Illum previous editions

illum 25 May 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/318024

Contents of this Issue

Navigation

Page 9 of 35

10 illum | Il-Ħadd 25 ta' Mejju 2014 "TAWNI fastidju sempliċiment għax jien dak li jien - minħabba li wiċċi hu xi ftit maskili u minħabba li rrealizzaw li jiena persuna trans meta semgħu l-vuċi tiegħi" ... Din kienet l-esperjenza li dehret f 'rapport tal-Amnesty International ta' tfajla trans mhux bogħod wisq minn xtutna – fi Sqallija. Iżda każijiet bħal dawn iseħħu wkoll f 'Malta! Nhar is-17 ta' Mejju fakkarna l-Jum Internazzjonali Kontra l-Omofobija u t-Transfobija, magħruf fil-qosor bħala IDAHO. Dan il-Jum jitfakkar minn diversi organizzazzjonijiet madwar id-dinja permezz ta' attivitajiet u manifestazzjonijiet. L-omofobija nistgħu niddeskrivuha bħala mibgħeda, intolleranza, u biża' minn persuni omosesswali u bisesswali. Mill-banda l-oħra t-transfobija tikkonsisti f 'tipi differenti ta' stmerrija lejn persuni transesswali. Dawn l-attitudnijiet negattivi jistgħu joħolqu sterjotipi dwar dawn il-persuni li jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni jew saħansitra vjolenza fuq persuni LGBTI. Il-bidla fil-mentalità lejn kif inħarsu lejn persuni LGBTI tista' sseħħ billi nkomplu nqajmu aktar għarfien dwar id-diskriminazzjoni u s-sitwazzjonijiet li dawn il-persuni jiġu wiċċ imb wiċċ magħhom. Dan u aktar kien diskuss matul din il-ġimgħa f 'Malta waqt forum li kien organizzat mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili flimkien mal-Iżvezja li laqqa' esponenti internazzjonali li b'modi diversi jaħdmu għad- drittijiet ta' persuni LGBTI. L-għan ta' dan il-forum kien li jitkompla l-proċess biex id-drittijiet ta' persuni LGBTI jitpoġġew fuq quddiem nett tal-aġenda. Dan il-forum ħoloq okkażjoni oħra biex kull min hu involut seta' jiddiskuti oqsma li jaffettwaw lill-persuni LGBTI kif ukoll ingħatat l-opportunità biex jiġu identifikati l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu f 'dan ir-rigward. Fil-ftuħ ta' dan il-forum, il- Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Helena Dalli, fakkret meta hi, flimkien ma' Ministri mill-Unjoni Ewropea, iffirmat id-dikjarazzjoni konġunta fl-okkażjoni tal- Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija u t-Transfobija li tfakkar is-sena li għaddiet fl-Aja. L-għan ta' din id- dikjarazzjoni konġunta kien li titjieb is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali ta' persuni LGBTI. Hija semmiet il-passi li qed tieħu Malta biex tirrikonoxxi aktar id-drittijiet tal-minoranzi fosthom ta' persuni LGBTI. Fost l-oħrajn, il-Ministru Dalli rreferiet għal meta x-xahar li għadda l-Parlament approva l-liġi dwar l-unjoni ċivili li tirrikonoxxi d-drittijiet u l-obbligi għall-koppji tal-istess sess. Il-Parlament approva wkoll emenda fil-Kostituzzjoni li toffri protezzjoni kontra kull tip ta' diskriminazzjoni fuq bażi ta' orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru. Il-Ministru Helena Dalli kompliet tgħid li issa l-pass li jmiss se jkun il-liġi dwar l-identità tal-ġeneru. Dawn l-iżviluppi jikkontribwixxu sabiex jiġu iktar imħarsa d-drittijiet ta' persuni LGBTI. Imma l-preġudizzju, id- diskriminazzjoni u l-vjolenza mmotivata mill-mibgħeda jibqgħu jippersistu. Dawn is- sitwazzjonijiet jistgħu jseħħu kullimkien – fit-triq, fil-bars u l-clubs, fuq ix-xogħol, fl- iskejjel u saħansitra fid-dar. Minħabba f 'hekk, għad hawn ħafna persuni LGBTI li jagħżlu li ma jiżvelawx l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Studju ppubblikat mill- Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal- Ugwaljanza (NCPE) fl- 2011 jiddeskrivi każijiet ta' diskriminazzjoni li persuni LGBTI għaddew minnhom f 'oqsma u ambjenti differenti. F'dak li għandu x'jaqsam mal- qasam tal-impjiegi, persuni LGBTI ltaqgħu ma' każijiet li jvarjaw b'mod konsiderevoli u jinkludu każijiet ta' lingwaġġ li joffendi fuq il-post tax-xogħol, iżolament, fastidju, diffikultà biex isibu xogħol, telf ta' klijenti u tkeċċija mix-xogħol b'mod inġust. L-aktar forom komuni ta' diskriminazzjoni li kienu rrappurtati f 'dan l-istudju kienu kliem jew laqmijiet insulenti, ċajt mhux xieraq u l-użu ta' lingwaġġ omofobiku. Sibna wkoll każijiet ta' għalliema li twaqqfu mix-xogħol wara ilmenti mill-ġenituri tat-tfal minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Iżda wara li ttieħdet azzjoni legali, l-għalliema reġgħu ngħataw l-impjieg. Għalhekk każijiet bħal dawn juruna li dawn il- persuni m'humiex ħielsa mill- fastidju jew id-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Fil-qasam edukattiv ħareġ li l-bullying hu l-aktar forma predominanti ta' fastidju u diskriminazzjoni esperjenzata. Ħafna minn dawn l-inċidenti seħħew fi skejjel primarji u sekondarji u dawk li ħadu sehem fl-istudju tal-NCPE kienu ffastidjati mhux neċessarjament għax kienu omosesswali jew trans iżda anki minħabba l-apparenza jew l-aġir tagħhom. Id-diskriminazzjoni fil-qasam tal-akkomodazzjoni tad-djar kienet inqas frekwenti minn dik fl-impjiegi jew l-edukazzjoni. Iżda meta każijiet bħal dawn seħħew, kellhom sinifikat u impatt fit-tul fuq ħajjet il- persuni. Dan kien il-każ l-aktar meta l-fastidju seħħ mill-ġirien u li wassal biex il-persuna tħossha skomda jew vjolentata f 'darha stess. Fix-xhur li ġejjin, l-NCPE se tkompli tanalizza aktar fil-fond il-vjolenza, il-fastidju u l-bullying fl-iskejjel li jseħħu mhux biss abbażi tas-sess tal-persuna, iżda anki f 'oqsma oħra ta' diskriminazzjoni bħalma huma l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal- ġeneru. Wara dan l-istudju l-NCPE se tagħmel kampanja biex toħloq iktar kuxjenza fuq dawn il-każijiet u tissaħħaħ il-prevenzjoni tal-bullying u fastidju. Barra minn hekk, l-NCPE, fuq bażi regolari, tilqa' u tinvestiga ilmenti ta' persuni li jħossuhom diskriminati minħabba l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru tagħhom fejn jidħlu l-impjiegi, il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Għal aktar informazzjoni, agħmel kuntatt mal-NCPE fuq 2590 3850, equality@gov.mt jew fuq Facebook taħt National Commission for the Promotion of Equality. Renee Laiviera hi l-Kummissarju tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) Il-Punt RENEE LAIVIERA Il-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija u t-Transfobija Niġġieldu d-diskriminazzjoni "Il-pass li jmiss se jkun il-liġi dwar l-identità tal-ġeneru" – Helena Dalli

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 25 May 2014