Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1206945
06 analiżi IL-ĦADD 2 TA' FRAR 2020 • illum Bejn in-nar u ilma hija l-ekwivalenti ta' 'between a rock and a hard place' bl-Ingliż u tiddenota deċiżjonijiet diffiċli li l-effett tagħhom dejjem ikollu n-negattiv. Nagħtu ħarsa lejn id- deċiżjonijiet ta' Abela illi ħallewh bejn in-nar u ilma ... ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Robert Abela issa ilu biżżejjed Prim Ministru u Mexxej Laburista biex jibdew jittieħdu l-ewwel konklużjonijiet dwaru u dwar id-direzzjoni illi fiha se jmur il- Gvern u l-Partit Laburista fiż-żmien li ġej, il-kwistjonijiet fejn se jkun b'saħħtu u s-sitwzzjonijiet fejn le. Il-Laburisti li vvutawlu għall-kontinwità ... L-akbar problema ta' Abela hija l-aspettattiva ta' żewġ estremitajiet, aspettattivi illi hu ma tantx għen bil- lingwaġġ li addotta waqt il-kampanja elettorali għal Mexxej Laburista ġdid. Dawn iż-żewġ estremitajiet huma magħmulin l-ewwel nett minn; ħafna votanti Laburisti u li tradizzjonalment dejjem ivvotaw lill-Partit Laburista. Hemm element fost dan is-settur ta' votanti illi, fl-aħħar mill-aħħar, għalihom ma sar xejn daqshekk ħażin taħt Muscat u li jemmnu illi l-bidla fit-tmexxija ma kinitx mixtieqa u kellha tkun biss, bidla fil-mexxej u ftit li xejn iktar. Ħafna jemmnu li dak li ġara kien xi forma ta' tradiment jew inkella frott kampanja ta' gideb mill-midja u l-PN. Għalhekk b'dan il-ħsieb, ħafna minn dan is-settur ta' votanti ppretenda li l-bidiliet ikunu minimi u l-kontinwità u l-legat ta' Muscat ikunu ggarantiti. Dan is-sentiment jeħtieġ ikun irrikonoxxut, anke jekk sa issa ma nafux eżatt kemm hu kbir jew żgħir. U tant jeżisti dan is-sentiment li waqt il- kampanja għal Mexxej ġdid Abela rikeb fuqu bi stqarrijiet irripetuti u ssottolineati dwar il-kontinwità. Fost dawn kien hemm tifħir lill-eks Kummissarju tal- Pulizija u stqarrija illi l-Kabinett kif kien taħt Muscat kien għamel tant suċċessi li kien ikun kontra l-interessi tal-istabbilità ta' pajjiżna kieku kellhom isiru tibdiliet, kif kien qed iwiegħed Chris Fearne. Biex jirkeb dan is-sentiment Abela, waqt Xarabank, saħansitra qal li hu mhux se jitlob apoloġija lill-familja Caruana Galizia, għax l-istat m'għamel xejn ħażin. Kif nafu issa, il-Kummissarju rriżenja, Neville Gafà tneħħa mill-ewwel minn postu, fl-għażla taċ-Chief of Staff ma kienx hemm kontinwità, il-kabinett inqala' mill-qiegħ u Abela għadda ordni biex il-fjuri u x-xemgħat għal Daphne Caruana Galizia ma jitneħħewx minn ħoġor il-monument tal-Assedju l-Kbir. Dawn id-deċiżjonijiet dejqu lil bosta votanti Laburisti għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett jinħass li Abela qed ikun wisq akkoljenti tax-xewqat tal-aktar nies li huma voċiferi kontra l-Gvern. It-tieni nett ma ngħatatx l-impressjoni li jekk ikun PM hu, Abela fil-fatt se jwettaq dawn il-bidliet. F'daqqa waħda allura dan is-settur ta' votanti Laburisti sab lilu nnifsu jipprova jiddefendi dak li kien kontrih (pereżempju t-tneħħija tal-Kummissarju u l-iżbarazzar tal-monument). Justyne Caruana u Konrad Mizzi It-twaqqif tal-kuntratti ta' Lou Bondi u Anton Attard taw xi ftit ta' soljev lil dan is-settur ta' votanti li ħadha xi ftit jew wisq ħażin ukoll li Justyne Caruana kienet imġiegħla tirriżenja minn Ministru. Wieħed minn dawk li wrew diżapprovazzjoni kien l-eks Ministru Laburista Għawdxi Lino Debono, pereżempju. Anke jekk fil-fatt ma tantx kellha għażla Caruana b'imbarazzament ta' dik il-kwalità minn żewġha, xorta din ir- riżenja ma tantx niżlet tajjeb ma' bosta. Konrad Mizzi min-naħa l-oħra kien imneżża' minn kull kariga li kellu, primarjament Ministeru u saħansitra kuntratti li kellu mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA). Mizzi kien wieħed mill-mazzriet tal- Gvern, bil-ftuħ ta' kumpaniji fil-Panama, il-kuntratt tal-Power Station u l-kuntratt mal-VGH, tliet kwistjonijiet b'xi mod interrelatati u li wasslu għall-kritika qawwija, lokalment u fil-fora Ewropej, kontra Gvern Laburista ta' Muscat. Naturalment it-twaqqif tal-kuntratt mal-MTA kienet reazzjoni għall-fatt li dan kien żvelat. Tajjeb jew ħażin, u hemm settur ta' Laburisti li probabbilment mhux żgħir lanqas, li jemmnu bis-sħiħ li kienet deċiżjoni tajba, l-imbuttatura 'l barra ta' Konrad Mizzi kienet interpretata mill- ġdid, minn bosta oħrajn, illi hija mossa li biha Abela 'paxxa' lin-Nazzjonalisti u rema Ministru "tajjeb". ... U l-moviment 'Daphne' Min-naħa l-oħra, b'aġenda li tista' titqies bħala l-antiteżi tal-votanti li għadna kif semmejna, hemm dawk kollha li jattendu l-protesti, viġili u li DEĊIŻJONIJIET GĦAQLIN IMMA LI QED IWEĠĠGĦU BEJN IN-NAR U L-ILMA