Illum previous editions

illum 13 July 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/345569

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 13 ta' Lulju 2014 | illum 19 D in il-ġimgħa erġajna kellna episodju ieħor tal- affaire Dalli bis-smiegħ pubbliku u trattazzjoni fil-kawża li John Dalli għamel lill-Kummissjoni Ewropea. Ma nafx eżattament x'episodju kien imma jidher li għadna 'l bogħod mit- tmiem ta' dan id-dramm verament uman. Jekk fhimt tajjeb, Dalli għamel din il-kawża sabiex il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni orali li kien ħa Josè Manuel Barroso, President tal-Kummissjoni Ewropea li jkeċċi lil Dalli minn kummissarju wara l-investigazzjoni tal-OLAF li saret fuq ilment ta' Swedish Match. Domt xi ftit ma fhimt l-iskop ta' din il-kawża. Dalli qed isostni li huwa tkeċċa minn Barroso u mhux irriżenja mentri Barroso qed jgħid (u ma' dan qed jaqblu uffiċjali oħra) li Dalli rriżenja minn jeddu. Imma kieku ma għamilx hekk, Barroso stqarr fil-Qorti li kien ikeċċih xorta. Intqal ukoll li Dalli kien qed jitlob li l-Qorti Ewropea tagħtih danni morali simboliċi ta' euro. Ma nafx kif ħarġet din l-aħbar għax ftit wara sirna nafu li Dalli kien qed ifittex kumpens ta' €1.9 miljun li hu naqra ta' qabża minn euro. Frankament, fuq il-pjan uman, nitħassru ħafna lil Dalli u jiddispjaċini ferm li spiċċa f 'din s-sitwazzjoni imma l-komportament tiegħu, anke fl-istqarrijiet pubbliċi riċenti tiegħu, m'huwa bl-ebda mod skużabbli. Jiddispjaċini wkoll bir-riperkussjonijiet li din l-affari qed ikollha f 'Malta, kemm fil- politika interna, kemm fl-operat tal-pulizija kif ukoll fir-rapporti mal-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, la Dalli ammetta li kellu żewġ laqgħat mhux uffiċjali ma' persuni involuti fl-industrija tat-tabakk meta kien qiegħed fil- proċess ferm sensittiv li jissorvelja l-abbozzar tad-direttiva l-ġdida dwar it-tabakk, il-pożizzjoni tiegħu bħala kummissarju ma baqgħetx tenibbli u kellu jwarrab. Dan huwa nuqqas serju li forsi aħna hawn Malta qajla napprezzaw imdorrijin kif aħna naħbtu ġol-ministri u nkellmuhom f 'xi tieġ jew fil-festa tar-raħal. Imma Dalli messu kien jaf li l-pożizzjoni ta' Kummissarju Ewropew b'salarju ta' €20,000 fix-xahar kienet tikkomporta osservanza ta' normi etiċi ferm aktar ogħla. Ċertament l-ispettaklu ta' Dalli bil-malja ħiereġ mill-pixxina ta' lukanda f 'Għawdex sabiex jiltaqa' ma' rappreżentant ta' Philip Morris, wara li ttieħed hemm mill-eks kanvasser tiegħu, ma għamlet xejn sabiex ittejjeb il-pożizzjoni ta' Dalli f 'għajnejn l-opinjoni pubblika. Paċenzja hawn Malta tkellem xi galoppin jew xi xufier sabiex jirranġalek appuntament mal- Ministru imma ċertament wieħed jistenna komportament aktar distakkat minn Kummissarju Ewropew. Ma jagħmilx sens li Dalli stqarr ma' Joanne Darmanin, il- kap tas-segretarjat privat tiegħu li huwa jiltaqa' ma' min ikun jixtieq jiltaqa' miegħu. Kull min hu f 'kariga pubblika jrid juri sens ogħla ta' dixxerniment u hemm mod u ħin kif Philip Morris jew Swedish Match setgħu