Illum previous editions

ILLUM 9 February 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1208898

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

20 rakkont Dawra bid-dgħajsa D onald ħares lejn il-ħajt abjad tal-kamra, għal mument mitluf fi ħsibijietu. Barra mit-tieqa ta' fejn kien qiegħed, kien hemm ambjent totalment differenti minn dak li kien qiegħed fih hu. Hemm barra. Fjuri sbieħ u kkuluriti kkultivati sew fi ġnien imdaqqas mimli siġar kbar u passaġġi sbieħ bejn ħitan baxxi tas-sejjieħ tradizzjonali Maltin. Reġa' semagħha tokrob bl-uġigħ. Dawwar ħarstu malajr lejn martu. L-isbaħ mara li qatt kien ra. Imma llum kienet qiegħda tbati. U hu ma xtaqx jaraha hekk. Il-majjistra u ż-żewġ infermiera kienu qegħdin iduru magħha qisha kienet xi vażun fraġli mkisser biċċiet, donnhom jippruvaw jinkullawh b'mod perfett. Ma idha l-leminija kellha dripp u kien ilha titgħawweġ bl-uġigħ fuq dik is-sodda għal dawn l-aħħar sitt sigħat. Taħt l-għajnejn sbieħ ċelesti li kellha, kienu tfaċċaw dwawar skuri kulur il-qalziet iswed li kellu fuqu hu. Kien ilu ħafna jipprova jagħmlilha kuraġġ. Idejha kienu qegħdin jagħfsu u jġebbdu fil-liżar abjad li kellha taħtha, wiċċha kien imħallat bejn għaraq iġelben ma' ħaddejha u l-ilma fietel li kienu qegħdin ixappulha bih l-infermiera. Saqajha kienu miuħin beraħ, stirati bl-uġigħ li donnu kien qed jiżdied fil-qilla tiegħu u kellha kollox għall- apert. "Antonia..." kien qed jgħid minn taħt l-ilsien, kważi b'karba monotona li ħadd ma kien qed jisma' jew jagħti kas. L-għajjat tal-uġigħ tagħha ma felħux aktar, donnu aktar ma kien qed jgħaddi ħin aktar kien qed jagħfas fuq il-vini ta' moħħu! Imma kienu qegħdin jieħdu ħsiebha! U ma kellux għalfejn jagħmel fratterija! Dak il-ħin, Donald reġa' ħares għall- miljun darba lejn l-arloġġ li kien hemm imdendel mal-ħajt faċċata. Kemm kienet ser iddum! U reġa' dawwar ħarstu lejha, jinkedd u jantiċipa dak il-mument li fih kellu jara lit- tarbija għall-ewwel darba. Kienet qiegħda żżomm żaqqha u tonfoħ 'il barra u 'l ġewwa. Kemm kienet sabiħa Antonia! Antonia tiegħu. Għalkemm dan l-aħħar, żaqqha kienet saret goffa wisq u ħaddejha kienu ntefħu xi it bit-tqala u donnha saħansitra anke l-kulur tal-ġilda tagħha kien aktar ruxxan, kulħadd kien jgħidilha kemm kienet mara sabiħa. U anke hu. Anke hu kien raġel twil, mibni, xagħru folt u jleqq. Par għajnejn ċari kulur il-baħar u wiċċ perfett li it kont issib bħalu. U ovvjament, peress illi kienu ilhom miżżewġin għal dawn l-aħħar sentejn, kienu ħasbu biex ikollhom tarbija. "Min jaf kemm ser tkun sabiħa t-tarbija! Sabiħa bħalkom it-tnejn!" kienu ta' spiss ilissnulhom in-nies. U ma tantx damet aktar. Ibnu Adam James twieled eżatt mat- tokki tat-tmienja ta' filgħaxija. U hekk malli rah għall-ewwel darba, Donald ħass għoqla tiela' fi griżmejh. Ibnu. Suppost kellu jkun ferħan. Suppost kellu jitbissem. Ibusu. Jgħannqu. Suppost... Ra wiċċ martu jinbidel hekk ukoll malli tefgħet għajnejha fuqu. Jiqras. Jiddarras. Dawk li kien hemm fil-kamra magħhom donnhom ippruvaw isabbruhom. Donnhom ippruvaw jifirħulhom. Donnhom... Imma Donald bilkemm felaħ iċaqlaq xuejh. Hekk. F'temp wieħed, ħass griżmejh jixxuttaw u rasu ddur bih. Dan. Dan kien ibnu. Ma kienx kif kien qed jimmaġinah. Kien ikrah. Iva, ikrah. Għajnejh żgħar żgħar kienu kważi deformati. Xuejh ma kinux kif suppost. Rasu ovali. U lanqas il-biki tiegħu ma kien wieħed ġust. U ħass li għal mument, Donald kellu jgħattilu wiċċu. Kien inħasad. Iva, kien inħasad mhux it. U hekk malli ħaduh id-dar, ma kienx hemm bżonn kliem bejniethom. Qatgħu l-festini. Ma baqgħu jistiednu lil ħadd id-dar. Antonia ma baqgħetx toħroġ aktar mill- bieb 'il barra. Allaħares kellu jarah xi ħadd! Ma ridux li xi ħadd