Illum previous editions

ILLUM 5 July 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1266182

Contents of this Issue

Navigation

Page 9 of 27

10 aħbarijiet IL-ĦADD 5 TA' LULJU 2020 • illum Bliet u rħula jħejju biex jilqgħu lill-Padruni fi triqathom YENDRICK CIOFFI Din is-sena l-festi kif nafuhom mhux se jkunu qed isiru iżda fost id-dilettanti niżlet għasel l-aħbar li l-awtoritajiet ekkleżjastiċi, fuq parir tal-awtoritajiet tas- saħħa, taw il-permess biex ikun jista' jsir pellegrinaġġ ta' talb u ringrazzjament bil-vari titulari u sekondarji. Malli ħarġet l-aħbar, diversi parroċċi xammru l-kmiem u bdew jorganizzaw, anke jekk f 'qasir żmien, il-pellegrinaġġ, inkluż dawk li suppost il-festa tagħhom għaddiet. Permezz ta' din il-paġna, minn żmien għal żmien, il-gazzetta ILLUM se tkun qed twaslilkom informazzjoni dwar il-pellegrinaġġi li se jkunu qed isiru b'mod partikolari fejn il-pellegrinaġġ se jkun qiegħed isir mhux fil-Ħadd li fih normalment il-belt jew ir-raħal jiċċelebra lill-qaddis jew il-qaddisa tiegħu. Xi jfisser pellegrinaġġ? Il-kelma pellegrinaġġ ġejja mill- kelma bil-Latin "peregrinum" li fi kliem sempliċi jfisser vjaġġ. Iżda pellegrinaġġ mhuwiex sempliċiment vjaġġ bla skop. Wieħed jista' jmur lura fiż- żmien. Per eżempju meta madwar is-sena 967QK inbena t-tempju ta' Ġerusalemm, il-Lhud kollha kienu obbligati li jagħmlu pellegrinaġġ lejn it-tempju fi tliet festi prinċipali. Il-Musulmani wkoll huma obbligati li mqar darba f 'ħajjithom jagħmlu pellegrinaġġ lejn Mekka. Wara l-mewt u l-qawmien ta' Ġesù u aktar ma beda jinxtered il- Kristjaneżmu, l-Insara wkoll kienu ispirati biex isegwu l-passi ta' Kristu, il-Madonna, l-Appostli, il-Martri u l-Qaddisin u bdew il-pellegrinaġġi lejn siti marbuta mal-ħajja ta' Ġesù u anke l-oqbra tal-Qaddisin, bil- għan ikun li waqt li qed isegwu l-passi tagħhom, jagħmlu dan ukoll spiritwalment fil-ħajja tagħhom. Għalhekk, pellegrinaġġ, mhuwiex sempliċiment vjaġġ bla skop. Għall- pellegrin dan għandu jkun mument ta' tiġdid spiritwali. Fi kliem Santu Wistin, il-pellegrinaġġ huwa vjaġġ spiritwali u għalhekk huwa espressjoni esterna tal-pellegrinaġġ spiritwali lejn Alla li kull Nisrani huwa msejjaħ li jagħmel. Pellegrinaġġ speċjali f'Birkirkara F'Birkirkara se jkun qed isir pellegrinaġġ li se jgħaqqad żewġ komunitajiet flimkien. Dan se jsir nhar il-Ħadd 19 ta' Lulju. Dakinhar, mill-Knisja ta' Santa Tereża, fis-6:30pm, se joħroġ pellegrinaġġ bil-vara tal-Madonna tal-Karmnu. Dan ifisser li l-Patrijiet Karmelitani Skalzi xorta waħda se jiċċelebraw il-festa tagħhom fil- Ħadd li fih is-soltu jiċċelebraw lill- Madonna tal-Karmnu. Fl-istess ħin, f 'Birkirkara stess, se joħroġ pellegrinaġġ bil-vara ta' San Ġużepp Ħaddiem mill- Knisja Parrokjali ddedikata lilu. Normalment, din il-parroċċa tiċċelebra l-festa nhar l-1 ta' Mejju iżda din is-sena ma setgħetx minħabba r-restrizzjonijiet. Iż-żewġ pellegrinaġġi se jiltaqgħu fi Triq in-Naxxar, fejn minn hemm se jimxu flimkien sa Triq il-Karmnu. Iż-żewġ pellegrinaġġi jkomplu t-triq tagħhom lejn il- knejjes rispettivi. Pellegrinaġġi mhux fil-Ħdud biss Il-pellegrinaġġi mhux se jsiru fil- Ħdud tas-sajf biss. Fil-fatt, il-festi li normalment jiċċelebraw il-festa fil-jum liturġiku tagħhom hekk se jagħmlu anke din is-sena wkoll. Il-Karmelitani Beltin qed jorganizzaw pellegrinaġġ ta' talb, li se jieħu forma ta' aux flambeaux bis-sehem tal-banda u l-kor nhar