Illum previous editions

ILLUM 3 May 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1243335

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

20 kultura IL-ĦADD 3 TA' MEJJU 2020 • illum 100 sena mill-ħruġ tar-Reskritt tal-Inkurunazzjoni tal-istatwa FABIAN MANGION L-istatwa ta' Marija Bambina kienet ilha li waslet fl-Isla sa mis-sena 1618, u l-poplu ta' sikwit kien jitlob quddiemha fil-kappella fejn jinżamm is- Sagrament. Meta nqala' xi għawġ, bħal terremoti, pesta, u nixfa, b'devozzjoni rrikorrew lejha. L-istess purċissjoni tat-8 ta' Settembru, għalkemm kienet ilha ssir sa mill-1685, mis- sena 1813, bdiet titqies bħala waħda votiva b'ringrazzjament talli l-Isla kienet inħelset mill- pesta. Iżda għalkemm din l-istatwa kellha qima ta' iżjed minn 300 sena, supplika għall- inkurunazzjoni qatt ma kienet saret. Din, fil-fatt, ma setgħetx issir fl-ewwel mijiet ta' snin. Ma kienx hawn id-drawwa li kwadri jew statwi jiġu nkurunati. F'Malta, id-drawwa bdiet fl-1881 meta saret l-inkurunazzjoni tal- kwadru tal-Madonna tal- Karmnu, fil-Belt Valletta, u kompliet bl-inkurunazzjoni tal-Madonna ta' San Luqa fil- Katidral tal-Imdina (1895), tal- Madonna tal-Mellieħa (1899), tal-Immakulata Kunċizzjoni ta' Bormla (1905) u tal-Madonna tal-Ħerba f 'Birkirkara (1910). F'Malta, qatt ma kien hawn statwa tal-Madonna li ġiet inkurunata. Ix-Xewqa tal-Inkurunazzjoni L-Arċisqof Dom Mawru Caruana OSB, sa mill-bidunett tal-wasla tiegħu f 'Malta fl-1915, beda jirċievi suppliki mill-Isla biex jinterċiedi għalihom ħalli l-Bambina tiġi nkurunata f 'isem il-Vatikan. Id-dinja kienet fi żmien ta' gwerra qalila; l-Ewwel Gwerra Dinjija (1914-1918). Għalhekk, kollox kien sospiż. Imma t-tama ħerqana baqgħet dejjem hemm għax Marija Bambina kellha kulma kienet titlob il-Knisja biex xbieha qaddisa tiġi nkurunata. Wara li għaddew is-snin diffiċli tal-gwerra, ħafna fl-Isla ixxennqu għal din l-inkurunazzjoni. L-Arċisqof Caruana, li hu nnifsu kellu fi tfulitu ħafna rabtiet mal-Isla, fil-31 ta' Marzu 1920, għamel rikors lill-Kapitlu tal-Vatikan, f 'isem il-Kapitlu u l-poplu nisrani tal-Isla. Ir-reskritt tal-inkurunazzjoni ħareġ fil-25 ta' April, 1920 u wasal Malta fis-7 ta' Mejju - 100 sena ilu. Malli n-nies tal- Isla saru jafu bir-reskritt, kull min kellu arblu fuq il-bejt talla' l-bandiera. Malajr ġie magħżul kumitat proviżorju. Fit-18 ta' Mejju, il- Kapitlu nnomina lill-Kanonku Dun Ġużepp Adami, Arċipriet tal-Isla, bħala President, lill- Mons. Franġisk Marengo bħala Viċi-President, lill-Kanonku Dun Ġużepp Spiteri bħala Segretarju, u lill-Kanonku Dun Salv Adami bħala kaxxier. Id- dmir ta' dawn kien li jlaqqgħu n-nies tal-Isla biex, minn fost il-kleru u l-lajċi, jintagħżel il- kumitat definittiv li jaħdem għall-inkurunazzjoni. Imma l-president tal-Kumitat