Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/345569
20 illum | Il-Ħadd 13 ta' Lulju 2014 DAWN mhumiex żewġ politikanti, imma xogħolhom huwa politiku ħafna. Fil-Lussemburgu jgħix kittieb Malti li għal dawn l-aħħar ħames snin dar diversi pajjiżi biex jippreżenta proġett artistiku li minbarra li laqqgħu ma' artisti oħrajn minn diversi pajjiżi huwa appella biex dak li jkun jirridimensjona ħsiebu dwar il-kunċett ta' nazzjon u moviment liberu (u mhux daqstant liberu) ta' individwi minn pajjiżi differenti. Dan huwa Antoine Cassar, iben emigranti Maltin, kittieb li trabba f 'diversi pajjiżi, għex u ħadem f 'oħrajn u allura għandu sensittività partikolari għall-idea ta' nazzjon u r-realtajiet tal-konfini, il- fruntieri u l-istejjer tagħhom. Il-proġett li ilu għaddej bih ħames snin jismu Passaport, poeżija twila appuntu dwar is-suġġett tal-emigrazzjoni u l-moviment ħieles, tar-realtajiet politiċi u l-implikazzjonijiet tagħhom hekk kif il-globu jinqasam f 'partijiet distinti li, sfortunatament jispiċċaw, ħafna drabi, ostili għal xulxin jekk mhux ukoll għedewwa. Passaport huwa ktejjeb stampat f 'forma ta' passaport li aktar milli jiddefinixxi lill-qarrej bil-pajjiż jew bin-nazzjon fejn twieled, iħares lejn l-individwu bħala ċittadin planetarju; u minflok id-diskors patrijottiku li dejjem għandu l-għan li jiddiversifika, joħloq ieħor li jappella lill-qarrej biex jibda jemmen li hemm umanità aktar milli popli. L-anti- passaportiżmu ta' Cassar mhuwiex joħlom jew jistħajjel dinja bla popli jew dinja b'poplu uniku. Dak it-tip ta' stħajjil la huwa loġiku wisq inqas mixtieq; iżda tinħass, anzi tidher ċara x-xewqa li dawn il-popli, waqt li jżommu dak li huwa tagħhom, ikunu miftuħin għal dak li huwa ta' ħaddieħor, għal ħaddieħor, mingħajr ġerarkiji ta' popli kbar u żgħar, ta' popli puri u bastardjati; fejn, allura, it-taħlit mhux biss huwa permess imma wkoll iċċelebrat. Ispirat minn artiklu tlettax tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani Fundamentali kif stabbilita mill- Ġnus Magħquda, li jiddikkjara li kull bniedem għandu d-dritt għall-moviment ħieles u residenza f 'kull stat, il-proġett Passaport jitlaq mill-premessa li l-bniedem huwa entità libera u l-pjaneta kollha kemm hi hija daru. Aktar tard dan ix-xahar il-proġett Passaport, li twieled f 'Malta fl-2009 se jiġi ppreżentat f 'Sarajevo, belt li snin ilu kienet xempju ta' dak li dan il-proġett qiegħed jiċċelebra. Sfortunatament l-istorja ta' Sarajevo għamlet u-turn traġiku u, kif ktibt bħal- lum ġimgħa, ir-realtà attwali tal-belt m'għadhiex li kienet, anzi. Nistħajjel li f 'Sarajevo Passaport se jqajjem diskussjoni f 'dan ir-rigward, speċjalment waqt li l-udjenza, kif dejjem isir waqt il-preżentazzjoni, tintalab tonxor il-passaport jew il-karta tal-identità ma' ħabel li jkun hemm marbut ma' żewġ lasti. X'inhu eżattament dan il-ġest? X'qiegħed jissimbolizza? X'se jfisser għal nies li darba ġarrew passaport u f 'daqqa waħda sabu rwieħhom konfużi jġorru passaport ieħor li jiddistingwihom b'isem u nazzjonalità ġdida? Xi jfisser li ġġorr passaport li l-emblema tiegħu twieldet bit-tixrid tad- dmija? Passaport ifakkarni f 'diskursata li kelli snin ilu ma' kittieb Serb li kien mistieden għal attività artistika fis- Slovenja. Ta' għalih waħdu, iqabbad sigarett wara l-ieħor, dan is-Serb kien irrakkuntali li għaxar snin qabel, bħala Jugoslav, kien żar l-istess post jiddobba rikba wara l-oħra sakemm minn Belgrad spiċċa hemmhekk. Dakinhar li ltqajna, iżda, l-istess triq seta' jagħmilha biss billi applika għal visa biex jgħaddi mill-Kroazja u oħra biex jgħaddi lejn is-Slovenja, u ma' kull fruntiera wera l-passaport u ttimbrawhulu. Hannah Wilke kienet artista Amerikana li ppeżentat xogħolha b'mezzi differenti, minn pittura sa