Illum previous editions

illum 22 June 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/333854

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 39

Il-Ħadd 22 ta' Ġunju 2014 | illum 11 Il-qtil tal-accountant Lino Cauchi Każ li waħħax lil Malta 32 sena ilu 'l bogħod mid-dar. Meta Anna ttawlet u rat il-karozza, għalkemm ratha stramba kif Lino ma kienx ipparkja l-karozza bħas-soltu fid-'drive-in', ħasbet li forsi ltaqa' ma' xi ħadd u mar miegħu mingħajr ma daħal jgħidilha. Iżda jidher li Lino kien twaqqaf qabel daħal fid- 'drive-in' tad-dar biex jevitaw li tinduna martu u nħataf minn xi persuni. Bil-ħin għaddej u Lino baqa' ma deherx, Anna tħassbet u marret għand il- ġirien titlob l-għajnuna, iżda dawn qalulha biex iżżomm kalma u tistenna ftit ieħor għax forsi Lino kien ma' xi klijenti. Anna marret lura d-dar u għamlet lejl sħiħ tistenna. L-aħħar movimenti ta' Lino Fatti interessanti jinsabu ppubblikati fil-ktieb ta' Saviour Balzan bit-titlu "Saying it as it is" – l-ewwel volum. Fil-15 ta' Frar 1982 Lino Cauchi mar id-dar biex jiekol u qabel ħareġ mid-dar biex imur lura l-uffiċċju fil-Belt qalilha "Narak illejla". Dawn kienu l-aħħar żewġ kelmiet li semgħet lil Lino jgħid u l-aħħar darba li ratu ħaj. Bejn is-2.30pm u s-6.30pm Lino ma ħariġx mill-uffiċċju tiegħu fi Triq l-Ifran fil- Belt u kien il-ħin kollu ma' wieħed mill-klijenti. Dan ir- raġel kien stqarr mal-Pulizija li għall-ħabta tal-5pm Cauchi rċieva telefonata u semgħu jgħid li "nista' niġi għax il-karozza mhux qegħda 'l bogħod minn hemm." Lino u l-klijent tiegħu ħarġu mill-uffiċċju fis-6.30pm. Ftit tal-ħin wara huwa deher jitkellem ma' ċertu Frank Fenech u Martin Attard, żewġ persuni li Cauchi kien jaf sew u wara deher jimxi lejn il-karozza tiegħu. Minn dak il-ħin Cauchi ma deherx aktar. L-ebda sinjal ta' taqlib Kmieni l-għada filgħodu, it-Tlieta 16 ta' Frar ftit qabel is-6.30am, qraba ta' Lino Cauchi marru l-uffiċċju tiegħu fil-Belt bit-tama li jsibu xi ħjiel dwar fejn seta' mar Lino, iżda hemmhekk ma sabu xejn stramb jew suspettuż. La kien hemm sgass, jew taqlib u xejn ma deher li kien insteraq. Lino Cauchi kien għeb mingħajr ebda sinjali ta' xejn. Aktar tard filgħaxija uffiċjal għoli mid-Dipartiment tat- Taxxi mar id-dar ta' Lino fejn sab lil Anna Cauchi. Dan l-uffiċjal, li kien magħruf bħala 'il-Mulej', talab lil Anna biex tgħaddilu d-dokumenti kollha relatati ma' kuntratti. Il-mara sabet il-files kollha u għaddithom lil dan l-uffiċjal. Tinstab il-bagalja ta' Cauchi B'dan l-għibien kienu infurmati l-Pulizija li bdew bi tfittxija intensiva f 'diversi lokalitajiet. L-Erbgħa, 17 ta' Frar 1982 f 'Chadwick Lakes il-Pulizija kienu sabu l-bagalja ta' Cauchi, mhux biss instabet vojta, imma min fetaħha għamel dan billi sgassaha. Dan kien jindika li l-bagalja ta' Cauchi nfetħet mhux fil-preżenza tiegħu. Għal Anna Cauchi din kienet xi ħaġa stramba għax Lino kienu bniedem organizzat u ma kienx se jħalli l-bagalja tiegħu b'dokumenti ta' klijenti mitluqa u għaldaqstant mill-ewwel bdew deħlin suspetti serji. Iżda minkejja li l-Pulizija u l-familja ħasbu ħażin, kienet diffiċli biex jaslu għal xi konklużjoni jew suspetti. Kienu diversi t-teoriji li bdew ħerġin bihom, fosthom li Lino