Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1201980
14 letteratura IL-ĦADD 19 TA' JANNAR 2020 • illum L-iħirsa bejn 'hawn' u 'hemm' Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Nabhan fid-dixxipulat ta' Darwish Ftakart ukoll fl-aħħar sitt snin – sitt annati mit-twal illi fihom Nabhan kien spiss preżenti fi ħsusi u fi ħsiebi minkejja li ma konna ltqajna kważi qatt. Ibda biex ma nistax naqrah jew imqar naħseb fih bla ma nitfakkar f 'poeta Palestinjan ieħor – Mahmoud Darwish. Ngħid għalija, tul dawk is-snin, Darwish kien sar punt ta' riferiment li baqa' jitfaċċa f 'bosta esperjenzi letterarji li għext hemm, fil-kontinent: it-tnedija f 'Ruma tat-traduzzjoni Taljana tal-ewwel edizzjoni ta' Passaport ta' Antoine Cassar. Dakinhar inqrat silta minn poeżija tiegħu bħala sfond għal kulma kellu jsegwi. Il-bosta referenzi għal Darwish minn Nabhan f 'diversi intervisti li segwejt mill-bogħod, l-iżjed b'rabta mal-festivals letterarji annwali tal-Inizjamed. U fuq kollox, id-djalogi bla tmiem li kelli tul sena sħiħa mal- poetessa Franko-Sirjana Maram al-Masri – ċikonja Għarbija hija wkoll – rigward daka l-punt fejn hija stess, Nabhan u forsi wkoll jiena niltaqgħu ma' Darwish. Dan il-punt fis-sew ma jinsab imkien: la "hawn" u lanqas "hemm". Kull taħdita ma' al-Masri rigward is-Sirja, il-Palestina, Nabhan u Malta dejjem kienet taqa' fuq dan il- punt – jew aħjar stat psikoloġiku – li kien spjega tant tajjeb Darwish: "Jiena minn hemm. Jiena minn hawn. La ninsab hemm u lanqas hawn. Ismijiet għandi tnejn. Dawn jiltaqgħu u jinfirdu. Nitħaddet b'żewġ ilsna. Ninsa b'liema wieħed noħlom." Din hija l-qagħda dejjiema tal- eżiljat, tal-imtarraf, tat-turufnat. Tal-ħamiema bajda tas-Sirja. Taċ-ċikonji tal-Palestina. Tal- għasafar tal-bejt Maltin. Ta' min iħossu mbejjen għal darba tnejn. Ta' dawk illi bħal Nabhan forsi l-qatla tagħhom iwieġbu l-mistoqsija "mela minn fejn int?" – titlu ta' novella qasira, difatti, li tidher fil-ġabra Bejn Bejnejn. U tkun proprju l-qatla tagħhom għax ġaladarba twieldu hawnhekk fis-sew dawn huma minn "hawn", iżda mbagħad ġaladarba m'għadhomx hawnhekk għax marru hemmhekk fi lsien in-nies dawn ikunu saru ta' barra minn hawn – dawk ta' "hemm". U għaldaqstant qatt ma tkun ħaġa ċara mnejn dawn ġejjin u 'l fejn sejrin: la minn "hawn" u 'qas minn "hemm", u la 'l "hemm" u lanqas 'l "hawn". Għax dejjem xi mkien bejn hawnhekk u hemmhekk. U b'dana l-mawran u miġi kollu bejn "hawn" u "hemm" fil-menti tal-maħrub jistgħu jseħħu ħafna ġrajjiet li filfatt ma ġrawx, l-iżjed f 'moħħ xi ħadd li jħoss fih bis- sod l-istħajjil imqanqal tan- novellier. Barrani f 'artu, għarib f 'artna Fil-ġabra Bejn Bejnejn Nabhan ikompli jipprojetta lilu nnifsu bħala kittieb illi – sforz iċ- ċirkustanzi politiċi u kulturali – iħossu barrani f 'dik l-art li wellditu u għarib f 'dik l-art li laqgħetu. U għaldaqshekk f 'dina l-ġabra reġa' ħtieġlu jitrejjaq bit-tiiriet – xi wħud dubjużi – tal-bliet ta' hemm u ta' hawn u jistejqer bl-isħajjil – aktarx personali – tal-fatati. B'dawn l-iħirsa minn banda bħal ried iħassar it-tiiriet friski li jkidduh. U dan għax għandu mnejn bħall-poeta Sirjan Nizan Qabbani jemmen illi "l-iżjed marda mwiegħra tal-qalb hija l-memorja tajba". Għaldaqstant f 'din il-ġabra bħal donnu jinbidel f 'fatat biex jerġa' jżur – u did-darba b'tertuqa żvijjata li għandha kemxejn minn David Lynch – l-imsieraħ imsaħħra u l-inħawi stramani t'Amman u tar-raħal preistoriku ta' Ħerbet in-Natūr (il-Ħerba tal-Ħares). Bħal Alfred Sant, minn xi daqqiet isawwar ukoll karattri bizzarri huwa u jinseġ rakkonti veru simili bi żvolti erratiċi. Saħansitra jmur lura f 'Malta tal-Gran Mastru Ximenes, bħal xi ħadd illi saħansitra sar iħoss – bħat-tfajjel bix-xewka f 'ġenbu ta' Pete Wentz – ċerta nostalġija anke għal ilwiek li fis-sew qatt ma żar jew għal qlub li qatt ma ħabb. Għaldaqshekk b'dawn l-iħirsa Nabhan isib kenn fl-enigmatiku – sewwasew fil-fatati ta' ġrajjiet iwerrċu – bħalkieku s-serħan mid-dikotomiji ta' "hawn" u "hemm" ma jsibu mkien għajr f 'dawn l-iħirsa. "Meta nħarsu 'l fuq fil-mhux magħruf kollha