Illum previous editions

ILLUM 17 May 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1248297

Contents of this Issue

Navigation

Page 21 of 31

22 opinjoni IL-ĦADD 17 TA' MEJJU 2020 • illum Carmel Cacopardo L-ekoterapija: in-natura tista' tfejjaq Carmel Cacopardo hu ċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika I l-bniedem hu parti integrali mill-eko-sistema. Li jkun f 'kuntatt dirett mad-dinja naturali hi parti intrinsika mill-imġieba normali tiegħu. Hu għaldaqstant meħtieġ li nagħ- tu iktar attenzjoni lil kuntatti tagħna man-natura u dan, fost affarijiet oħra, biex nieħdu ħsieb saħħitna stess. In-natura hi bosta drabi nieqsa minn ħajjitna. Richard Louv, awtur u ġurnalista Amerikan, fil-ktieb tiegħu The Last Child in the Woods jitkellem dwar diżordni kkawżat min-nuqqas ta' kuntatt man-natura (Nature-Deficit Disorder) li fil-fehma tiegħu iwassal għal problema fl-imġieba ta' tfal li tilfu jew qatt ma żviluppaw il-kuntatt tagħhom man-natura. Sfortunatament, mhux biss it-tfal qegħdin f 'din is-sitwazzjoni. Hemm riskju kbir li aħna lkoll xi ftit jew wisq inkunu effettwati. Riċentement bosta qed jitkellmu dwar l-importanza li niżviluppaw ġonna fuq il-bjut tagħna b'mod li noħolqu spazji żgħar naturali fiż-żoni urbani. Din hi idea tajba u tagħmel il-ġid, imma għandu jkun ċar li mhiex sostitut għal kuntatt dirett u reali man-natura. Xi kultant din il-ħeġġa għal ġonna fuq il-bjut hi mod kif uħud jaħsbu li jistgħu jissodisfaw it-tniggiż tal-kuxjenza li żviluppat fil-konfront tal-ħerba fl-ambjent naturali u li qed tkompli tiżviluppa madwarna ħtija ta' l-hekk imsejjaħ żvilupp bla rażan. Hi ukoll reazzjoni ta' dawk li qed iħossu l-effett ta' nuqqas ta' kuntatt dirett mad-dinja naturali fuq tul ta' żmien. Il-kuntatt kontinwu tagħna man- natura hi ta' għajnuna kbira biex inħarsu saħħitna. Dan ifisser ukoll li min hu marid, b'mod partikolari jekk soġġett għal mard mentali, jista' jkun mgħejjun jikseb saħħtu lura permezz ta' kuntatt dirett man-natura: f 'numru ta'każi jista' jikseb fejqan b'mod naturali. Din hi l-ekoterapija. Birdlife Malta u l-Fondazzjoni Richmond, flimkien, daħlu f 'dan il-qasam madwar sentejn ilu. B'għotja ta' €17,000 mingħand il-Malta Social Impact Awards fasslu programm ta' ekoterapija li sejħulu Blooming Minds, intenzjonat biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' persuni bi problema ta' saħħa mentali. Żviluppaw programm impenjattiv li kien imsejjes fuq taħriġ fl-apert b'mod li jkun hemm użu tan- natura bħala għodda terrapewtika, kif ukoll bl-apprezzament tal-istess natura u tal-ġonna. Il-professjonisti inkarigati mill-programm identifikaw li dan wassal biex assista lil dawk li ipparteċipaw fi żvilupp ta' fiduċja ikbar fihom infushom kif ukoll sensazzjoni ta' kalma meta jkunu fil-kumpanija ta' natura li ssaħħrek. Waħda mill-professjonisti nkarigati mill-programm ikkummentat li dawk li ipparteċipaw fis-sessjonijiet ta' ekoterapija ħadu pjaċir bil- parteċipazzjoni tagħhom. Irrilassaw permezz ta' dan il-kuntatt tagħhom man-natura. L-ambjent naturali irnexxielu jħalli impatt pożittiv fuqhom. Imma l-fondi spiċċaw u dan il- programm ta' ekoterapija waqaf, għalissa. Qabel din l-inizjattiva ta' Birdlife u l-Fondazzjoni Richmond kien hemm inizjattivi simili kemm mill-għaqda ambjentali Friends of the Earth Malta f 'Villa Chelsea kif ukoll minn oħrajn. L-ekoterapija hi ta' benefiċċju għal kulħadd imma l-iktar għal dawk bi problema ta' mard mentali inkella li qegħdin f 'riskju ta' dan il- mard. L-ekoterapija toffri attenzjoni personalizzata, m'għandhiex impatti negattivi u tgħin lil dawk li jirċievuha jrabbu iktar fiduċja fihom infushom. Mhux biss it-tfal jeħtieġu li jkunu mħarsa milli jiżviluppaw sintomi kkawżati min-nuqqas ta' kuntatt man- natura. Ilkoll kemm aħna qed inqattgħu iktar ħin ġewwa! Għandna l-ħtieġa li nistabilixxu mill-ġdid il-kuntatti tagħna mal-egħruq tagħna: egħruq tagħna fin- natura, u mhux fuq il-bejt. L-ekoterapija hi għodda li tagħtina n-natura biex nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna. In-natura tagħtina s-soluzzjonijiet għall-benefiċċju tagħna. Il-Birdlife u l-Fondazzjoni Richmond ħadu inizjattiva tajba u li tagħmel il-ġid. Imma sfortunatament din l-inizjattiva waqfgħet għax spiċċaw il-fondi. Hu fl-interess ta' kulħadd li nassiguraw li din l-inizjattiva terġa' tibda mill-ġdid malajr kemm jista' jkun u li din ma tibqax temporanja iżda issir inizjattiva permanenti. Dan ikun għall-benefiċċju ta' kulħadd. Il-kuntatt kontinwu tagħna man-natura hi ta' għajnuna kbira biex inħarsu saħħitna

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 17 May 2020