Illum previous editions

ILLUM 5 April 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1231014

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 23

15 letteratura illum • IL-ĦADD 5 TA APRIL 2020 Din il-ġimgħa Kevin Saliba jpoġġi l-poeżija Déjà Vu tal-poeta Achille Mizzi fl-isfond tal-imxija COVID-19. Bħal rikkieb ta' billejl, jintasab fuq l-ispalel tal-ġganti Stoċji ta' Marku Awrelju u ta' Seneca – u b'mod speċjali min-nuċċali ta' Carl Jung – Saliba josserva mwaħħax lill-bnedmin kollha mwaħħdin f'Mizzi, bejn art u sema lkoll jitqatlu mal- allat, jimirħu fix-xgħari taż-żmien, minn Altamira sal-Golgota, mill-blast ta' Hiroxoma sa din l-imxija ta' żmienna. Iżda jżomm sod. Bħal Mizzi jtenni hawn ġa kont u dlonk jiggranfa mal-formula tal-amor fati skont Friedrich Nietzsche, minkejja l-ispettru tad-déjà vu, minkejja l-Mewt ta' Alla, minkejja kull Virus Eċċetera għalija ma nafx b'poeżija oħra li kapaċi takkomoda fiha din il-kelma pjuttost anti-poetika b'mod daqstant preċiż, tant li kważi kważi tinqara bħalkieku l-poeżija kollha kienet fis-sew maħluqa għaliha. Din mhix bilfors aħbar tajba, l-iżjed għalina llum fi żmienna. Forsi lil hinn ukoll mill-konxju tal-personalità empirika ta' Mizzi nnifsu, Déjà Vu donnu tisħaq iżjed fuq l-okkorrenzi tad- diżgrazzji milli fuq il-possibbiltajiet tal- glorji. Bħalma diġà aċċennajt qabel il- poeżija tipprojetta d-dijalettika tal-istorja – u allura għaldaqstant l-evoluzzjoni tagħna l-bnedmin bħala speċi – bħala "ċirku vizzjuż" illi, nagħmlu x'nagħmlu u jiġri x'jiġri, fl-aħħar mill-aħħar ser jerġa' jibqa' jagħtina sewwasew l-istess eżiti, inkluż dak li qegħdin ngħixu proprju llum fi żmien l-imxija tal-Virus Corona. Kwantu l-pandemiji, Albert Camus fir- rumanz tiegħu Il-Pesta wissiena bl-abjad fuq l-iswed li "l-mikrobu tal-pesta la qatt imut u lanqas jgħib fix-xejn. Jibqa' rieqed għexieren ta' snin fl-għamara u fil-ħwejjeġ. Jibqa' jistenna bil-paċenzja kollha fil-kmamar tas-sodda, fil-kantini, fis-sniedaq, fl-imkatar, fir-riżmi tal- karti. Għandu mnejn jasal jum meta – biex tagħti tagħlima jew majnata lill- bnedmin – il-pesta għad tqajjem lill- ġrieden tagħha mill-ġdid u tibgħathom imutu f 'xi belt hienja". Amor Fati Iżda "l-ħajja / wisq isbaħ mix-xejn", jgħidilna Achille Mizzi fil-poeżija Solitaire. U jekk dan huwa tabilħaqq minnu jenħtieġ nitħażżmu, qabelxejn billi nistħajlu 'l Sisifu qawwi u sħiħ. Il- fatt illi l-istorja tal-bniedem ilha tirrepeti ruħha minn żmien żemżem mhix skuża biex nagħtu ruħna b'mirbuħa mill-fitliet tax-xorti. Jekk niġu f 'dan, lanqas mhi skuża biex bilfors ninterpretaw din- nozzjoni reġgħana tar-ritorn dejjiemi bi spjegi deterministiċi u b'metafiżiċi mekkanistiċi. L-Istoċji jgħidulna li mhix ħaġa li nibqgħu ma nitgħallmu qatt xejn mill-imgħoddi. "Għax huwa dan illi jagħmilna nies ħżiena," kiteb Seneka żewġ ġenerazzjonijiet qabel Awrelju, forsi huwa u jara 'l Ruma taqbad. "Nirriflettu biss dwar dak illi nkunu biħsiebna nagħmlu, iżda safrattant il-pjanijiet illi jkollna għall-ġejjieni jitnisslu mill- imgħoddi." Il-battibekki bejn il-ħassieba rigward x'ried sewwasew jgħid Nietzsche meta invoka din l-idea "orribbli u paralizzanti" – dan "l-itqal piż" konċepibbli – it- teorija għadhom għaddejjin sal-lum. Żgur ser jibqgħu magħna saħansitra anke ferm wara li tkun instabet xi soluzzjoni aħħarija għal dil-kobba mħabbla tal- imxija tal-Virus Corona. F'dar-rigward anke Jung innifsu, f 'sensiela ta' seminars dwar Nietzsche li kien mexxa fit-tieni nofs tas-snin 30, kien stqarr illi jsibha iebsa jifhem għalkollox din-nozzjoni. Li nistgħu ngħidu fiż-żgur huwa li llum – difaċċ dal-ispettru tad-déjà vu li dal- aħħar ġie jżurna fis-sura ta' nikta traba qerrieda bir-rizzi – permezz tal-ktieb tiegħu L-Għarfien Ferrieħi Nietzsche għadu jfakkarna fil-formula tal-Amor Fati. Fis-sejħa li ngħidu nibqgħu ngħidu iva. Fit-tħeġġiġa biex anke llum xorta nkomplu naffermaw il-ħajja, kif kien għamel hu, sa ma ġġarraf f 'Turin, sal- Ecce Homo. Fl-Ecce Homo wkoll Nietzsche illum jibqa' jagħmlilna l-istedina li nfittxu nħaddnu dad-destin tagħna. Għadu jagħmlilna l-isfida li saħansitra nsiru nħobbuh. Għax ġa konna hawnhekk f 'dan "iċ-ċirku vizzjuż". U għax b'hekk biss nistgħu nistgħallu minnu. B'hekk biss nistgħu nisbqu lilu u lilna nfusna. B'hekk biss nistgħu nirkbu fuq riħu. B'hekk biss nistgħu nirduppjaw surtna. B'hekk biss nistgħu nvinċu. U b'hekk biss ikun ħaqqna l-eternità, minkejja l-Alla li ormaj ilna li qtilna, minkejja l-Virus Corona, minkejja l-ispettru tad-déjà vu, minkejja kull Virus Eċċetera. Jung Nietzsche

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 5 April 2020