Illum previous editions

ILLUM 6 JULY 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/341810

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 35

Il-Ħadd 06 ta' Lulju 2014 | illum 11 L-ismijiet tal-lum JEAN PIERRE CASSAR jpcassar@mediatoday.com.mt LISMIJIET xejn komuni llum saru komuni, u m'għadhomx strambi daqskemm wieħed kien jaħseb qabel. Saret prassi normali li llum il-ġurnata t-tfal jiġu msemmija ismijiet oriġinali, fejn jaddottaw kunjom ta' xi ċelebrità bħala isem jew xi ismijiet ta' bliet u pajjiżi. Iżda dawn l-ismijiet huma tassew daqshekk strambi? Aħna nagħmlu għaġeb u donnha nitkażaw bihom? Jew huma vera ta' min jitkaża? Dan il-ġurnal iddeċieda li jagħmel kuntatt ma' seba' kapijiet u assistenti kapijiet ta' skejjel imxerrda ma' Malta u Għawdex fejn tkellmu mill-esperjenzi personali tagħhom. Dan il-ġurnal għażel li jżomm l-identità ta' dawn il-persuni anonimi minħabba kunfidenzjalità ta' każijiet li tkellmu dwarhom. Għalkemm il- każijiet fi skejjel differenti kienu diversi, l-opinjoni ġenerali tal-mexxejja tal-iskejjel kienet waħda simili. "Qed noħolqu għaġeb mix-xejn, illum il- ġurnata qed narawhom bħala ismijiet strambi u ta' barra minn hawn u għada pitgħada dawn ikunu ismijiet normali bħal tal-oħrajn" qal wieħed mill- kapijiet b'ċertu konvinzjoni. Tgħid għandu raġun? Fil-passat kellna ismijiet bażiċi, Bibbliċi, imma maż-żmien kellna influss ta' ismijiet li ma konniex familjari magħhom iżda li llum indraw. X'jaħsbu l-kapijiet l-oħra tal-iskejjel dwar dan? Waħda mill-kapijiet qaltilna "Illum il-ġurnata l-istudenti tagħna jaċċettaw tfal ta' kulur differenti minn tagħhom, u ma tgħamillhomx differenza lanqas jekk l-istudenti sħabhom ikunu ta' twemmin differenti, aħseb u ara kemm se jaffetwahom l-isem. Naħseb din hija biss perċezzjoni tal- adulti li joħolqu għagħa għax għandna ismijiet kumplikati, mentri dawn jindraw mill-ewwel." Mistoqsija jekk dawn il-mexxejja tal-iskejjel kellhomx xi rapporti ta' nkejja jew bullying minħabba l-ismijiet tat- tfal, deher li fl-ewwel snin tas-sekondarja t-tfal jesperjenzaw iktar inkejja minn dawk fil-primarja. Iżda l-kapijiet insistew li din tieqaf wara ftit ġranet hekk kif l-isem jindara u jsir isem bħall-oħrajn. Kap ieħor saħaq li wara kollox it-tfal ma' kollox isibu biex jaqbdu, "meta konna żgħar aħna konna naqbdu ma' min kien kunjomu Formosa, għax tinstema' bħal 'mogħża' imma dawn huma affarijiet li jdumu jumejn u jgħaddu." "Dawn l-ismijiet strambi mhux ħa jkunu ta' problema għal ħaddieħor, iżda huma biss problema għalina li qed niġu introdotti għalihom. Ħafna drabi aħna l-għalliema nsibuha diffiċli sakemm jitgħallmu l-pronunzja tal- isem, jew forsi għax aħna l-adulti nqabbluha ma' xi prodott iżda mill-banda l-oħra lit-tfal, s'issa, ma tikkawżalhomx problema. Persuna tkellmet mal- ILLUM, u qalet li fi skola kien hemm tifel li l-pronunzja ta' ismu kienet bħal "anus" iżda, l-iskola għażlet li ssejjaħlu Anis, biex tevita kummenti minn tal-madwar. Ismijiet oħra li ltaqgħu magħhom kienu Tneder, Redent bil-maqlub, u ammont kbir ta' kunjomijiet ta' ċelebritajiet minn kull qasam li ntużaw bħala ismijiet. Għalliema qalet lill- gazzetta ILLUM li din hija tradizzjoni li qed trabbi għeruq sodi fil- ġenerazzjoni kurrenti. "Huma ħafna t-tfajliet ta' età żgħira li jibdew jaħsbu x'se jsemmu lill-uliedhom u hi l-hena tagħhom li jsibu isem oriġinali u li ħadd qatt ma jkun sema' bih. Tkun l-għaxqa tagħhom jesperimentaw b'ittri differenti wara xulxin u jekk jgħoġobhom il-ħoss, jużawh bħala isem il-wild tagħhom. Wara kollox ikunu kburin li wliedhom għandhom isem li ħadd m'għandu bħalu fil-pajjiż u li jkollhom isem oriġinali." B'hekk dan il-ġurnal iddeċieda li jmur f 'ras il-għajn u jara eżatt x'jesperjenzaw tfal li jkun jisimhom stramb. Tfajla bl- isem ta' Zenobia tkellmet mal-gazzetta ILLUM fuq l-esperjenzi tagħha minħabba isimha. Zenobia ġiet imsemmija wara reġina tat-tielet seklu tal-Imperu Sirjan. Fl-1979 kien hemm ukoll vapur bl-isem ta' Zenobia iżda dan inqeleb u għereq fl-ewwel vjaġġ tiegħu. Zenobia qaltilna li sas-sena l-oħra Zenobia kienet l-unika tifla f 'Malta b'dan l-isem iżda jidher li din is-sena ma baqgħetx waħedha hekk kif persuna oħra fir- reġistru Malti għandha dan l-isem ukoll. Mistoqsija xi tkun ir-reazzjoni tan-nies li tiltaqa' magħhom l-ewwel darba u tgħidilhom isimha, Zenobia qalet li "l-ewwel reazzjoni hi li jibqgħu ċċassati lejja għax jaħsbu li ma fehmunix sew. Wara ftit żmien, ismi jispiċċaw jiftakruh ħafna iktar minn ta' ħaddieħor għax uniku u differenti." Mistoqsija jekk qattx irċeviet xi kummenti dispreġġjattivi dwar isimha, Zenobia wieġbet fin-negattiv anzi qalet li kienet tirċievi ammont ta' kumplimenti għall- oriġinalità ta' isimha. "Din hi biss perċezzjoni tal-adulti, għada pitgħada dawn l-ismijiet jindraw u jsiru ismijiet bħall-oħrajn" "Tkun l-hena tagħhom jesperimentaw b'ittri wara xulxin"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 JULY 2014