Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/380560
10 illum | Il-Ħadd 14 ta' Settembru 2014 Birra Għawdxija b'differenza JOHN BUSUT TIL illum@mediatoday.com.mt ŻAGĦŻUGĦ Taljan ta' 28 sena minn Novara, Samuele D'Imperio hu accountant u awditur, ħadem anke Sydney mad-ditta famuża Deloitte. Missieru għandu kumpanija ta' fiduċja, jew kif inhuma magħrufa aħjar, 'trust company' f 'Milan, iżda Samuele għażel triq oħra. Ried sfida ġdida u ddeċieda li jiftaħ birrerija f 'Għawdex. Birrerija b'differenza, birrerija li toffri birra ta' karattru, birra artiġġjanali li f 'Malta u Għawdex qatt ma kien hawn. Birra li tiswa d-doppju ta' birer oħra kummerċjali, iżda birra b'togħmiet differenti, birra mingħajr preservattivi u mingħajr ingredjenti artifiċjali. Għaliex birra u għaliex Għawdex? Minn meta kont tifel kont niġi Għawdex mal-ġenituri tiegħi li ilhom jiġu hawn 25 sena. Għawdex sirt inħobbu. Togħġobni l-kultura Għawdxija, l-ospitalità tagħhom u li għad baqa' l-valuri, barra li tħossok safe f 'din il-gżira. L-Italja tlifna dan kollu. Anke t-traffiku hawn f 'Għawdex bla problemi ta' xejn. Jekk tinqabad fi traffiku idum biss xi ftit minuti, filwaqt li l-Italja ddum sigħat sħaħ. Għalhekk Għawdex. Birra għax inħobb nixrob il-birra u missieri kompla jħeġġiġni biex nieħu bis-serjetà din l-isfida. Samuele ddeċieda li jinvesti miljun ewro f 'birrerija ta' kwalità għolja ħafna. Fil-fatt din il-birra ma tistax tqabbilha ma' birer li mdorrijin nixorbu. Għax hi birra ta' karattru bħall-inbid. Fil-fatt il-'master brewer' hu Andrea Bertola li hu Taljan b'esperjenzi kbar fi Franza, l-Ingilterra u anke l-Belġju fejn qatta' sentejn jagħmel il-birra mal-Benedittini. Samuele qal li mhux f 'kompetizzjoni ma' birreriji oħra Maltin, "iċ-Cisk hi birra tajba ħafna iżda hi birra industrijali. Tagħna mhux birra pasturizzata. L-uniku ħaġa li hemm l-istess hi biss l-isem għax tissejjaħ birra, il- bqija mhux l-istess. Il-birra tiegħi hi birra ħajja u fiha żewġ fermentazzjonijiet. Il- birra tiegħi tibqa' tiffermenta fil-flixkun għax it-tapp hu l-istess bħax-xampanja u jiswa 300 darba aktar minn tapp normali tal-birra industrijali. Il-birra tagħna ma ddumx aktar minn 18-il xahar għax hi fermentata naturali. Ir-ragħwa tagħha hi naturali u fit-tieni fermentazzjoni fil-flixkun tinħema ragħwa naturali miz-zokkor u mill-malt. Fil-fatt il-fliexken tagħna jitpoġġew bħal fliexken tax- xampanja mimdudin għal sebat ijiem qabel jitpoġġew fil-kaxxi tagħhom. Il-birra jisimha Lord Chambray. Għax ħames snin ilu l-familja ta' Samuele xtraw post fil- forti Chambray fejn jgħix flimkien ma' Valeria u għalhekk taha dan l-isem, Lord Chambray li fil-qosor wieħed jista' jsejħilha LC. Hemm tliet kwalitajiet ta' din il-birra: Il-Blue Lagoon li hi magħmulha fuq stil Belġjan bħalma jagħmlu l-patrijiet. Magħmulha minn xgħir, hops, larinġ qares, kosbor u ħafur. Il-Golden Bay ale stil Ingliż magħmula minn malt Belġjan u hops Ingliż u Amerikan. San Blas fuq stil ta' Pale Ale Amerikana. Il-proċess tagħha hi ta' hops niexef u jżidulu iżjed waqt li qed tiffermenta u ddum sebat ijiem tiffermenta. Din il-birra tal-aħħar l-aktar waħda li għoġbitni fejn it-togħma tagħha m'għandha x'taqsam xejn mal-birra industrijali. Fil-fatt din il-birra tinżel tajjeb mal- laħam mixwi, mal-ġobon matur, żebbuġ u salami. It-tliet ismijiet tal-birra huma tliet ismijiet ta' tliet bajjiet mit-tliet gżejjer li jiffurmaw Malta. Meta staqsejtu x'għandha Għawdxija l-birra, Samuele qalli li l-ilma hu Għawdxi u anke l-kosbor, il-bqija kollox ġej mill-Belġju, l-Ingilterra u l-Istati Uniti, bħal kull birra oħra għax iċ-ċereali li bihom ssir il-birra hawn Malta ma jeżistux. Il-produzzjoni tal-birra tieħu 12-il ġurnata fix-xahar u dawwarni mal-makkinarju ta' din il-fabbrika żgħira iżda nista' niggarantilkom li hi bellezza, fejn l-indafa u l-iġene huma prijorità. "Din ma tistax tqabbilha mal-birer l-oħra, din hi birra ta' karattru, bħall-inbid" Samuele d'Imperio ta' 28 sena, sid il-birrerija Il-birra Lord Chambray tinqasam fi Blue Lagoon, San Blas u Golden Bay Għawdex: Int djamant

