Illum previous editions

ILLUM 19 January 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1201980

Contents of this Issue

Navigation

Page 7 of 31

08 analiżi IL-ĦADD 19 TA' JANNAR 2020 • illum YENDRICK CIOFFI Minkejja li l-Prim Ministru Robert Abela, mhux jikkommetti ruħu li jkun introdott il-kunċett tal-living wage jew il-living income minflok il-mekkaniżmu tal-COLA, kemm l-Alleanza Kontra l-Faqar, Moviment Graffitti u anke ż-żewġ unjins ewlenin li jirrappreżentaw lill-ħaddiema saħqu mal-gazzetta ILLUM li se jibqgħu jaħdmu biex jikkonvinċu lill-Prim Ministru biex ibiddel il-fehma tiegħu. Ftit jiem wara li tħabbar il-Baġit, f 'Novembru li għadda, din il-gazzetta tkellmet kemm mal-Alleanza Kontra l-Faqar li qed tisħaq dwar l-introduzzjoni tal-living income u anke mal-Unjin Ħaddiema Magħqudin u mal-General Workers Union li qed jitkellmu fuq il- bżonn li ssir diskussjoni dwar ir-riga li biha tkun ikkalkulata ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, jiġifieri l-COLA u jekk wasalx iż-żmien li din tingħata l-ġenb u minflok ikun introdott il-kunċett tal-living wage jew income. Madanakollu, waqt il-programm Dissett ta' nhar l-Erbgħa li għadda, meta mistoqsi dwar jekk wasalx iż-żmien li jikkometti ruħu dwar l-introduzzjoni tal-living wage, il-Prim Ministru Abela wieġeb hekk: "Nixtieq inwieġbek iva; ħafna nixtieq inwieġbek iva; iżda ma nkunx realistiku." Abela qal biss li huwa kommess li jkompli jsaħħaħ il-pagi u l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin iżda saħaq li jekk jikkommetti ruħu fuq il-living wage ikun qed jikkommetti lilu nnifsu fuq xi ħaġa, li fi kliemu: "b'mod tanġibbli ma nistax nagħmilha. Ma tkunx sostenibbli." Kompla jisħaq li anke jekk 'il quddiem jista' jkun li l-kunċett ta' living wage jkun implimentat, għalissa jikkommetti ruħu biss li jimplimenta u jassigura li jkun hawn l-istess ħlas għall-istess xogħol. Dwar dawn il-kummenti, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' dawk li ilhom jinsistu li għandha ssir reviżjoni tal-mekkaniżmu tal-COLA jew saħansitra jingħata l-ġenb u jkunu introdotti mekkaniżmi ġodda. 'Diskors li jagħmel għajb għall-PM tax-xellug' kummenti tal-PM fuq il-living wage 'Nistiednu lill-PM il-ġdid jifhem kemm hu żbaljat' – Alleanza Kontra l-Faqar F'kummenti mal-gazzetta ILLUM, Matthew Borg, mill-Alleanza Kontra l-Faqar li qed tikkampanja favur l-introduzzjoni tal-living income (mhux wage) saħqet li ma tistax taqbel mal-Prim Ministru meta jgħid li dawn il-kunċetti mhux prattiċi u mhux sostenibbli. "Il-Living Income tista' tiġi kkalkulata xjentifikament u allura tista' tiġi applikata bil-għaqal u fit-tul ta' snin biex minflok xokk ikun hemm proċess gradwali ta' titjib fl-ekonomija," insista Borg. Kien għalhekk li wara dawn il-kummenti, l-Alleanza qed tappella lill-Prim Ministru biex ikun proattiv u "ma jagħlaqx il- bieb għat-triq li twassal biex l-ekonomija tissaħħaħ u timxi 'l quddiem billi kulħadd jimxi 'l quddiem." "Nistednuh ukoll biex iwarrab l-idea qadima li l-ħaddiem igawdi biss jekk igawdi min iħaddmu: it-trickle down ma ġabitx titjib reali fil-qagħda tal-vulnerabbli, la Malta u lanqas imkien, u nistednuh ifittex dwar it-trickle up economics," insista Borg. Kien hawn li kkritika l-ewwel diskors tiegħu bħala Mexxej Laburista meta Abela qal li se jassigura li n-negozji jagħmlu l-profitti imma biex jaħsbu fil-ħaddiema. Skont Borg, b'dan l-argument, Abela ta x'jiem li