jagħmlu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom. Il- fatt li huma għażlu metodi mhux tas- soltu għal tali skop bilfors iqajjem suspett dwar il-motiv ta' tali laqgħat u x'kienu qed jistennew mingħand Kummissarju Ewropew. Dalli jaf, jew messu kien jaf, li l-Kummissjoni Santer irriżenjat minħabba allegazzjonijiet persistenti ta' frodi, malamministrazzjoni u irregularitajiet speċjalment mill- Kummissarji Manuel Marin u Edith Cresson. Cresson, eks Prim Ministru Franċiż, ġiet akkużata wkoll b'nepotiżmu talli kienet ingaġġat lid-dentist personali u ħabib tagħha bħala "xjenzat." Spiċċat taffaċċja proċeduri kriminali f 'qorti fi Brussell li sabet li m'hemmx provi kontrieha kif ukoll proċeduri da parti tal- Kummissjoni Ewropea quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li ddeċidiet li Cresson naqset fl- obbligi tagħha ta' kummissarju imma ma neħħitilhiex il-pensjoni kif normalment tali nuqqas jikkomporta. Barroso wkoll għadda minn burraxka fl-ewwel jiem tal- mandat tiegħu bħala President tal-Kummissjoni. F'April 2005, il-gazzetta Ġermaniża Die Welt irrapportat li f 'Awwissu tas-sena ta' qabel jiġifieri ftit xhur qabel ma ħa l-inkarigu ta' President tal- Kummissjoni, Barroso u l-familja tiegħu kienu qattgħu ġimgħa fuq il-jott ta' biljonarju Grieg tal-vapuri, Spiro Latsis. Latsis u Barroso kienu ħbieb personali peress li kienu studjaw flimkien għoxrin sena qabel f 'Ġinevra. Madankollu, xahar wara din il-mawra fil-Mediterran, il-Kummissjoni approvat għajnuna statali ta' €10 miljuni lill-kumpanija ta' Latsis. Dan sar meta l-Kummissjoni kienet għadha mmexxija minn Prodi u mhux minn Barroso. Minkejja dan, Nigel Farage tal-UK Independence Party jikkonvinċi 75 parlamentari Ewropej oħra biex jippreżentaw mozzjoni ta' sfiduċja f 'Barroso, liema mozzjoni ftit sabet appoġġ. Barroso spiċċa wkoll għadda l-kwistjonijiet ta' kompetizzjoni li jinvolvu l-qasam marittimu li kienu spiċċaw f 'ħoġru wara li l-Kummissarju Nellie Kroes kienet irrikużat ruħha minħabba kunflitt t'interess lill-kummissarju ieħor. Il-kelb il-mismut kull ilma jaħsbu misħun jgħallimna l-qawl u wara dawn l-esperjenzi xejn sbieħ, anke mil-lat personali, wieħed ma jagħtix tort lil Barroso li jinkwieta dwar l-allegazzjonijiet li saru fir-rigward ta' Dalli u l-konklużjonijiet tar- rapport tal-OLAF. U kien fid-dmir li jaġixxi immedjatament għaliex kieku m'għamilx hekk, kien qed jirriskja li l-Kummissjoni tiegħu tispiċċa bl-istess mod li spiċċat il- Kummissjoni Santer li kellha tagħti r-riżenja kollettiva tagħha minħabba l-allegati nuqqasijiet ta' tnejn mill- kummissarji tagħha. Wieħed ma setax jiddefendi l-pożizzjoni ta' Dalli u r-riżenja tiegħu kienet inevitabbli. Meta Barroso ta lil Dalli l-għażla li jirriżenja, kien qed jagħmillu pjaċir għax b'hekk ma telfux il-pensjoni u l-benefiċċji l-oħra li jingħataw mat- tmiem tal-kariga ta' kummissarju li kien jitlef, kieku tkeċċa. Issa nafu li fir-rigward ta' Dalli għaddejja t-tieni investigazzjoni tal-OLAF, liema eżitu jista' appuntu jwassal għat-telf tal-pensjoni tad- deheb ta' eks