jitfa' għajnejh fuqhom! Adam James ma kienx denju li jissejjaħ binhom. Ma kien jixbah lil ħadd minnhom! U ma kienx sabiħ! Le, ma kienx sabiħ bħalhom! U għaddew erba' snin. Erba' snin eżatt. Kienu ilhom jaħbuh hemm ġew f 'darhom minn meta twieled. Adam James qatt ma kien joħroġ barra mid-dar. Qatt ma kien jilgħab ma' tfal oħra. Qatt ma kienu jlibbsuh sabiħ. Qatt ma kien joħroġ barra fix-xemx. U aktar ma beda għaddej żmien, donnhom aktar bdew jarawh ikrah. "Illum għeluq sninek, Adam James..." qaltlu dakinhar ommu Antonia. U hu feraħ. Ħares lejn ommu u missieru. Kienu qegħdin jagħmlu xi ħobż u frott f 'ċestin żgħir tal-qasab. Kienu qegħdin ilibbsuh tibdila sabiħa! Kienu qegħdin jagħmlulu xagħru! Għajnejh bdew ileqqu! Kien qed jitbissem! Kien ser joħroġ barra għall-ewwel darba! U hekk malli daħlu bih fil-karozza, ħares lejn ommu b'mod eċċitat. "Fejn sejrin, ma?" staqsieha mis-sedil tan-naħa ta' wara tal-karozza ta' missieru. "Dawra bid-dgħajsa," weġbitu Antonia. U waslu fuq xtajta sabiħa. Ramel. Mewġ żgħir jilgħab max-xtajta. Kemm feraħ Adam James! Telgħu fuq id-dgħajsa tagħhom li kienet marbuta mal-moll fin-naħa tal-blat u ħarġu 'l barra. Adam James bilkemm ried jemmen lil għajnejh! Qatt ma kien ra dak il-ġmiel kollu! "Mamà, irrid nara l-mewġ!" qalilha Adam James, jersaq fuq il-pruwa ħalli jara l-baħar aħjar. U Antonia resqet warajh. Adam James ta daqqa t'għajn lejn ommu u ra għajnejha jixgħelu b'mod mhux normali. U dak il-ħin, Antonia ħarset lejn żewġha. U Donald għamlilha iva b'rasu. Ma kienx hemm bżonn kliem. Imbuttatu. Kemm tatu daqqa żgħira fuq dahru u ratu nieżel ġol-baħar. Ma tawx kasu jipprova jżomm fil-wiċċ. Lanqas baqgħu fil-post ħalli jisimgħu leħnu ċkejken jipprova jsejħilhom ħalli jsalvawh. "Ibni jinsab nieqes..." kienet infurmat lill- pulizija Antonia. Iżda liċ-ċkejken Adam James ħadd ma kien sabu. U donnhom kienu qegħdin aħjar mingħajru, għalkemm quddiem in-nies, kienu jagħmluha tal-vittmi. Għaddiet sena. "Donald," qalet Antonia lil żewġha dakinhar filgħaxija hekk kif kienu qegħdin għall-irdoss tal-fuklar. "Jiena tqila." U fil-verità, it-tnejn li huma beżgħu xi it. Issa jekk terġa' tkun tarbija kerha bħalma kien Adam James? Iżda oħroġ il-għaġeb, din id-darba kienet tarbija sabiħa. Tifla. Tifla l-ġmiel tagħha. Kemm kienet tixbahhom! Eżatt sabiħa bħalhom! "Trudy... insemmuha Trudy!" għajtet b'ħanġra daqsxiex Antonia, hekk malli rat il-ġmiel ta' tarbija quddiemha. U beda għaddej iż-żmien. Kullimkien kienu jeħduha magħhom! Ikliet! Festini! Kienu joħorġu biha! Juruha! U jieħdu gost ifissdu fiha! U dakinhar kienet ser tagħlaq l-erba' snin. "Immorru dawra bid-dgħajsa llum Trudy!" qaltilha dakinhar Antonia, vera eċċitata. Ġieli kienu jmorru jduru xi dawra bid- dgħajsa li kellhom. U marru x-xtajta. Telgħu fuq id-dgħajsa. Lil Trudy poġġewha quddiem nett ħalli tkun tista' tosserva l-ġmiel tan-natura. "Mamà, ejja waħda! Ejja ħdejja!" sejħet Trudy lil ommha hekk kif ħarġu 'l barra. Antonia marret ħdejn Trudy. Qabditha minn wara u flimkien bdew josservaw il-mewġ żgħir żgħir li kienet qiegħda tferraq id-dgħajsa. "Mamà, terġax twaddabbni l-baħar bħalma għamilt l-aħħar darba!" qaltilha Trudy. Antonia ħarset lejn bintha. Ħasset griżmejha jinxfu. Ħasset rasha ddur biha. Donald ra għajnejn Trudy donnhom ileqqu b'mod mhux normali. Telefonata. Pulizija. Instabet dgħajsa fuq wiċċ il-baħar. Vojta. Le, stenna. Kien hemm tifla fuqha. Waħedha. Ma kien hemm ħadd magħha. "Fejn huma l-ġenituri tiegħek?" staqsewha l-pulizija. Trudy ħarset lejhom u tbissmitilhom bil-mod. "Jien m'għandix ġenituri," weġbithom. "Ġejt dawra bid-dgħajsa. Waħdi." IL-ĦADD 9 TA' FRAR 2020 • illum Sharon Calleja

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 9 February 2020