Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/302205
Il-Ħadd 27 ta' April 2014 | illum 15 tiltaqa' mal-akbar ammont ta' votanti filwaqt li taċċetta l-limiti tiegħek. Mario Farrugia Borg x'għandu differenti minn kandidati oħra? L-ewwel nett jien parti minn tim b'kandidati validissimi. Jekk issaqsini fuqiex nemmen jien ngħidlek fuq il-kuntatt man-nies. Il-politiku postu biex jisma', jifhem, u jipprova jgħin lin-nies. Politiku li tikbirlu rasu u jinqata' man-nies għandu jinqata' wkoll mill-politika. Tħoss li Muscat uża l-kandidatura tiegħek biex jattira faxxa partikolari tas-soċjetà? Kull kandidat se jattira faxex partikolari tas-soċjetà, però kull kandidat jaf li ma jistax jibbaża fuq settur wieħed biss. Kull kandidat jaf li jrid jipprova jieħu voti minn faxex oħra. Xi jkun riżultat pożittiv għalik f 'din l-elezzjoni? Qed nieħu l-kandidatura bħala avventura, qed naħdem daqslikieku kont favorit imma qed inżomm saqajja mal-art. Mhux qed nagħmel għanijiet ta' nkunx elett jew le, jew ammont ta' voti. Imma ovvjament nagħmel li nista' biex nikseb l-aħjar rizultat possibli kemm għalija u kemm għall-ġid tal-partit. Kemm taħseb se jkun fattur importanti fl-elezzjonijiet dawk il-Laburisti li qed jheddu li jastjenu għax għadhom mhux moqdija wara 25 sena? Bla dubju kull vot hu importanti. Imma kif qal l-Erbgħa li għadda l-Prim Ministru, l-ewwel bdejna nindirizzaw temi li jolqtu l-mases, bħal kontijiet tad-dawl u ilma. Imbagħad ħdimna għal minoranzi li jaffettwaw faxex kbar fis-soċjetà, bħall-unjoni ċivili. Issa nindirizzaw it-temi li jolqtu l-individwi. 25 sena ta' gvern Nazzjonalista tfisser ħafna nies imweġġgħin għax kienu ddiskriminati sempliċiment għax Laburisti. F'25 sena dawn tilfu ħafna. Kulħadd irid jifhem li kulma ilna fil-gvern sena u xahrejn u rridu l-ħin biex insolvu dawn l-inġustizzji. Però l-prestazzjoni tal-gvern kienet waħda brillanti u min ma jivvutax minħabba hekk irid jifhem li jkun qed jobżoq għas-sema biex jiġi f 'wiċċu. Ma taħsibx li sfortunatament dan juri li l-politika Maltija għadha mtappna bil-klijenteliżmu? Malta żgħira u kulħadd jaf lil xulxin, hi parti mill-kultura tagħna li jekk ħdimt għal xi ħadd tistenna li dan jgħinek meta tkun fil-bżonn. Ma nara xejn ħażin fiha sakemm dak li qed titlob hu ġust u jista' jingħatalek. X'idejqek l-aktar fil-politika Maltija? Meta bniedem jheddek bil-vot anke meta ma jkollux raġun. Trid tieħu paċenzja u tipprova tfehmu anke jekk ma jkollux raġun. B'mod ġenerali taħseb li l-Maltin huma tolleranti lejn il-minoritajiet f 'pajjiżna sew jekk huma abbażi ta' reliġjon kif ukoll ta' nazzjonalità? Il-Maltin huma tolleranti, imma meta jħossu li b'xi mod jistgħu ikunu mhedda ma tantx jibqgħu. Eżempju ejja nieħdu l-immigrazzjoni illegali. Fil-karità dejjem konna nkunu minn tal-ewwel li nibgħatu l-flus l-Afrika għal missjoni imma meta bdew jiġu influss kbir ta' Afrikani bdiet tidher li m'aħniex komdi għax għandna l-limiti tagħna. Lejn il-minoranzi l-Maltin huma tolleranti, kif jixhed lejn il-komunità LGBTI bl-unjoni ċivili u nemmen ukoll lejn il-minorità tal-kaċċaturi u nassaba jekk ikun hemm referendum… …Jiġifieri taqbel mal-kaċċa u l-insib? Jekk