rappreżentazzjonijiet bil- vidjow. Matul il-karriera tagħha użat ġisimha bħala tila, bħala skultura, bħala suġġett għall- arti tagħha f 'liema forma setgħet kienet. Aktarx għax kienet mara sabiħa ħafna, kritiċi akkużawha b'narċissiżmu minħabba li ġisimha kien kważi dejjem is-suġġett tax-xogħol li kienet tippreżenta u, terġa', ħafna drabi ġisimha kienet turih mikxuf. Imqar il-kritiċi femministi kkonfondew kif jittrattaw ix-xogħol ta' Wilke, f 'dilemma jekk kinitx qiegħda tisfida r-reġimentazzjoni tal- ġisem femminili mill-ideoloġija maskilista, jew, għall-kuntrarju, kinitx qiegħda tissottometti lilha nfisha għal din l-ideoloġija billi tbigħ id-dehra sexy tagħha. L-aħħar xogħol tagħha, sensiela oħra ta' awtoritratti, dehret ftit xhur wara li Wilke mietet kmieni fl-1993. F'din is-sensiela Wilke terġa' turi lilha nfisha, għall-aħħar darba, mikxufa jew liebsa kostumi strambi, strambi fis-sens li ma kinux dawk li s-soltu tilbes: aktarx lożor ċelesti jew bojod li improvizzathom bħala lbies wara li kienu qegħdin jgħattulha ġisimha fi sptar ta' mard terminali. Il-ġisem attraenti ta' Wilke, sa dakinhar, kien sar wieħed marid minħabba l-marda tal-kanċer u kompla sfigura ruħu minħabba l-kimoterapija li kienet qiegħda tirċievi fil-ġlieda tagħha kontra l-marda li ħakmitha. M'għandniex xi ngħidu hemm differenza enormi bejn Wilke mikxufa fis-snin sebgħin, u Wilke mikxufa wkoll għoxrin sena wara; Wilke tippreżenta ġmielha u Wilke tippreżenta t-trawma. Intra-Venus, l-isem tal-aħħar proġett ta' Wilke, joħroġ fil- beraħ id-dokumentazzjoni ta' artista qiegħda tmut. Ir-ritratti huma grafiċi ħafna sal-punt li jiskomodaw lil min iħares lejhom. Imma tneħħi forsi wieħed minnhom, li fih Wilke tgeżwer liżar ċelesti ma' rasha donnha l-Madonna tad- Duluri, hemm assenza totali ta' sentimentaliżmu minkejja li dan huwa suġġett li, ikolli ngħid awtomatikament, iqajjem sentimenti kbar. Ftakart f 'Wilke minħabba l-ktieb ta' poeżiji li ħareġ ftit tal-ġimgħat ilu Glen Calleja, bit-titlu missellef b'mod brillanti minn 'Il-Kebbies tal-Fanali' ta' Anton Buttigieg, Kull Flgħaxija Kif mal-Għabex Tnin u Tmut Saħħet il-Jum. Calleja kiteb sensiela ta' poeżiji li ħarġu minn intervisti li għamel ma' persuni li mardu bil-kanċer. F'intervista li ta riċentement fil-gazzetta MaltaToday huwa jitkellem fuq l-esperjenzi tal-laqgħat tiegħu ma' dawn in-nies mingħajr ma jissentimentalizza r-raġuni għala qiegħed jikteb dwarhom. Il-ġabra mhijiex biss mixja qalb is-swali tal-isptarijiet jew deskrizzjoni grafika bħal dik ta' Wilke, imma wkoll leħen b'lingwa li hija eskluża mill- kalvarju tal-kanċer. Calleja jitkellem dwar il-ħtieġa ta' nies morda bil-kanċer u ta' dawk li jħobbuhom li jivverbalizzaw il-kundizzjoni tagħhom li, iżda, minħabba li d-diskors xjentifiku jsir b'lingwa oħra, jitilfu l-possibilità ta' din il-verbalizzazzjoni. Calleja huwa wkoll involut fi proġett ta' ħidma bil-poeżija ma' nies morda bil-kanċer u m'hemmx dubju li din l-esperjenza ssib ruħha fil-ktieb tiegħu. Minn lati differenti dawn huma żewġ proġetti kuraġġużi li għandhom sfida kbira quddiemhom. Id-dinja bla passaport, filwaqt li kienet teżisti xi darba, saret immaġinazzjoni diffiċli ħafna. F'dan il-mument meta qegħdin nibżgħu tant li pajjiżna se jerġgħu jinvaduh, li Malta mhijiex se tibqa' Maltija, meta hawn min qed jidħlilna fit- territorju tagħna bla mistieden u bla mistenni, il-passaport narawh bħala arma. U li l-poeżija, kelma li hija sinonima għall-ġmiel, tiġi assoċjata mal- kanċer hija mossa li qiegħda titlob minna li nħarsu lejn il-mard, lejn il-ġisem difettuż, lejn il-mewt b'mod li aktarx m'aħniex imdorrijin bih. IMMANUEL MIFSUD CASSAR U CALLEJA L-udjenza tintalab tonxor il-passaport jew il-karta tal-identità ma' ħabel li jkun hemm marbut ma' żewġ lasti