il-Ħamis 16 ta' Lulju. Ir-residenti ta' Ħal Lija se jimxu wara s-Salvatur nhar is-6 ta' Awwissu u l-Ġirbin se jiċċelebraw lil San Lawrenz nhar l-10 ta' Awwissu kif jagħmlu dejjem. Nhar Santa Marija se jkunu organizzati wkoll diversi pellegrinaġġi f 'Malta u Għawdex mill-knejjes li normalment jiċċelebraw li Santa Marija nhar il-15 ta' Awwissu u l-Isla, in- Naxxar, il-Mellieħa u x-Xagħra se jiċċelebraw lil Marija Bambina nhar it-8 ta' Settembru. Aktar pellegrinaġġi fil-jum liturġiku jew f'jum speċjali ... Hemm parroċċi li normalment jiċċelebraw il-festa f 'wieħed mill- Ħdud tas-sajf iżda din is-sena xorta waħda għażlu li jorganizzaw il-pellegrinaġġ tagħhom fil-jum liturġiku jew inkella f 'xi ġurnata importanti għalihom. Id-Dumnikani Beltin se jiċċelebraw lil San Duminku nhar is-Sibt 8 ta' Awwissu u f 'San Pawl il- Baħar, il-festa ta' Marija Sultana tal- Martri, se tiġi ċċelebrata nhar il-15 ta' Settembru u mhux fl-aħħar Ħadd ta' Lulju kif isir normalment. Fil-15 ta' Settembru, il-Knisja tiċċelebra l-festa ta' Marija Addolorata. Is-Siġġiewi se jiċċelebra lil San Nikola nhar is-6 ta' Diċembru, fil- jum liturġiku. Normalment, San Nikola jiġi ċċelebrat fl-aħħar Ħadd ta' Ġunju. Il-pellegrinaġġ bil-vara inkurunata tas-Sacro Cuor f 'Tas- Sliema seta' sar illum, fil-ġurnata li normalment tiġi ċċelebrata l-festa. Minkejja dan, il-Komunità Franġiskana għażlet li tagħmel il- pellegrinaġġ nhar il-Ħadd 27 ta' Settembru, fl-okkażjoni tat-tieni anniversarju mill-Inkurunazzjoni tal-vara. Illum ukoll suppost qed tiġi ċċelebrata l-festa ta' San Pawl fir- Rabat. Anke hawn il-pellegrinaġġ tmexxa biex issa se jsir nhar it-Tnejn 21 ta' Settembru, fl- anniversarju tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja l-jum li fih se jinqara wkoll il-digriet li għolla għad- dinjità ta' Bażilika Minuri lil din il-parroċċa importanti. Sa issa jidher li l-bqija tal- parroċċi u komunitajiet se jiċċelebraw il-festa u l-pellegrinaġġ fil-Ħadd tas-soltu. Festi li suppost għaddew isibu posthom fis-sajf... Hemm festi oħra li normalment jiġu ċċelebrati fil-ġimgħat jew ix-xhur li għaddew u li din is- sena ma setgħux minħabba r-restrizzjonijiet. Il-Kurja tat il- permess biex dawn jorganizzaw il-pellegrinaġġ f 'xi Ħadd jew xi darba fis-sajf. Dawk imħabbra sa issa huma: • 1 ta' Awwissu: Qalb bla Tebgħa ta' Marija – Burmarrad • 23 ta' Awwissu: San Publju – Furjana • 30 ta' Awwissu: Madonna tal- Ġilju – L-Imqabba • 30 ta' Awwissu: San Filep – Ħaż-Żebbuġ • 6 ta' Settembru: San Ġorġ – Ħal Qormi • 6 ta' Settembru: Marija Annunzjata – Ħal Tarxien • 12 ta' Settembru: Santa Katarina – Iż-Żejtun • 4 ta' Ottubru: Madonna ta' Pompei – Marsaxlokk • 13 ta' Ottubru: Madonna ta' Fatima – Gwardamanġa X'inhuma d-direttivi tal-Kurja dwar il-pellegrinaġġi? Skont id-direttivi tal-Kurja, fil-pellegrinaġġi jistgħu jieħdu sehem il-fratellanzi u jieħu form ta' purċissjoni. It-tul r-rotta għandhom ikunu deċiżi mill-kappillan iżda l-pellegrinaġġ ma jistax ikun itwal minn sagħtejn. Fil-pellegrinaġġ jistgħu jieħdu sehem il-baned tal-lokal li jdoqqu biss innijiet reliġjużi u mhux marċi. X'pellegrinaġġi se jsiru llum? • Sant'Andrija – Ħal Luqa • Madonna tal-Karmnu – Fleur de Lys • Immakulata Kunċizzjoni – Ħamrun • Viżitazzjoni - Għarb L-ILLUM tagħti ħarsa lejn id-dati ta' wħud mill-pellegrinaġġi li se jiġu organizzati fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 5 July 2020