il-kaċċa u l-insib isir skont kif stipulat mil-liġi iva, naqbel. B'mod kontroversjali inti tippreferi tuża t-terminu immigrazzjoni illegali flok irregolari. Apparti d-diskors legali għax żgur mhux se naqblu jekk għandux ikun irregolari jew illegali, ma taħsibx li kliem bħal dan jirrifletti kemm hu diffiċli l-integrazzjoni ma' dawn il-persuni? Aħna favur l-integrazzjoni imma din possibbli biss jekk ikollok numri sostenibbli. F'Ħal Balzan l-integrazzjoni kienet possibli b'100 immigrant u komunità żgħira, imma l-Marsa ma kellekx l-istess stampa trankwilla. Huma n-numri li jagħmlu d-differenza, u għalhekk qed ninsistu għal 'burden sharing' u ftehim ieħor ta' ripatrijazzjoni. Is-sajf li għadda l-gvern kien qed hedded li juża l-pushbacks u jibgħat lura dgħajjes b'immigranti lura minn fejn ġew. Qbilt ma' din il-pożizzjoni? M'għidniex li ħa nużaw il-pushback; Il-Prim Ministru kien qal biss li kien qed jikkonsidra l-għażliet kollha, anke li jiżdiedu sodod fl-isptarijiet jekk ikun hemm il-bżonn għal dawn l-immigranti. Sadanittant infakkar li kien biss gvern Nazzjonalista ta' Fenech Adami li għamel pushback u bagħat immigranti lura għat-tortura jekk mhux ukoll għal qatla tagħhom. Il-pożizzjoni tiegħi hi li jekk persuna hija intitolata għall-protezzjoni umanitarja, tingħatalha u merħba biha. Imma fl-istess ħin, min kellu l-applikazzjoni miċħuda u ma jikkwalifikax għall-protezzjoni postu mhux hawn. Kif għamilna bil-ftehim riċenti man-Niġerja, dawn il-persuni għandhom jintbagħtu lura u nassiguraw li jkunu integrati fis- soċjetà lura f 'pajjiżhom. Kull pajjiż hekk jagħmel, ma narax għalfejn għandna nkunu l-eċċezzjoni. X'taħseb li għandhom ikunu l-prioritajiet ta' MEP Laburista li jitla' Brussell ghal dawn il-ħames snin? MEP Malti dejjem irid jara li jġib l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox. Qas tgħaddili minn rasi li nħammeġ isem Malta u niġġieled fil-Parlament Ewropew biex isem Malta jibqa' f 'reżoluzzjoni biex tiġi kkritikata mill-pajjiżi l-oħra. Dan mhux xogħol fl-interess tal-Maltin u l-Għawdxin. Jiena nidħaq meta nisma' lil Simon Busuttil jgħid li n-Nazzjonalisti jaġixxu għall-interess nazzjonali, għax fil-kwistjoni taċ-ċittadinanza ħlief l-interess partiġġjan ma ġabux. Riedu jagħmlu ħsara politika għax jafu li jekk il-programm taċ-ċittadinanza jikseb suċċess kien ħa jġib investiment sostanzjali fil-kaxxi ta' Malta u konsegwentament il-poplu jappoġġja aktar lil partit Laburista. X'tirrispondi għal min hu xettiku li Malta verament jista' jkollha leħen fil-Parlament Ewropew minħabba li qegħdin 6 MEPs biss? Fil-Parlament Ewropew m'hemm l-ebda pajjiż li għandu l-maġġoranza, m'hemmx pajjiż li għandu nofs l-MEPs tiegħu. Kulħadd bħalna qiegħed fil-minoranza u b'hekk jinħtieġ il-kompromess. Ghalhekk jgħodd li jkollok MEPs influwenti fil-lobbying, biex jikkonvinċu MEPs minn pajjiżi oħra u jivvutaw favur dak li jaqbel lil Malta. Iż-żgħir u l-batut fuq l-aġenda Ewropea "Qed nieħu l-kandidatura bħala avventura, qed naħdem daqslikieku kont favorit imma qed inżomm saqajja mal-art" "Kien il-Prim Ministru li talabni nikkontesta u nammetti li sa dak il-mument ma kinitx tgħaddili minn rasi" - Farrugia Borg