mexxa kif imwiegħed, il-pjan tar-riforma u roħs tal-enerġija, waqt li l-oppożizzjoni għamlet minn kollox biex tostakola l-proċess u tittardja kemm tista' t-twettiq tal-wegħdi. Bi ftehim mal-gvern Ċiniż, il-gvern Laburista Malti salva lill-Enemalta mill-falliment u qed jiggarantixxi roħs ta' 'l fuq minn 25% fil-kontijiet tad-dawl għall-konsumaturi. Qiegħed ukoll isostni l-bidla tas-sistema tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-HFO għall-gass. Dan ikkonferma r-reputazzjoni tal-PL li jżomm kelmtu u jkabbar il-popolarità tiegħu f 'kull strata soċjali. Mill-banda l-oħra qiegħda tintilef il-kredibbiltà tal- oppożizzjoni. Allura din qed topponi u turi li ma taqbilx mal-investiment Ċiniż fl-Enemalta, avolja dan sar biex itaffi d-dejn ta' kważi biljun Ewro li ħalla l-gvern Nazzjonalista. Qiegħda toġġezzjona u tagħmel plejtu fuq periklu tremend li timmaġina li jista' jinħoloq mill-vapur mimli bil-gass, li jkun ankrat fil-port ta' Marsaxlokk biex jissuplixxi lill-power station il-ġdida. L-Oppożizzjoni tinsisti li dan jagħti lok għal diżastru ta' splużjoni qawwija u fatali daqs ta' 50 bomba nukleari f 'daqqa. Infatti l-MEPs tal-PN qed jaħdmu biex titressaq petizzjoni kontra dan il-proġett fil- Parlament Ewropew, minkejja li l-maġġoranza l-kbira tas-sajjieda u residenti ta' Marsaxlokk infushom huma favur il-proġett, għax ma jemmnux lill-PN bit-twerwir esaġerat tal-isplużjoni katastrofika. Daqstant tal-PN huma 'l bogħod mill-ħajja attwali taċ-ċittadini, u ma jridux jisimgħu l-aspetattivi tagħhom. Għalhekk din hija l-aqwa kwistjoni li tikxef dik id-dgħufija Nazzjonalista, u turi bl-iżjed mod ċar is-sodisfazzjon tan-nies bit-traħħis tal-kontijiet tal-enerġija, u tikkonferma l-konsistenza tal-gvern Laburista li jwettaq kull ma jwiegħed. Ħames Minuti ma' Ivan Gaffiero IVAN GAFFIERO – kantant, preżentatur u organizzatur ta' konkorsi tas-sbuħija mill-Gżira imma joqgħod in-Naxxar. Missier ta' żewġt itfal, Martina t'10 snin u Tiziana ta' 18-il sena. Persuna li jidher kalm però minn ġewwa nervuż ħafna. Bniedem sensittiv, jinkwieta u jħobb malajr. Meta u fejn twelidt? Twelidt ġo l-isptar tal-Blue Sisters f 'San Ġiljan fis-6 ta' Settembru 1972. X'tiftakar minn żmien l-iskola? Ma kontx persuna li nħobb wisq l-iskola minħabba l-bullying li għaddejt minnu minn età żgħira. Kont persuna mistħi ħafna u kwiet wisq. Niftakar li ġieli kont inġib skuża li ma niflaħx biex ma mmurx skola. Il-kulur favorit tiegħek? Turqoise. Kemm hi importanti r-reliġjon f 'ħajtek? Dejjem kont persuna viċin il-Knisja, kont anke abbati għal diversi snin. Però llum il-ġurnata nippreferi mmur għall-kwiet nitlob ġo xi post bħal Girgenti jew xi post ieħor għall-kwiet u meta nsib iċ-ċans immur ukoll il-quddies. Temmen li hemm ħajja oħra wara din? Iva nemmen ħafna. Nemmen li min iħallina