Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/341810
Il-Ħadd 06 ta' Lulju 2014 | illum 23 L-aħħar ħmistax tax-xahar ta' Ġunju qattajthom Cumbria, jew aħjar il-lake district tal-Ingilterra. Bla dubju l-isbaħ żona tal-Gran Brittanja. Hemmhekk iltqajt ma' grupp ta' studenti li kienu qed jagħmlu esperjenza universitarja ġewwa Ambleside waqt l-istudji tagħhom għal MBA fit-tmexxija u sostenibbiltà. Ġurnata minnhom ġejt mistieden nagħmel mixja magħhom fit- triq li kien jagħmel il-poeta nazzjonali Ingliż William Wordsworth, trejqiet b'xenarju spettakolari li kienu jnebbħuh biex jikteb l-isbaħ poeżiji li ħallielna bħala wirt letterarju dinji. Waqt din il-mixja kelli ċ-ċans inkellem diversi minnhom dwar ħajjithom. Dwar il-pajjiżi li ġejjin minnhom li aħna nqisuhom bħala tat-tielet dinja, li minn ħafna minnhom jaslu diversi klandestini fuq id-dgħajjes fil-gżira tagħna, pajjiżi b'kulturi differenti, bi lwien ta' ġilda differenti, iżda b'lewn ta' demm wieħed dak ħamrani bħal tiegħi u tiegħek. Stajt ninnota lil dawn it-talin li bħalna l-Ewropej jemmnu f 'futur sabiħ u mimli ħolm. Stajt nesperjenza 'feeling' mhux tas-soltu, fejn waqt din il-mixja kollha poemi ta' Wordsworth, filosofija minn kulturi differenti u mħuħ mill-aktar brillanti ta' mexxejja tal-futur ma kien hemm ebda differenza ħlief il-kulur tal-ġilda. Mhux soltu li l-gladjaturi tal-ġurnal ILLUM ikunu barranin, iżda tlabt lill- editur jagħtini ċ-ċans li għal darba niksru ftit ir-regoli u naqsam magħkom ftit mill-ideat ta' dawn it-talin. Ħalli nifhmu li anke fejn hemm kulur ta' ġilda differenti, kulturi differenti u politika differenti hemm xi ħaġa li tgħaqqad il-popli kollha. Il- moħħ edukat. Ilmaħt student maqtugħ għalih waħdu. Deher mistħi u mort fuqu u staqsejtu għaliex ma jintegrax ħafna mal-oħrajn. Mostefa Kassa mill-Eritrea qalli li hu jħobb joqgħod għalih waħdu iżda hu persuna li jinnota x'qed jiġri madwaru. Kif titkellem miegħu tinduna li hu persuna mill-aktar intelliġenti u jaf eżatt x'inhu jgħid. Sirt naf ukoll li hu jaħdem is-Sawdi Arabja u fl-istudju sab il- ħelsien minn pajjiżu. Tkellimt miegħu dwar il-poplu ta' pajjiżu li ħafna minnhom jaħarbu u jissugraw ħajjithom biex jaqsmu l-baħar lejn l-Ewropa u mbagħad jispiċċaw fi speċi ta' ħabs fl-Ewropa. "Għadkom ma tafux xi tfisser tgħix l-Eritrea. Hemmhekk kull żagħżugħ jinġabar biex jagħmel il-lieva bħala suldat. Suppost għal ftit snin iżda ma jitħalla qatt joħroġ mill-militar. Jitfgħuna naħdmu fil-minjieri u l-uniku ħlas ikun billi jitimgħuna. Nispiċċaw ngħixu biex naħdmu u nieklu biss, bla ebda futur. Hu għalhekk li kulħadd jara kif jista' jitlaq mill-pajjiż u għalxejn iżjed. Nista' nassigurak li kull ħabs fl-Ewropa hu ħafna aħjar mill- ħajja fl-Eritrea." Dak il-ħin ħsibt kemm il-darba neħodha kontra dawn il-klandestini li jiġu mill- Eritrea u kemm inkun nixtieq li ma jiġu qatt