Organizzattiv kellu jibqa' l-Arċipriet Adami. Billi t-tweġiba kienet ġiet minn Ruma fi żmien qasir, kulħadd baqa' mistagħġeb. Għalhekk wieħed jifhem dak li, fl-20 ta' Mejju, 1920, Mons. Manwel Vassallo, is-segretarju djoċesan, kiteb lill-Arċipriet: "Jiena bqajt mgħaġġeb kif din is-supplika intlaqgħet fi żmien daqshekk qasir, u rnexxiet kif ridnieha. Dan hu sinjal li l-Verġni Mbierka trid tħallas lin-nies tal-Isla għall-imħabba li juruha. Dan kollu jmur għall-glorja ta' Alla li lilha ried jagħżilha bħala Omm ta' Ibnu Ġesù. Viva Marija Bambina". Id-digriet jitħabbar fl-Isla Il-jum magħżul biex id-digriet jitħabbar solennement lis- Sengleani kien il-Ħadd, 23 ta' Mejju, 1920. Għall-okkażjoni, marru l-Isla l-Arċisqof Caruana u Mons. Manwel Vassallo. Wara nofs in- nhar, kif intemmet ir-reċita tal- kompieta, Mons. Vassallo tala' fuq il-pulptu, u qara id-digriet tal-inkurunazzjoni: Lill-Eċċ.mu u Rev.mu Don Mawru Caruana, Arċisqof ta' Rodi u Isqof ta' Malta, Sliem fil-Mulej Il-Kapitlu tagħna tal-Vatikan għandu s-setgħa u l-ġieħ li jinkuruna xbihat qaddisa ta' Marija, Omm Alla, meta dawn ikunu saru magħrufin ħafna kemm minħabba ż-żmien twil ta' qima kif ukoll għall-mirakli marbutin magħhom. Għal din ir-raġuni, ftit ilu, inti fissirt li, fil-knisja kolleġġjata u parrokkjali tal-belt tal-Isla, li hi fid-djoċesi tiegħek, hemm xbieha jew statwa magħrufa ħafna tal-Imbierka Verġni Marija Bambina, is-Sidt tagħna. Din l-Omm twajba taqla' bosta mirakli u grazzji lil dawk li b'ħerqa jitolbuha. Il-qima lejha hi qadima ħafna, u jfittxuha n-nies kollha ta' dik il- gżira. B'mod speċjali, il-ħarsien tagħha jintrabat mar-rebħa li l-insara kisbu f 'taqbida kontra t-Torok fis-7 ta' Settembru 1565, u wkoll għaliex ulied dik il-belt baqgħu bla ma ntlaqtu minn pesta li kienet xterdet fis-sena 1813. Għaldaqstant, imqanqal minn devozzjoni mimlija mħabba tassew speċjali, u b'rabta wkoll max-xewqa tar-Rev.mu Kapitlu u tal-kumplament tal-Kleru u l-poplu, bi ħrara kbira inti tlabtna li dik ix-xbieha maestuża tiżżejjen billi titqiegħed kuruna tad-deheb fuq rasha, kif soltu jagħmel il-Kapitlu tagħna għal xbihat mirakulużi ta' Omm Alla. Aħna, fejn tidħol din il- Verġni ta' qdusija kbira, dejjem għamilna ħilitna kollha biex jingħatalha l-ġieħ li jistħoqqilha. Dejjem tlabna biex il-ġnus kollha lilha juruha sinjali tal- qima li tixirqilha. Għalhekk, b'xewqa li nilqgħu s-supplika li saret, iltqajna fl- Awla Kapitulari fil-11 ta' April ta' din is-sena. F'dik is-supplika, inti semmejtilna kemm il-qima lejn dik ix-xbieha hi qadima u ktibtilna wkoll li hi magħrufa ħafna għall-mirakli u l-grazzji li nqalgħu. Aħna stħarriġna l-ewwelnett il-parir tar-Rev.mu Dun Ġużepp de Bisogno mill-Markezat De Casaluce, li hu d-Dekan tal- Kapitlu tagħna, u hu wera ruħu favorevoli. Aħna