minn din id-dinja jibqa' magħna u li meta jasal iż- żmien nerġgħu niltaqgħu. Tħobb tara drama Maltija fuq it-televiżjoni? Iva ħafna. Fil-fatt fuq it-TV ma nara xejn ħlief drama Maltija bħal Iċ-Ċaqqufa fuq TVM u It-Tfal fuq ONE. Min hu l-kantant/a Malti favorit tiegħek? Ifhem, hemm ħafna li jogħġbuni għax jiena Maltin biss inħobb nisma'. Kantanta li togħġobni immens hija Eleanor Cassar, kantanta brava ħafna u li fl-opinjoni tiegħi, sfortunatament ma tantx hija apprezzata. X'taħseb fuq id-diska Coming Home ta' Firelight? Meta smajtha l-ewwel darba ma tantx għoġbitni però meta mort l-MFCC u rajt is-serata live, għidt li din se tkun il-kanzunetta rebbieħa. Kellha xi ħaġa ta' ħajja fiha u rajt li hi diska li tista' tagħmel isem tajjeb għal Malta. Temmen li xi darba Malta qatt tirbaħ il-Eurovision? Iva għaliex le? Jiena niltaqa' ma' ħafna tfal li jkantaw fil-festivals tiegħi u dejjem ngħid kemm hawn kantanti bravi. Nemmen iva li xi darba jsir hawn Malta. Qatt kien hemm xi mument fejn qtajt qalbek minn dan ix-xogħol kollu? Ħafna drabi. Mhux darba u tnejn ngħid li se nieqaf u kien hemm żmien li anke sibt minn jipprova jkissirni u jgħamilli ħsara kbira però nemmen u nitlob l-Alla u nipprova ma naqtax qalbi. Taċċetta kritika fuq xogħlok? Jiena nemmen li bil-kritika tikber u allura naċċettaha. Li niddejjaq hu meta n-nies jivvintaw qlajjiet fuqi għax sfortunatament ikunu jriduli l-ħsara. Hemm xi attività f 'moħħok li għadek ma wettaqtx? Iva kunċert kbir minn kantanti li bdew il-karriera mill-festivals tiegħi u li llum qed jiksbu suċċessi kbar. Fosthom hemm Eleanor Cassar, Glen Vella, Daniel Testa, Jessica Muscat, Sophie Debattista, Christian Arding, Charlene u Natasha Grima, Christabelle Borg u ħafna oħrajn. Tħobb issiefer u jekk iva, fejn hu l-post favorit tiegħek? Mhux xi wieħed li se ndum ħafna barra minn Malta għax nimmisja ħafna lil dawk ta' madwari però l-aktar li nħobb hu shopping Londra. Xi tfisser għalik sbuħija minn ġewwa? Ħafna. Dik hija l-aktar ħaġa importanti fil-karattru ta' kull persuna. Kemm tħoss li hu importanti li tisma' lil min hu mdejjaq jew għaddej minn xi mument ħażin? Nisma' ħafna nies ta' kuljum. Għandi ħanut u hemm nies li jiftħu qalbhom miegħi. Ma niddejjaqx nismagħhom għax naf xi tfisser meta tħossok waħdek jew tkun f 'mumenti iebsa fil- ħajja għax jien stess kelli din l-esperjenza. Int karattru li taqbiżlek malajr jew iddum tissaporti? Indum nissaporti ħafna iżda meta nibda nara ħafna affarijiet ġejjin bil-kontra, nispiċċa mmur xi mkien waħdi, nibki waħda sew u nerġa' niġi f 'tiegħi. Xi tfisser il-kuntentizza għalik? Kollox hux. Bla kuntentizza ma tagħmel xejn. Importanti li tgħix ħajtek kif tixtieq int u mhux kif jiddettalek ħaddieħor. Irrid ngħix ħajti kuntent għax aħna ninsabu hawn għal ftit żmien biss, misluf lilna mill-Ħallieq.