Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1201980
12 intervista IL-ĦADD 19 TA' JANNAR 2020 • illum 'It-triq 'il quddiem għall-Partit Laburista ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Din kienet il-ġimgħa illi fiha l-Partit Laburista ra l-akbar bidla fih f 'aktar minn 10 snin. Bidla li ġiet f 'nofs kriżi politika li konna ilna sew ma naraw bħalha. Bidla li poġġiet fil-poter persuna li it immaġinaw illi se tkun Prim Ministru ta' Malta u bidla li rat nies jitilfu posthom, jirriżenjaw jew jieħdu promozzjonijiet. Fil-ħin eżatt li l-Gvern ħabbar ir-reshuffle tal-kabinett, din il-gazzetta bdiet intervista mal-President tal-Partit Laburista Daniel Josè Micallef. Micallef qatta', prattikament, nofs ħajtu fil-partit hekk kif ilu attiv 17-il sena. Hu kien beda mill-fergħa taż-żgħażagħ ta' Ħad-Dingli, imbagħad daħal fil-Kumitat lokali tal-istess lokalità, tradizzjonalment b'maġġoranza Laburista u wara l-2008 sar President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL). Huwa dam f 'din il-kariga sal-2013, meta nħatar President tal-partit, kariga li għadu jokkupa sal-ġurnata tal-lum. 'Meta kont niltaqa' man-nies ma kinux jitkellmu qisu ma ġara xejn' Nibda billi nistaqsih jekk iħossx li l-PL tilifx l-awtorità morali tiegħu bħala Gvern, wara dak kollu li ġara u l-implikazzjonijiet kollha diretti lejn nies fil-Gvern, primarjament Keith Schembri. "Jiena naħseb li fil-mument li bdiet tiżviluppa dik is-sitwazzjoni, kont ninkwieta fuq l-awtorità morali tal-partit kieku dak li ġara ttieħed b'leġġerezza," jibda jispjega Micallef li jgħid illi, kuntrarjament għal dan - is-sentiment kien wieħed ta' inkwiet. "Meta kont qed niltaqa' man-nies ma kinux jitkellmu qisu ma ġara xejn jew li kollox sew għax is-sondaġġi qed jidhru sbieħ. Ma kienx dan is-sentiment, la fil- partit u lanqas barra," asserixxa. Huwa jgħid li l-partit għandu ħsieb komuni li jżommu magħqud u b'saħħtu u dan huwa li jaħdem biex imexxi lill-pajjiż 'il quddiem. Filwaqt li jgħid illi jissipjaċih li jkun hemm min imur kontra dan il-ħsieb komuni, ammetta wkoll li "kien hemm min ivvotalna u kien kritiku tagħna, kien hemm min ivvotalna u mar jipprotesta … b'umiltà rridu nkunu aħna li naħdmu biex dawk li jħossu illi l-partit naqashom, nikkonvinċuhom mill-ġdid," saħaq Micallef. 'Il-PL jista' jibqa' jattira n-nies, basta jkun onest' Il-gazzetta tistaqsih jekk iħossx li l-partit daħal f 'mentalità ta' assedju bil-biża' mill- kritika u mimli paranoja. Tfakkaru li kien hemm nies li weħħlu f 'dawk l-eks Nazzjonalisti li bdew jivvutaw lill-PL fl- aħħar snin, għall-problemi li sab ruħu fih il-partit u l-pajjiż. "Jista' jkun hemm dawk li għalihom din kienet l-ewwel reazzjoni," jammetti Micallef li jkompli jgħid iżda illi hu bħala President tal-partit f 'diskors li għamel f 'Raħal Ġdid wissa biex ħadd ma jħalli lil min idaħħal lill-partit fi sqaq jew "idendel il-karrotta tal-għira." Qed jirreferi għal xi ħadd partikolari? "Le. Ridt nindirizza l-fatt li t-triq 'il quddiem għall-Partit hija li jibqa' moviment. Dan il-partit għandu nies li ġew magħna fi żmien Alfred Sant, ħafna oħrajn meta Muscat sar Mexxej u oħrajn li ma vvotawlniex fl-2013, imma vvotawlna fl-2017." Hu qal li l-partit jista' jibqa' jattira nies u gruppi b'interessi kuntrastanti basta jkun onest. Kull min juri interess fil-PL għandu jingħata ċans Il-gazzetta tistaqsi iżda kemm jaħseb li se jdumu sostenibbli r-rebħiet li għamel il- Partit Laburista, hekk kif l-aspettattiva hija li issa dak id-distakk, anke jekk jibqa' kbir, jibda jonqos. Kemm se jdum hemm dak id-distakk? Sakemm il-PN ibiddel u jirriforma lilu nnifsu bis-serjetà? "Sta għalina dik. Jiena meta tkellimt fil- Kungress, tkellimt għal kulħadd mhux il- membri biss, għal kull min ivvota lill-Partit Laburista," qal Micallef. Huwa saħaq illi min iħares b'interess lejn il-partit għandu jingħata ċ-ċans li jagħti kontribut fil-PL mhux biss biex jappoġġja lill-istess partit imma wkoll biex hu jħajjar lil nies oħrajn jinvestu mill-enerġija tagħhom jew jappoġġjaw il-partit. 'La tajt u lanqas ridt nagħti appoġġ lil kandidat' Inti tajt l-appoġġ lil xi wieħed miż-żewġ kandidati? "Le u la ridt u lanqas stajt," jirrispondi l-President tal-PL kważi sorpriż li fil-fatt saritlu l-mistoqsija. "Jiena bħala President f 'dan il-mument ridt nara li l-proċess isir b'mod organizzat u b'dinjità. Ridt nara li l-affarijiet isiru b'mod trasparenti u ekwu. Huwa jgħid li hemm differenza bejn Ministru u President ta' partit u rrimarka illi kieku hu appoġġja naħa ma kinitx tirrenja l-fiduċja fil-proċess. 'Il-kandidati marru fuq kull programm possibbli' Qed issemmi l-proċess u l-gazzetta tirrimarka illi fid-dibattiti kien hemm kważi kontroll assolut u ordni biex ma jsirux dibattiti bejn iż-żewġ kontestanti, kuntrarjament għal dak li ġara f 'tiġrija simili fil-PN. Ma jaħsibx li din kienet deċiżjoni bla sens? Ma jaħsibx li allura l-proċess fil-PN kien aktar miuħ? Micallef ma jaqbel xejn ma' dan u jirrimarka illi l-PN mhux l-aħjar eżempju meta nitkellmu dwar elezzjonijiet għal Kap ta' partit. L-aħħar ġranet immarkaw bidliet kbar fil- Partit Laburista u fiċ-ċentru ta' din il-bidla kien hemm il-President tal-partit, politiku żagħżugħ magħġun fil-filososfija u t-twemmin ta' Moviment. L-ILLUM tiltaqa' ma' Daniel Josè Micallef u tistaqsih …