Illum previous editions

illum 4 May 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/306558

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 39

Brno, ir-Repubblika Ċeka, iżda l-ġenituri tiegħu ħarbu meta ċ-Ċekoslovakkja ġiet maħkuma mir-Russja u ta' 8 xhur sab ruħu Vjenna. Sa meta kellu 15-il sena fi Vjenna kien meqjus bħala barrani, "kont meqjus bħala 'nigger'" u kien bullied mill-Awstrijaċi fejn qatt ma ġie aċċettat minħabba l-aċċent stramb li kellu. "Kien hawn li ddeċidejt li neduka ruħi, tgħallimt il-Ġermaniż u kont nitkellem aħjar minnhom u kien hemm li aċċettawni. Sadattant jien kont inħossni persuna mingħajr art." Sadattant Lui qalli li ta' 10 snin ġie molestat sesswalment minn missieru, iżda tant hu persuna pożittiv li dan il-mument tant ikrah iqisu bħala mument li bis-saħħa tiegħu ssawwar f 'raġel qabel iż-żmien. Lui jemmen fil-liġi tal-attrazzjoni fejn hu mhux kontra l-gwerra iżda favur il-paċi. Hu favur kull ħaġa li jħobb u mhux kontra dak li ma jgħoġbux, għax hu bniedem pożittiv. Qalli li fil-ħajja qatt ma qata' qalbu, "nemmen li kull ħaġa li noħlom nista' nasal għaliha anke jekk ma nkunx naf kif se nasal, però nasal b'xi mod jew ieħor." Minn ta' 18-il sena bdew l-avventuri barra l-Awstrija. Mar it-Tajlandja u Hong Kong għal vaganza u spiċċa jgħix hemm għal madwar sena u nofs fejn fetaħ negozju tal- ħarir u affarijiet orjentali li kien jesporta għall-Awstrija. "Hemmhekk kont nitħarreġ il-bodybuilding u kont imtlejt ġiżirajjen tad-deheb. Iżda meta rritornajt Vjenna waqaft naħseb x'ridt eżatt minn ħajti, għax ridt ngħix u mhux inkompli neżisti. Ma ridtx naħli ħajti fil-ħmerijiet. Neħħejt kull tip ta' ġiżirana, waqqajt il-muskoli li kelli u ddeċidejt li mmur in-Nepal nimmedita għal sena sħiħa." Iżda laqgħa ma' tfajla l-ġmiel tagħha waqqfitu mill- meditazzjoni. Kien f 'bar jixrob ma' ħuh fejn lemaħ tliet tfajliet fuq mejda u poġġa ħdejhom. Waħda minnhom li kienet Kanadiża affaxinatu, "kienet ġmiel John u spiċċajt li l-għada tlabtha biex niżżewġu." Iżda ma kinitx xi 'love at first sight' iżda fiha raha ċans li jkun jista' jmur fl-art tal-opportunitajiet, il-kontinent Amerikan. Min-naħa tagħha aċċettat għax riedet titlaq minn djul l-ġenituri tagħha u spiċċaw iżżewġu wara xahrejn. Sab li hi kienet tqila meta huma ma kinux lesti li jrabbu, iżda billi hu kontra l-abort iddeċidew li jżommu t-tarbija u sar missier tal-ewwel iben. Wara 12-il sena żwieġ kienu ddivorzjaw iżda xorta baqgħu jgħixu flimkien tant li reġa' kellhom it-tieni wild meta kienu divorzjati. Però fl-istess żmien li kellu din ir-relazzjoni l-ħajja ħadet rotta oħra għal Lui. Wara biss sitt xhur li kien ilu l-Kanada fejn kien qed jaħseb biex jiftaħ kiosk tax-shnitzel (ikla tradizzjonali Awstrijaka) ċemplitlu ommu u qaltlu li wirtet madwar 32 miljun dollaru mingħand ħuha li kellu negozju tal-proprjetà fl-Awstrija. Kienu talbuh imur l-Awstrija fejn fil-fatt mar iżda kellu xi jgħid mal- familja tiegħu u spiċċa mkeċċi u bla ċenteżmu. Għalkemm wara sena ommu reġgħet ikkuntattjatu u bagħtitlu nofs miljun dollaru meta kienet taf li kellu tarbija. Matul is- snin kienet baqgħet tibgħatlu l-flus sa ma spiċċa b'madwar 3 miljun dollaru. Bihom kien xtara dar kbira lill-eks martu li swietlu 350,000 dollaru u ddeċieda li jixtri yacht tal- injam ta' 50 metru. Xtrah 600,000 dollaru u kellu bżonn manutenzjoni kbira u fil-fatt dam jibnih mill-ġdid 10 snin sħaħ. "Naf sal-inqas vit li fih il-yacht għax jien ridt yacht ta' vera, yacht biex nitkessaħ bih, yacht tal-miljunarji għax issa kont sirt miljunarju u yacht tal- injam hu l-vera yacht." Issa Lui kellu l-flus u kellu yacht u bdiet il-ħajja bla rażan. Beda jgħix fuq il-yacht u fl- istess ħin jgħix ħajja mimlija nisa, xorb, ħaxixa u spiċċa dejjem fis-sakra. "Darba niftakar li konna fil-foresta u ltqajt ma' ors kbir u sħabi li kienu Indjani nativi qaluli li l-uniku mod li ma joqtlokx hu li tbeżżgħu int. Qbadt sikkina u pala li kelli u bdejt