issa "m'għadhiex prerogattiva tal-Gvern xellugi li jieħu ħsieb il-ħaddiema, iżda tan-negozjanti. "Nistiednu lill-PM il-ġdid jiem kemm hu żbaljat dan l-argument. Il-qagħda tal- ħaddiem titjieb anke bil-politika tal-Gvern u mhux inħallu f 'idejn min iħaddmu biex jiddisponi kif jaqbillu," insista Borg. Fil-kummenti tiegħu mal-ILLUM, Matthew Borg insista li l-argument li bil-living income tbati l-ekonomija jew in-negozjanti ma jreġix, għax fi kliemu, l-ekonomija ma timxix biss bil-profitti u l-investiment tan-negozjanti, iżda anke bil- konsum tal-individwi. "Bħalissa hemm 80,000 persuna fir-riskju tal-faqar u elf oħra fil-faqar: kieku dawn ikollhom dħul biżżejjed ikunu jistgħu jidħlu fir-rota ekonomika u jikkontribwixxu. Is-sitwazzjoni preżenti hi inġusta u diskriminatorja: ekonomija li tistrieħ biss fuq in-negozji - il-ħaddiem u l-individwu dejjem of second class," kompla Borg. "Dan huwa diskors li jagħmel għajb għal PM tax- xellug." Saħaq li wasal iż-żmien li l-pajjiż jagħti valur għas-surplus ekonomiku li għandna. "Jekk mhuwiex il-waqt li niddiskutu l-living income issa li hemm is-surplus, meta meta huwa l-waqt, meta jkollna defiċit?" staqsa Borg. "Nagħtu valur lis-surplus ekonomiku billi ninvestu f 'min hu vulnerabbli." "Living Income tnaqqas l-inugwaljanza bejn min jaqlagħha u jgħix ħażin xorta waħda u min jaqlagħha u jgħix komdu. It-tnaqqis tal-inugwaljanza jħejjilek it- triq għal aktar effiċjenza u produttività fl- ekonomija ... ejjew ma nibqgħux naħsbu fuq kif se ntejbu l-qagħda tal-ħaddiem billi naħsbu l-ewwel u esklussivament f 'min jimpjegah," tenna. Temm jisħaq u jappella biex il-Prim Ministru jinfetaħ għad-diskussjoni dwar dan il-kunċett tant importanti. "Il-faqar trid tgħixu, u tirrealizza kemm trid toqgħod attent meta titkellem fuqu. Għax il-faqar għal xi wħud aħjar il-mewt minnu," temm Borg. 'Jekk l-ekonomija sejra tajjeb għaliex ma jistax ikollna dħul diċenti?' – Andre Callus Andre Callus f 'isem il-Moviment Graffitti, li bħall-Alleanza Kontra l-Faqar jaqblu mal-living income, insista li huwa dritt ta' kull persuna li jkollha dħul biex tgħix ħajja diċenti. "Jekk ma nilħqux dak l-għan inutli ngħidu li l-ekonomija sejra tajjeb," saħaq Callus. Kien hawn li saħaq li hija kontradizzjoni kbira li filwaqt li l-pajjiż jiftaħar b'ekonomija li sejra tajjeb, fl-istess waqt jgħid li ma jistax jassigura dħul diċenti għal kulħadd. "Mela allura l-ekonomija mhux sejra tajjeb daqs kemm qed ngħidu," saħaq Callus. Filwaqt li saħaq li jittama li l-Prim Ministru jbiddel il-fehma tiegħu dwar dan, insista li hemm proċess li jrid isir u l-Moviment Graffitti lest li jikkampanja favur il-living income u jżid l-għarfien dwar dan il-kunċett. "Nemmen li l-Prim Ministru se jkun miftuħ għad-diskussjoni," saħaq Callus. Callus, iżda, insista wkoll li hemm ħafna x'jista' jsir qabel l-introduzzjoni tal-living income, fosthom li togħla l-paga minima għax fi kliemu l-paga minima mhux vera għoliet taħt il-kabinett preċendenti. Insista li ntlaħaq biss qbil li wara sentejn taħdem fuq paga minima din togħla bi ftit. "Iżda l-paga li biha dħalt taħdem baqgħet baxxa," insista Callus. "Kif togħla l-paga minima awtomatikament jogħlew il-pagi baxxi wkoll." Madanakollu insista li togħla kemm togħla, din qatt ma tista' tlaħħaq il- living income u għalhekk appella biex id-diskussjoni dwar dan il-kunċett ma jiqafx.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 19 January 2020