mar hemmhekk biex ikun għal kwiet 'il bogħod minn kulħadd. Seta' Lino siefer mingħajr ma qal lil ħadd? Din it-teżi ma tantx kienet tagħmel sens għax Lino ma kellu ebda nkwiet, speċjalment mal-familja u ma kien hemm ebda rekords li Lino kien ħareġ minn Malta. Il-Pulizija kienu għamlu tfittxija intensiva fl-inħawi ta' Chadwick Lakes għax ħasbu li Cauchi seta' ħassu ħażin u kien mitluf minn sensih x'imkien fejn ma jidhirx. Wara jiem u ġimgħat bl- ebda traċċa jew ħjiel fejn seta' kien, għall-Pulizija Lino Cauchi beda jitqies uffiċjalment bħala persuna nieqsa tant li ntalbet l-għajnuna tal-pubbliku biex min kellu xi tip ta' informazzjoni jgħaddiha lill- Pulizija. Jinstabu fdalijiet umani fil- Buskett Il-Ġimgħa, 15 ta' Novembru 1985, tliet snin u disa' xhur wara l-għibien ta' Lino Cauchi, il-Pulizija waslitilha informazzjoni mingħand raġel li xi jiem qabel kien għadda minn esperjenza xejn sabiħa. Il-bidu għas-sejba tal- fdalijiet ta' Cauchi kien il-Ħadd, 10 ta' Novembru meta raġel minn San Ġiljan mar jaħsel il-karozza tiegħu il-Buskett fil-post magħruf bħala "Il-Bosk". Dan il-post kien magħruf minn dawk li kienu jmorru hemm biex jaħslu l-karozza peress li kien hemm bir bl-ilma ġieri u ma kienu jdejqu lil ħadd. Kif dan ir-raġel neħħa l-pjanċa tal-landa li kienet tgħatti l-bokka tal-bir u tefa' l-barmil biex jimlih bl-ilma, il-ħabel waqagħlu minn idejh bil-barmil b'kollox. Persuna oħra li kienet miegħu għenitu jinżel fil-bir biex jiġbor il-ħabel u l-barmil, iżda kif niżel u pprova jsib il- ħabel minflok il-ħabel f 'wiċċ l-ilma ħass xi ħaġa stramba. Kif ipprova jneħħiha ġie f 'dubju jekk kinitx fdalijiet umani jew ta' xi annimal. Għall-ewwel dan ma tkellem xejn, iżda jidher li l-kuxjenza niggżitu u ħamest ijiem wara mar u għamel rapport f 'Għassa tal-Pulizija fejn qal lill-Pulizija b'dak li kien sab f 'dan il-bir. Il-Pulizija, kemm dawk tad-Distrett kif ukoll dawk mid-Dipartiment tal- Investigazzjonijiet Kriminali marru fuq il-post. Meta l-Pulizija bdew itellgħu dak li kien hemm fil-bir, l-ewwel ma nstab kienet parti minn qadd sa nofs il-koxxa li mill- ewwel dehru li kienu fdalijiet umani u mhux ta' xi annimal. Għaldaqstant l-operazzjoni twaqqfet u beda jitbattal il-bir mill-ilma li kien fond madwar 12-il pied. Biex sar dan issejħu l-Pulizija tat-Tifi tan-Nar li battlu l-bir kollu. Minħabba li l-bir kien kważi mimli din l-operazzjoni ħadet ħafna ħin tant li kien dalam sew. Il-ġimgħa d-dieħla Fit-tieni parti ta' dan il-qtil li se nippubblikaw nhar il-Ħadd li ġej, naraw kif is-sejba ta' fdalijiet umani kienet ingħatat prominenza fil-ġurnali. X'sistema ntużat biex l-esperti forensiċi ġabru l-evidenza kollha. X'instab fil-bir barra l-fdalijiet umani. X'qal eks-Spettur tal-Pulizija li 32 sena ilu kienu għadu Kuntistabbli fit-Taqsima tal-Forensika u fejn saru eżamijiet forensiċi barra minn Malta u aktar. Appell Għalkemm għaddew 32 sena minn dan l-omiċidju, xorta waħda qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001. Il-koppja Cauchi fil-ġurnata tat-tieġ Ritratti: Bibjoteka Nazzjonali Boroż mimlijin b'partijiet tal-ġisem imqatta' jittellgħu mill-bir mill-Pulizija tal-Forensika

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 22 June 2014