Illum previous editions

ILLUM 19 January 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1201980

Contents of this Issue

Navigation

Page 28 of 31

29 sport illum • IL-ĦADD 19 ta' Jannar 2020 'Il-ħolma tiegħi dejjem tibqa' illi nirrappreżenta lil Malta f'kompetizzjoni sportiva mat-tim nazzjonali' Ryan Spiteri - triatleta ewlieni f'pajjiżna li għandu l-għan ewlieni li jirrapreżenta lil pajjiżna f'dan l-isport li tant iħobb mat- tim nazzjonali f'kompetizzjoni uffiċjali CRISTIAN ANTONY MUSCAT Kif tħajjart tibda t-triathlon? Bdejt minn xi sport ieħor? Qabel bdejt il-multisport kont għamilt numru ta' snin nilgħab ir-rugby tant li kont wasalt anke sabiex nintgħażel mill-kowċ nazzjonali Damian Neill sabiex inkun parti mill-Malta Select Team, li kien ikun grupp ta' plejers li jidhirlu li għandhom potenzjal sabiex jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali. Biss din il-ħolma spiċċat ħesrem minħabba li kont weġġajt irkoppti serjament waqt waħda mil-logħob lokali. Tant li meta ġejt operat irriżulta li kelli cruciate kompletament imċarrat. Kien hemm li ġejt affrontat b'deċiżjoni ferm diffiċli dak iż-żmien. It-tabib kien qalli li sabiex nerġa' nilgħab ir-rugby, irrid nerġa' nopera ruħi, u apparti li r-riabilitazzjoni kienet tinvolvi ħafna xhur, xorta ma kienx hemmx garanzija li tirnexxi. Biss imbagħad qalli li alternattivament nista' ma noperax ruħi u nżomm il-muskolatura ta' sieqi b'saħħitha u nevita attività fiżika li tinvolvi moviment laterali bħal mhu r-rugby u minflok nagħmel sport li jinvolvi moviment fid- dritt. Bħala eżempji semmieli l-għawm, ir- rota u l-ġiri. U kien hemm li jien iddeċidejt li nagħlaq il-kapitlu tar-rugby u nibda wieħed ġdid fit-triathlon u multisport. X'tinvolvi eżatt it-triathlon? It-triathlon huwa sport li jinvolvi tliet dixxiplini sportivi: l-għawm, iċ-ċikliżmu u l-ġiri illi kull atleta jrid jagħmel waħda wara l-oħra f 'dik l-ordni fl-inqas ħin possibbli. X'unuri prinċipali rbaħt fil-karriera tiegħek? It-tieni post fill-Mochika Multisport Series 2015 u fil-Corporate Team Relay fl-2016 bhala parti mit-tim Outdoor Living Malta; rebbieħ overall tall-Agones SFC Adventure Race fl-2015 u l-2016 flimkien ma' Justin Gauci u Ackerley Hili rispettivament, it-tielet post fil-kategorija waqt l-Ocean Lava 2016; rebbieħ fil- kategorija over 30 fil-Malta National Triathlon Championships tal-2017; it- tielet post fil-kategorija waqt l-Ocean Lava Malta (1.9km għawm / 90km rota / 21km ġiri) u l-ewwel fil-kategorija fi 2018 Spoleto Urban Trail (21km ġiri). Ilkoll nafu kemm it-triathlon huwa sport li fih trid tkun aġli immens. X'tikkummenta? Huwa veru speċjalment waqt il-fażi ta' transizzjoni bejn dixxiplina u oħra. Tant hu hekk, illi atleti jagħmlu anke taħriġ speċifiku fuq din il-parti tat-tellieqa sabiex it-transizzjoni jagħmluha fl-inqas ħin possibbli. Ġieli sofrejt xi injury f'dan l-isport? Iva. Darba sofrejt tailbone injury waqt waqgħa bir-rota. Sfortunatament, din ġrat fl-istess sena li kont eleġibbli li nikkompeti bħala National Over 30 Age Grouper, u tli iċ-ċans li nikkompeti fl-ETU European Championships ġewwa Glasgow fl-Iskozja fl-2018. Huwa minnu li dan l-isport jinvolvi ħafna injuries? Kull min jagħmel l-isport huwa suġġett għall-injuries. Biss min jitħarreġ bil- għaqal u jsegwi l-pariri ta' min ikollu iktar esperjanza (bħal kowċ pereżempju) u jkun jista' għall-inqas jevita injuries ikkawżati minn overtraining. X'sagrifiċċji u impenn jinvolvi dan l-isport? Minħabba l-fatt li jinkorpora tliet dixxiplini, ikollok tiddedika ħafna ħin sabiex titħarreġ f 'kull waħda minnhom. Fattur ieħor huwa wkoll illi mhuwiex sport irħis minħabba li l-ispejjeż huma tripli minħabba l-ammont ta' dixxiplini. Barra minn hekk, iktar ma tilħaq livell għoli dejjem trid tara kif tista' dejjem ikollok l-aħjar apparat u fejn tista' tagħmel upgrades bħal pereżempju fil-komponenti tar-rota. Rigward riżorsi biex titħarreġ dan l-isport hemm biżżejjed f'pajjiżna meta kkumparati ma' pajjiżi oħra? Minħabba l-fatt li ninsabu fuq gżira mhux daqshekk kbira, ninsabu daqsxejn limitati sabiex nitħarrġu bir-rota. Pereżempju m'għandniex meded twal ta' toroq jew inkella muntanji fejn kieku tagħmel ċertu tip ta' taħriġ li jiswik imbagħad għat- tlielaq. Mill-banda l-oħra nistgħu ngħidu li ċ-ċokon tagħna mbagħad jaħdem favurina sabiex ngħumu fil-baħar, għax dejjem nistgħu nagħżlu l-aħjar bajja fejn immorru ngħumu skont it-temp tal-ġurnata. Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f'dan l-isport li tant tħobb? Jien il-ħolma tiegħi dejjem tibqa' illi nirrappreżenta lil Malta f 'kompetizzjoni sportiva mat-tim nazzjonali. Fill-passat, kont kważi wasalt bir-rugby. Issa nittama li eventwalment inkun nista nagħmel dil- ħolma realtà bit-triathlon jew b'xi waħda mid-dixxiplini li nipprattika issa. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal jew żgħażagħ li qed jitħajru jagħmlu karriera f'dan l-isport tat-triathlon. Jien ngħidilhom jagħmlu kuraġġ u ma jaqtgħux qalbhom. Biss jekk se jidħlu għal dan l-isport biex jilħqu ċertu livell ta' kompetittività, iridu jkunu ppreparati li jagħmlu sagrifiċċji kbar, iżda s-sodisfazzjon u l-'feel good factor' li jagħtik, jagħmlu dawk is-sagrifiċċji kollha vallapena. Nixtieq nirringrazzja u nsellem lill-kowċ David Galea u sħabi ta' Team David kif ukoll l-isponsors tiegħi Dr. Juice (Malta), Mochika - Outdoor Life, Rosemont (Malta), HEAD Swimming by Subacqua Supplies & Services Ltd, PAPA's (Siġġiewi), MAYPOLE, Outdoor Living Malta - Teambuilding & Adventure u Can-Am powered by BRP Transport Malta.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 19 January 2020