hawn. Iżda Mostefa ħallieni bla kliem. Wara lmaħt żagħżugħ twil, żagħżugħ sabiħ u mimli vitalità u b'karattru b'saħħtu fejn kulfejn kien beda jiddomina kull argument. Mort ħdejh u introduċejt ruħi miegħu. Karar Doomey hu mis-Somalja. Ukoll poplu msemmi għal ħarbiet tiegħu mill-pajjiż u għal pirateriji fuq il-bastimenti fejn ingħata pubbliċità kbira bil-film ferm popolari li kellu suċċess kbir 'Captain Philips'. Karar b'daħka sarkastika qalli, "That film is all American bullshit. Taħseb li l-pirati Somali daqshekk boloh u dilettanti meta jattakkaw tanker? F'dak il-film l-Amerikani riedu jirridikolawna mad-dinja. Ma naqbilx mal-pirati iżda ma naqbilx li niġu mogħtija dehra li aħna nies bla moħħ." Sirt naf li Karar bħalissa qed jgħix in-Norveġja iżda hu kandidat politiku għall-elezzjonijiet li jmiss fis-Somalja. "Bnejna partit żagħżugħ, b'ideat liberali. Pajjiżna hu sinjur imma mmexxi min-nies inkapaċi u korrotti. Qed naħdmu bis-sħiħ biex nirbħu l-elezzjonijiet li ġejjin dalwaqt u nibnu pajjiż li l-poplu tagħna jkun jrid jgħix fih. Irridu li l-poplu tagħna jirritorna f 'pajjiżu u mhux jitlaq. Għandna pajjiż sinjur jekk inkunu kapaċi nħaddmuh sew. U dan hu t-tir tiegħi u tal-partit liberali tagħna li noħolqu pajjiż ġdid bil-poplu tagħna jgħix komdu." Hawn stajt nara żagħżugħ mimli ħolm li flok jeqred għall-għajnuna mill-Punent irid jagħmel dak li ħaddieħor ma rnexxilux jagħmel. Il-partner tiegħi, Daniela, li kienet waħda mill-istudenti għamlet ħabiba ma' Wendy Mills, mill-Bahamas u għalhekk ma kinitx diffiċli li nitkellem ma' din it-tfajla ferm ħelwa u simpatika. Wendy qaltli li hi miżżewġa Irlandiż u hi omm ta' żewġ ulied. Qed tistudja biex tkabbar l-intelliġenza tagħha għax trid tkun waħda li tagħmel differenza fil- gżejjer fejn tgħix fejn jgħixu bejn wieħed u ieħor daqs kemm għandna popolazzjoni f 'Malta. "Aħna pajjiż li ma nipproduċu assolutament xejn. L-ebda tip ta' ikel. Kollox irridu nġibu minn pajjiżi oħra u dan jagħmel il-poplu fqir għax kollox hu impurtat. Dan kollu qed jiġri għax il-poplu tal-Bahamas hu injorant, nieqes mill-edukazzjoni u nispera li jien u oħrajn bħali nistgħu nagħmlu d-differenza f 'pajjiżna billi nedukaw lill- uliedna biex ikollna futur sabiħ." Stajt ninnota li f 'dawn il-pajjiżi jidher li fl-aħħar hemm persuni intelliġenti li qed jibdew jindunaw li l-uniku mod kif jitnaqqas il-faqar mill-pajjiż, mhux bil-karità mill-Punent, iżda billi l-poplu jiġi edukat. Tkellimt ukoll fit-tul ma' Mr Kushasa, negozjant mill- Afrika t'Isfel li jgħix il-Kenja. Dan il-persuna hu intiż ħafna fil-politika Afrikana u l-mod kif jitkellem tinduna li biex titkellem fuq l-Afrika wieħed irid jgħix l-Afrika, wieħed irid ikun gladjatur f 'dan il-pajjiż nieqes ferm mill-edukazzjoni. Mr Kushasa li kien qed jakkumpanja lil martu Valerie li hi studenta għal dan il-Masters Degree urieni li mhux dak