Illum previous editions

ILLUM 18 October 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1300174

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 27

16 letteratura IL-ĦADD 18 TA' OTTUBRU 2020 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Sajjetti fil-bnazzi Alla wara l-Mewt ta' Alla Din il-ġimgħa bosta membri u kontributuri tal-komunità filosofika dinjija, sintendi inkluża dik Maltija, b'xi mod jew ieħor fakkru għeluq snin il-ħassieb Ġermaniż Friedrich Nietzsche. Fost bosta aforiżmi li rajt ifeġġu kważi l-ħin kollu fuq il-midja soċjali spikkat, sintendi, l-istqarrija ċelebri "Alla huwa mejjet". Id-diskors dwar il-mewt t'Alla kien diġà beda qabel Nietzsche. Dan l-avveniment kienu diġà alludew għalih qabel ħassieba oħra bħal Philipp Mainländer and Georg Hegel, iżda m'hemmx dubju li dik il- ħabta laħaq l-ogħla qċaċet drammatiċi tiegħu fil-kitbiet ta' Nietzsche, b'mod partikulari fix-xogħlijiet Ix-Xjenza Feliċi (1882) u Hekka Tħaddet Zarathustra (1885). Għandu mnejn ma nkunux qegħdin nesaġeraw jekk ngħidu li t-tħabbira tal-mewt t'Alla li naqraw dwarha f'Zarathustra aktarx hi l-iżjed ġrajja skjaċċanti fl-istorja tal-filosofija tal-Punent. M'għandniex il-ħin u l-ispazju biex nidħlu fil-mertu tal- bosta interpretazzjonijiet illi ngħataw rigward dis-sajjetta fil-bnazzi. Ngħid għalija jidhirli li din ma kinitx bilfors stqarrija skjetta ta' ateiżmu, wisq inqas xi ċelebrazzjoni ta' xi trijonf uman — anzi, xejn affattu. Nietzsche għaraf tajjeb ħafna x'ser ikunu l-konsegwenzi ferm koroh tal-miġja tal-Illuminiżmu, l-iżjed kemm-il darba ma jinstabux sisien alternattivi għall-valuri umani u għall-eżistenza nfisha li kapaċi jimlew dan il-vojt. Mejjet jew mhux, madankollu, jidhirli li fil-letteratura tiegħek Alla jibqa' dejjem omnipreżenti, saħansitra f'waqtiet meta jingħadd b'sieket jekk mhux ukoll, saħansitra, assenti għalkollox. Kif tinkwadra l-aħħar żewġ rumanzi tiegħek, voldieri Tħabbat Xtaqtek u In-Nar Għandu Isem, f'din l-epoka tagħna li fiha, kif bassar Nietzsche, in-nozzjoni t'Alla donnha ormaj tilfet ħafna mis-seħer u mill- ħakma tagħha fuq l-affarijiet umani? Bħall-bqija tal-ilħna, jiena leħen. Leħni, bħall-bqija tal-ilħna, huwa spazju ta' esperjenza; hu spazju fejn ruħi tiaħ u tifrex lilha nfisha, l-ewwel u qabel kulħadd għalija. Mill-kitba tiegħi, jidhirli, ħadd daqsi ma jiggwadanja. X'niggwadanja? Għarfien ikbar tal-istess ruħi fil-misteru tal-ħajja. Ngħid ukoll illi dan il-uħ ma nisfurzah qatt fuqi nnifsi. Anzi, bil-maqlub: għall-ewwel, meta nħossu ser jaħkimni, dejjem insibni nirreżistieh b'saħħti kollha. Madankollu, meta s-sejħa biex nikteb tkun ġenwina, tirbaħni, u jkolli nagħmel dak illi f 'ċirkustanzi komdi kont nagħżel li ma nagħmilx. Il-għala qed ngħid dan? Għal raġuni waħda: għax aktar milli ninkwadra xogħli (jew lili nnifsi) fi sfond aktar wiesa' (dak inħallieh għall-kritiċi la jkun għadda ż-żmien) nippreferi nikkuntenta ruħi billi niffoka fuq dak illi nlissen, u nħallieh jistedinni aktar 'il ġewwa fil-misteru li jaħbili u li, fl-istess waqt, jirrivelali. La narani xi kbir u lanqas importanti. Narani biss fittiexi ta' dak li diġà nħoss illi ngħatali ħjiel pallidu tiegħu (anki jekk din il-pallidità għalija tfisser tgħammix). Jien bniedem mgħammex u, iva, inlaqlaq dan it- tgħammix. Mill-bqija nħalli f 'idejn il-qarrejja biex jiġġudikaw it-tlaqliq tiegħi jistax ikun ħjiel ta' xi ħaġa bil-wisq akbar minna jew le. Inħalli f 'idejhom biex jaraw jekk għadx hemm seħer fin-nozzjoni t'Alla u, fl-aħħar mill-aħħar, jekk hux veru li Alla ormaj tilef l-ispazju u s-seħer tiegħu ġewwa fina. Fir-reċensjoni li ktibt għal dan il-ġurnal f'April ta' din is-sena rigward ir-rumanz tiegħek Tħabbat Xtaqtek stħarriġt it-tifsiriet ewlenin ta' dan ix-xogħol kontemplattiv — qabelxejn minn perspettiva