Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/341810
Il-Ħadd 06 ta' Lulju 2014 | illum 33 SPORTSillum Il-MESA talja ma' Federazzjoni Ewropea li torganizza sports għall-ħaddiema IXXAHAR ta' Ġunju 2014 kien xahar ferm importanti għall-Malta Employees Sports Association (MESA) hekk kif din l-għaqda, li torganizza attivitajiet sportivi għal dipartimenti u entitajiet tal-Gvern, saret uffiċjalment membru tal- European Federation for Company Sport (EFCS), li hija federazzjoni Ewropea li tilqa' fiha għaqdiet sportivi tal-ħaddiema minn 39 pajjiż Ewropew. Kien f 'Settembru 2013 illi, wara kuntatti li l-MESA kellha mal-EFCS, żar Malta s-Segretarju Ġenerali tal- istess EFCS, Musa Lami. Huwa kellu taħditiet ma' uffiċjali tal-MESA, li ħadu wkoll l-okkażjoni li jlaqqgħuh mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport, l-Onorevoli Stefan Buontempo. Il-laqgħa kienet wahda ferm kordjali u serviet biex il-MESA tagħmel talba uffiċjali sabiex issir membru tal-EFCS, liema talba ġiet approvata fil-bidu ta' din is-sena. Madankollu din l-approvazzjoni riedet tiġi ratifikata waqt il-Kungress li l-EFCS kellha torganizza nhar is-Sibt, 14 ta' Ġunju f 'Riccione, l-Italja. Delegazzjoni tal-MESA, iffurmata mill-President Mark Marlow, is-Segretarju Mario Saliba u t-Teżorier Kevin Mifsud, attendiet għal dan il-Kungress li fih l-affiljazzjoni tal-MESA ġiet ratifikata mid- delegati preżenti. Barra minn hekk, il-President tal-MESA Mark Marlow ġie nnominat għal membru fil-Kumitat Eżekuttiv tal-EFCS u fil- votazzjoni li saret kiseb voti biżżejjed biex jinħatar fil- kariga. Bla dubju din l-affiljazzjoni se tiftaħ orizzonti ġodda għall-MESA minħabba li l-EFCS, li twaqqfet fl-1962, torganizza ħafna attivitajiet sportivi, fosthom logħob magħrufa bħala l-European Company Sport Games li jiġu organizzati kull sentejn u li s-sena d-dieħla se jsiru appuntu f 'Riccione, l-Italja bejn it-3 u s-7 ta' Ġunju. Waqt dan il-logħob se jkun hemm 26 sport differenti organizzati, fosthom l-atletika, il-futbol, l-għawm, basketball, ċikliżmu, sparar, tennis u volleyball. Il-MESA bdiet il-ħidma tagħha b'mod immedjat sabiex tkun tista' tipparteċipa f 'dan l-avveniment, li għandu jservi ta' inċentiv għall-membri tagħha li jieħdu sehem fid- diversi dixxiplini sportivi li jiġu organizzati matul is-sena. Mark Marlow, Mario Saliba u Kevin Mifsud waqt il-Kungress li l-EFCS organiz- zat nhar is-Sibt 14 ta' Ġunju f 'Riccione, l-Italja Organizzata wirja tal-Arti Marzjali b'risq Puttinu Cares NHAR is-Sibt, 14 ta' Ġunju, Enshin Dojo Malta flimkien mal- Kunsill Lokali ta' Santa Luċija organizzaw attività filantropika fi Ġnien is- Serenità, wirja tal-Arti Marzjali b'risq Puttinu Cares. B'kollox ħadu sehem seba' skejjel differenti tal-Arti Marzjali li kienu: Ninpo minn Enshin Dojo Malta, Tai Chi mill-Malta Yang Family, Aikijitsu mit- Takeda Ryu Moroto Ha, Judo mix-Shirojudokkwai, Kendo mill-Malta Kendo Federation, Hung Gar miċ- Chinese Kung Fu Malta u Wing Tzun mill-EBMAS Malta. Kull Arti Marzjali kellha tagħmel wirja ta' 30 minuta fejn fiha kull skola spjegat u wriet l-istili tagħha. L-interess beda meta Mark Desira, wieħed mill- għalliema ta' Enshin Dojo Malta, ħass il-ħtieġa li jqanqal iżjed l-interess u juri l-importanza tal-Arti Marzjali Tradizzjonali ġewwa Malta. Huwa saħaq ma' dan il-ġurnal li: "Sfortunatament hawn Malta l-Arti Marzjali li huma tradizzjonali, huma miżinterpretati" jgħid Mark. "Dan għaliex il-Malti, minħabba l-kultura tal- Punent li ġiet influwenzata mill-films, meta tinstema' l-kelma 'Martial Arts', wieħed jaħseb biss kif tiġġieled meta fil-verità l-iskop ewlieni ta' dawn l-arti huwa propju li tinżamm il-paċi u l-ordni. In-nies tal-qedem ivvintaw dawn is-sistemi sabiex iżommu l-ordni u jħarsu l-kultura tal-poplu minn nies li riedu jattakkaw it-territorju jew villaġġi tagħhom. Biżżejjed wieħed iħares lejn il-pajjiżi ta' minn fejn ħarġu dawn l-arti marzjali u wieħed jista' jinnota kemm in-nies ta' dawn il-pajjiżi huma nies ta' kultura u dixxiplina kbira." Mark sostna wkoll li mhux kemm wieħed jaf jiġġieled biss hu dak li jagħmel artist marzjali tajjeb, iżda l-mentalità tal-individwu wkoll għandha rwol kruċjali f 'dan ir-rigward. "Spiss insibu li min jipprattika xi tip ta' arti marzjali fejn ma jifhimx din il-mentalità essenzjali imma għall- individwu jkun biżżejjed li jilbes l-ingwanti u jiġġieled. Din hija ħasra għax hemm jintilef is-sens u l-iskop ewlieni tal-arti marzjali u tkun qed issir ħsara kemm lejn il-persuna li tipprattika kif ukoll lejn l-arti marzjali nnifisha." Huwa spjega li fl-arti tiegħu u oħrajn bħalu wieħed mhux biss jitgħallem jiddefendi lilu nnifsu u jtejjeb is-saħħa fiżika tiegħu, imma wieħed ukoll jitgħallem sabiex iħares u jirrispetta valuri bħal dmir, kuraġġ, benevolenza, rispett, onestà, unur u lealtà normalment imsejħa minn nies tal-orjent bħala Bu li nsibuha fi kliem relatati ma' arti marzjali bħal bushido, budo, bugei eċċ. F'dan l-avveniment Mark u l-għalliema l-oħra li ħadu sehem, spjegaw l-importanza u s-sbuħija tal-arti marzjali filwaqt li użaw il-benevolenza sabiex jgħinu lin-nies ta' Puttinu Cares, fejn f 'ħin qasir ta' erba' sigħat, inġabru madwar €318 u hemm il-ħsieb li 'l quddiem dan l-avveniment jerġa' jsir fuq skala ikbar b'aktar skejjel jieħdu s'hemm flimkien ma' funzjonijiet oħra varjati. Azzjoni mill-wirja tal-Arti Marzjali organizzata b'risq Puttinu Cares