inħabbat u ngħajjat qisni miġnun u dan l-ors għola fuq saqajh it-tnejn u lebbet 'il fuq. Minn hemm għidt biex beżżajt ors mhu se nibża' minn xejn iżjed." "Fl-istess żmien iltqajt ma' tfajla mħallta mal-Indjani u spiċċat tqila wkoll fejn bqajt magħha sa ma welldet it-tielet iben tiegħi u minn hemm iddeċidejt li nitlaq mill- Kanada." Biegħ il-Harley Davidson u kulma kellu u telaq lejn il-Kosta Azzurra ta' Franza u minn hemm baħħar lejn Lignano l-Italja. Il-flus kienu spiċċawlu, ix-xorb ġabu fil- problemi u hu kellu xewqa li jibda jikri l-yacht bih bħala skipper. Iżda x-xorb żgur ma kienx se jgħinu għal dan il- għan. "Ħallejt il-yacht Lignano u mort Vjenna nagħmel programm ta' rijabilitazzjoni mill-alkoħol." Wara l-programm beda jagħmel charters bil-yacht il- Kroazja u l-Italja, "iżda sentejn waħdi flimkien mal-kelb ħassejtni 'lonely'. Tfajliet kelli ħafna iżda xtaqt kumpanija serja, xtaqt l-imħabba. Ħabib tiegħi laqqagħni ma' Awstrijaka ħabiba ta' martu, Barbara u għoġbitni. Kellha l-bulimja u għalhekk iddeċidejt li neħodha miegħi fuq il-yacht ħalli flimkien ngħinha toħroġ minn din is-sitwazzjoni kiefra." Biegħ l-appartament li kellu għal €60,000 u flimkien ma' Barbara li hi 20 sena iżgħar minnu niżel Kalabrija bil-yacht. Iżda hi ma kinitx imdorrija fuq il-baħar u beda jagħmlilha ħafna deni għalhekk kellu jibqa' xitwa sħiħa ankrat f 'Kalabrija u billi ma kinux jafu bit-Taljan ma sabux xogħol. U spiċċa li nefaq il-flus kollha tal-appartament. Kien baqagħlu biss €300. Żewġ miljuni kienu taru mar-riħ fi 15-il sena. Sadattant kien hemm għaddas li qallu biex jipprova jiġi Malta għax kienet irħas biex jankra f 'marina. "Ġejt Għawdex fejn biex nankra l-yacht talbuni €3,500 u jien ħlief €300 ma kienx baqagħli. U hawn mill-ewwel ħarġet l-ospitalità tal-Għawdxin meta mingħajr ma kien jafni l-persuna responsabbli tani ċ-ċans li nħallsu kull xahar. Biex jirnexxili nlaħħaq mas-somma li ridt inħallas spiċċajt nikri l-umbrelel ir-Ramla, niżbogħ xi dgħajsa u nsuq lit-turisti bis- safari jeeps. Minn miljunarju spiċċajt nikri l-umbrelel." Iżda Lui li hu persuna mimli ħolm u pożittività tbissimli u qalli, "Ara taħseb li qed ninkwieta. Irnexxieli nġib il-permessi kollha biex nibda nikri l-yacht. Nammetti li kien hemm min ma ridnix nagħmel dan ix-xogħol f 'Għawdex u għalhekk ridt nimxi bil- permessi kollha ħalli ma jkollix inkwiet u problemi." Sadattant qalli li għall-ewwel darba jħossu li qiegħed 'home' Għawdex. "Hi gżira bi spazju sabiħ, gżira trankwilla u kampanja sabiħa. L-ospitalità tal-Għawdxin hi waħda ġenwina. Hawn sibt ħbieb ġenwini ħafna aktar milli qatt kelli fl-Awstrija. Għall-ewwel darba f 'ħajti se nivvota għal parlament Ewropew." Interessanti l-fatt li ilu sena jgħix Għawdex u Malta ma żarha qatt, ħlief meta mar biex jagħmel l-ID Card u għal xi permessi. Sadattant ħareġ fil-gallarija jpejjep sigarett u kompla spiċċa dak li kien baqa' fil-flixkun tal-inbid u hawnhekk forsi b'ilsienu kemxejn maħlul beda jitkellem dwar il-filosofija tiegħu tal-ħajja. "Jien dejjem għext b'filosofija li kull fejn immur inħalli dejjem aħjar milli sibtu. Kull bniedem irrid joħloq għax aħna rridu nkunu l-ħallieqa tal-futur tagħna. Għamilt dak kollu li ridt nagħmel u għamiltu kif xtaqt u ridt jien." Għax Lui barra li hu kaptan ta' yacht hu wkoll, hairdresser professjonali, mużiċist, pittur u anke jħarreġ il-klieb. Qabel telaq staqsejtu jekk jibżax mill-qilla tal-baħar u Alois bi tbissima ħelwa weġibni. "Aktar nibża' mill- qilla tal-bniedem milli minn dik tal-baħar. Jien nirrispetta n-natura u nimxi magħha kif inhu xieraq għax jien 'hippy' etern." Il-Ħadd 04 ta' Mejju 2014 | illum 11 Gladjaturi tal-Ħajja Minn miljunarju spiċċa jikri l-umbrelel Beda jgħix ħajja bla rażan fuq il-yacht, nisa, xorb u ħaxixa "Minn hemm għidt biex irnexxieli nbeżża' ors mhu se nibża' minn xejn iżjed" "Għax Alla hu missieri mhux dak li jikkundannani"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 4 May 2014