sibna li f 'dik ix-xbieha santissima jinstab kulma hu meħtieġ għall- inkurunazzjoni solenni. Għal din ir-raġuni, għall-glorja tat-Trinità wisq Qaddisa, sabiex jingħata ġieħ ieħor lill-Omm Alla, li lilha jissokta jżejjinha, unanimament niddeċiedu u nordnaw li dik l-istatwa wisq qaddisa tal-Imbierka Verġni Marija Bambina, f 'rit solenni, tiġi nkurunata billi titqegħdilha kuruna tad-deheb fuq rasha. Lilek, Eċċellenza Reverendissima, nagħtuk is- setgħa li tagħmel ir-rit tal- inkurunazzjoni ta' din l-istatwa. Inti nnifsek għażel il-ġurnata. Nagħtuk ukoll is-setgħa li tiddelega xi Isqof ieħor, jekk inti, għal xi raġuni, tkun impedit milli tagħmel dan ir-rit tal- inkurunazzjoni. Ħareġ minn Ruma fil-25 ta' April tas-sena tal-Mulej 1920, fis-sitt sena tal-Pontifikat tal- Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XV. Iffirmat: Giulio Malvezzi, mis- Segreterija, u Giuseppe Casciola, Kanċellier. Wara li qara d-digriet, Mons. Vassallo għamel diskors qasir fejn fisser kemm dik il-ġrajja kienet se tkun ta' ġieħ għall- poplu tal-Isla. Diskors ieħor, f 'isem il- Kapitlu, sar mill-Kan. Dun Ġwann De Domenico. Fil- preżenza tal-Kanonċi u l-Kleru lebsin l-abiti sagri, l-Arċisqof intona t-Te Deum bħala radd il-ħajr lil Alla, u mbagħad ta l-barka sagramentali. Wara l-funzjoni, sar marċ mat-toroq tal-Isla mill-banda Queen's Own fost entużjasmu u delirju ta' ferħ. Wara ftit xhur, ġiet iċċelebrata l-festa ta' Marija Bambina. Dik tal-1920 kienet waħda speċjali għaliex, minħabba ċirkustanzi diffiċli tal-gwerra, il-festa esterna kienet ilha ma ssir mill-1913. Preparazzjoni għall- Inkurunazzjoni Kien hemm bżonn ta' organizazzjoni liema bħala. Għaldaqstant, twaqqfu żewġ kumitati differenti: wieħed għall-festi ta' ġewwa u ieħor għal ta' barra. II-Kumitat għall-Festi ta' ġewwa kien iffurmat hekk: Arċipriet Adami (president), il- Kan. Primiċerju Dun Franġisk Marengo (viċi-president), l-Avukat Pawlu Borg Grech (segretarju), Franġisk Benedetti (assistent-segretarju), Ġużeppi Mifsud (kaxxier). Bħala deputati, kien hemm: il-Kan. Dekan Dun Salv Mousu, Kan. Dun Ġużepp Bonanno, Kan. Dun Salv Adami, Kan. Dun Ġużepp Spiteri, Kan. Dun Goffred Lubrano, Dun Franġisk Abela, Professur Dun Ġużepp Darmanin, Rafel Attard, Ġanni De Giovanni, Ġużeppi Caruana, u Stiefnu Sant'Angelo. II-Kumitat tal-festi ta' barra kien iffurmat hekk: Mons. Injazju Panzavecchia (president), il- periti Indri Vassallo, G. Milanes, G. Mallia, S. Ellul, u P. Borg Costanzi. Dawn iż-żewġ kumitati kienu l-moħħ ta' kollox. Il-Belt Senglea tipprepara biex tiċċelebra l-ewwel ċentinarju mill-Inkurunazzjoni Solenni tal-istatwa devota ta' Marija Bambina Il-kuruna tad-deheb u l-ħaġar prezzjuż li tqiegħdet fuq ras l-Bambina

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 3 May 2020