kollu li naqraw jew naraw fil-films hu r-realtà Afrikana. "Nibda biex inkun kontroversjali meta ngħidlek li l-Punent jgħolli lil Nelson Mandela u jagħmlu eroj tagħna s-suwed. Iżda l-verità hi li hu għamel l-Afrika t'Isfel aktar komda għal bojod. Kien immexxi minn mentalità bajda u għas-suwed fl-Afrika ma għamel xejn wara li nħeles mill- ħabs. Is-suwed baqgħu jgħixu fil-faqar u fil-ghettos. "Barra hekk ma naqbilx li l-Afrika għandha tibqa' tgħix bil-karità mill-Punent. Għalxejn l-Punent jibgħat il-flus jew inkella jagħtina teknoloġija biex il-poplu Afrikan jgħix aħjar. Għax jekk il-poplu Afrikan ma jafx juża l-għodda li jingħata ma jiswa għalxejn. Il-poplu Afrikan għandu bżonn jiġi mgħallem juża t-teknoloġija moderna biex isib saqajh u ma jkunx aktar ta' piż fuq id-dinja tal-Punent." Mr Kushasa qalli wkoll li hu qatt ma qabel mal-missjunarji li jmorru jitimgħu u jieħdu ħsieb it-tfal Afrikani li biex jagħmlu dan iridu jbiegħulhom ir-reliġjon tagħhom, "Aħna għandna kultura tagħna. U ma jfissirx għax hi differenti minn tal-abjad allura mhix tajba. Għax l-aktar li jweġġagħni hu li l-abjad jaċċettana bħala intelliġenti jekk naqblu mal- mod kif jaħseb hu, jekk ma naqblux allura aħna injoranti." Dan mhux kliem razzista ħbieb għax nista' ngħidilkom li dawn kollha kienu nies mhux biss intelliġenti iżda mill- aktar simpatiċi u jafu jidħku, jiċċaċraw u anke jixorbu xi grokk whisky. Kienu biss qed jaqsmu l-ħsibijiet u l-filosofija tagħhom ta' kif iħarsu lejn l-abjad u kif l-abjad iħares lejhom in ġenerali. Persunaġġ ieħor li wieħed ma setax ma jinnutax kien Wiseman Pumele minn Namibia, negozjant sinjur li fakkarni ħafna f 'dawk l-Afrikani li normalment jieħdu r-riedni f 'idejhom. Tant li Wiseman li jixbah ferm l-istatura ta' Mugabe kien persuna li kapaċi jieħu f 'idejh il-grupp kollu u jirbaħ il-popolarità kollha billi jħallas ix-xorb lil kulħadd u jiddomina. Dan qalli hekk, "fl-Afrika jeżistu ħafna tribujiet u ħafna drabi jkollok bżonn dittatur biex iżommhom magħqudin. Barra hekk anke l-kultura stess Afrikana taċċetta d-dittatorjat bħala gvern u meta jkun hemm demokrazija jkun hemm kaos sħiħ fil-pajjiż. Dan wieħed jista' jarah anke wara li spiċċa Ghaddafi mill-poter fil-Libja, kif il-Libja sparpaljaw." Tgħid quddiemi kelli xi dittatur tal-futur? Forsi ma naqbilx mal-mod kif jirraġuna iżda rrid nammetti li jien mhux Afrikan. Il-mod kif jirraġunaw u jħarsu lejn il-ħajja dawn il- persuni ferm differenti minna jgħallmuna li m'għandniex niġġeneralizzaw għax wara kollox id-differenza ta' bejna u bejnhom hi biss il-kulur tal-ġilda u l-kultura differenti. Il-bqija jridu bħalna jissieltu mal-ħajja u fejn jaqtgħu, demm aħmar joħroġ. Ilwien differenti b'demm l-istess kulur Gladjaturi tal-Ħajja John Busuttil jbusuttil@mediatoday.com.mt L-istudenti kollha, ta' kull kulur u twemmin, jisimgħu l-poeżiji ta' Wordsworth