kummissarju li l-ebda ċuċ ordinarju Malti ma joħlom li jkollu. Nittama li xi ħadd minn ħbiebu jikkonvinċih għal ġid tiegħu li jaddotta ateġġjament aktar kawt u jrażżan id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tiegħu. Ma nifhimx x'ġid se jsirlu billi jsostni li jekk Barroso jiġi Malta, għandu jiġi arrestat. Barra li nimmaġina li Barroso għandu l-immunità, wieħed ma jifhimx x'tista' tkun ir-raġuni għal tali arrest. Mhuwiex sew li qed tingħata l-immaġni li Malta hu xi pajjiż fejn ma tipprevaliex is-saltna tad-dritt imma l-liġi tal-ġungla. L-istess impressjoni qed tingħata jekk huwa minnu li Dalli bagħat messaġġ lill-kap tal-OLAF, Giovanni Kessler li hu wkoll jiġi arrestat jekk jixref fuq Malta. Ma narax għala Kessler, eks maġistrat ta' esperjenza li qatta' anke xi sentejn fil-prokura distrettwali anti-mafja tal-belt ftit ħelwa ta' Caltanissetta jivvinta allegazzjoni ta' dan it-tip. U lanqas mhu sabiħ li tisma' li t-tliet talbiet ta' kooperazzjoni li OLAF għamlet lill-pulizija Maltija dwar it-tieni investigazzjoni li għaddejja dwar Dalli ġew injorati. Wieħed jittama li l-kap il-ġdid tal-pulizija jaġixxi b'mod aktar professjonali u jikkoopera kif mitlub mil-liġi, la anqas u qas aktar. Kessler u l-operat tiegħu ġew spiss ikkritikati u ddemonizzati. Kien hemm xi deputati Ewropej li allegaw li OLAF operat illegalment, ġabret evidenza kontra l-liġi u talbu r-riżenja ta' Kessler. Xi kummentaturi jittrattaw dawn l-allegazzjonijiet bħala fatt imma dan m'huwiex il-każ. Deputat Ewropew m'għandu l-ebda dritt jasal għal tali konklużjoni u hija biss il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li għalija huwa soġġett dan l-organu Ewropew li għandu l-kompetenza jiddeċiedi jekk l-OLAF operax illegalment jew le. Tali deputati għandhom pjuttost jaraw jekk l-OLAF għandux bżonn aktar poteri sabiex jopera b'mod effikaċi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi li hija xi ħaġa serja fl-Ewropa. Insomma, din hija storja li ma tridx tmut. U l-protagonist tagħha qed jagħmel minn kollox biex tinżamm fiċ-ċentru tal-attenzjoni pubblika meta forsi kien ikun aktar għaqli li jaddotta atteġġjament aktar trankwill u jaħdem biex jirribatti l-allegazzjonijiet li saru kontrieh. Ikun xi jkun l-eżitu tal-kawża li nstemgħet din il-ġimgħa, xorta mhux se jiġi stabbilit definittivament jekk Dalli verament ħalliex li ssirlu influwenza mhux xierqa fil- kariga pubblika li kellu kif l-OLAF akkużatu li għamel. Għal dawk li jippruvaw jgħixu fuq paga jew pensjoni ta' €800 fix-xahar, imma mhux biss, jinteressahom jafu jekk dawk li qed jitħallsu l-belli liri sabiex jibqgħu 'l fuq minn kwalunkwe suspett verament baqgħux hekk. Sfortunatament, għadna 'l bogħod mill-verità kollha f 'din l-istorja xejn glorjuża imma nissuspetta li bħal kwalunkwe telenovela tas-sold u nofs, baqagħlna ħafna episodji oħra x'nixtarru. Twitter - @ellisjoseph Telenovela interminabbli JOE ELLIS Kellu pożizzjoni ta' Kummissarju Ewropew b'salarju ta' €20,000 fix-xahar

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 13 July 2014