personalissima — permezz ta' tliet ilħna gwida: Thomas Merton, Alan Watts, Carl Jung. Uħud mill-qarrejja li kont iddiskutejt magħhom dan ir-rumanz identifikaw diversi punti ta' referenza oħrajn. Fost dawn spikkaw ħafna Santu Wistin t'Ippona u San Ġwann tas-Salib, b'mod partikulari dan tal-aħħar. Fil-kapolavur Il-Lejl Mudlam tar-Ruħ (1584) ta' San Ġwann tas-Salib Alla mhux sewwasew mejjet iżda sieket u assenti. "Fejn mort tistaħba Maħbub tiegħi?", kien staqsa Juan de Yepes y Álvarez. Anke fi Tħabbat Xtaqtek u fl- aħħar rumanz tiegħek In-Nar Għandu Isem minn xi daqqiet Alla jingħadd b'assenti. Fiż-żewġ rumanzi naqraw stqarrijiet qawwija ħafna dwar dan. F'tal-ewwel laqtuni ħafna dawn it- tliet sentenzi: "Il-fidi. X'inhi l-fidi? Hi l-ostinazzjoni li tibqa' tgħid li Alla hu, meta ta' dan Alla ma titfax fil-pulmuni ħlief l-assenza"; f'tat-tieni qrajt għal darba tnejn tlieta, b'ċertu gost kemxejn pervers, it-tmiem tal-Kapitlu 13: "Ir- rabja tiżdied. F'ħin minnhom tilħaq sa xufftejja. Ngħaqqad idi l-leminija f'ponn u ngħolliha. Magħha nerġa' ngħolli rasi. U fommi jidgħi. Jidgħi li nisimgħu. / Jiġini li nobżoq lejn is-sema, imma nitrażżan, minħabba n-nies. Minflok, nobżoq lejn l-art. / Jekk hemm fuq hemm xi ħadd jismagħni, ħa jinżel! Nisfidah jinżel! / Snieni jitgħażżu, u nissokta miexi." Sintendi fiż-żewġ rumanzi mbagħad ġieli naqraw ukoll dwar mumenti li jagħtuna ħjiel ta' teożi jew inkella gnożi. Fir-reċensjoni msemmija qabel irrimarkajt, u għandi nifhem li inti taqbel, illi waqtiet bħal dawn jistgħu jkunu terribbli. Intant bosta nies illi jgħidu li ġarrbu xi għamla jew oħra ta' qawmien spiritwali spiss jagħtuna x'nifhmu li m'hemmx imniex nibżgħu minn das-sajjetti fil-bnazzi. Bħalkieku dawn kienu xi passiġġata ward u żahar. Nistgħu nemmnuhom lil dawn in-nies? Ma jien ħadd biex ngħidlek jekk għandniex nemmnuhom jew le. Ma jien ħadd biex niġġudika l-mixja u l-esperjenza tagħhom. Jekk jien nikteb mill-esperjenza tiegħi, dan ma nagħmlu qatt biex immieri l-pożizzjoni ta' ħaddieħor. Dan mhuwiex mogħti lili. Dak li hu mogħti lili hu li nikteb bis-sinċerità kollha, anki jekk b'dak illi nikteb nista' niskandalizza lil xi wħud. Għal ħafna, iva, l-idea ta' Alla tremend (jew terribli – biex nikkwota lilek) hija wisq biex jifilħuha. Jippreferu idea ta' Alla li jmexxihom minn ġnien ifuħ; Alla li mixja miegħu tkun tfisser mixja fil-hena, fil-ferħ ma jaqta' xejn, f 'ħelsien totali minn kull tbatija; Alla li jkejjel kollox bil-qisien tagħhom. Ngħid għalija m'għandix din l-esperjenza. Jekk ħajti ntlaqtet mid-dawl tiegħu, dan id- dawl ma ħatafnix fil-ġenna għal dejjem! Tani l-paċi, iva, u paċi mill-aktar profonda, imma mhux li ħelisni mill-mixja f 'qiegħ dan il- wied mudlam! 'Il bogħod minn hekk, wisq 'il bogħod! Nistqarr illi ma rridx inkun mod ieħor sakemm l-affarijiet fid-dinja jibqgħu kif inhuma. Kif ser nimxi mal-bqija ta' ħuti jekk inkun maħtuf f 'ġenna, insoff b'egoiżmu ħlewwiet moħbija għall-bqija? Le, Alla tiegħi ma qatagħnix mid-dmugħ, la tiegħi u lanqas tal-bqija. Bil-maqlub, bid-dawl kollu li tani xeħetni flimkien miegħu fil-qalba tal-weġgħa ta' qalb il-bniedem. Ma xeħetnix waħdi; le, xeħetni flimkien miegħu, anzi, irrid ngħidha aħjar: niżżilni hemm isfel ħdejh f 'dik il- weġgħa. Fir-rumanz In-Nar Għandu Isem din hi l-esperjenza li nirrakkonta: kif Alla tani li nsibu f 'qiegħ li ma kontx nemmen li hu (jekk kien jeżisti) seta' qatt ikun fih. Kont nemmen li tant kont fil-qiegħ li ħadd u xejn ma seta' jilħaqni. Iżda kien proprju minn hemmhekk li l-esperjenza tiegħu issorprendieni, minn qiegħ aktar profond mill-qiegħ tiegħi nnifsi. Hu terribli Alla? Hu tremend? Għalija hu, iva! Terribli fil-ġmiel! Terribbli fil-hena! Terribli għax dirgħajja ċkejkna wisq biex ikebbu l-oċean. X'jiflaħ moħħi minn dan kollu? Wara kollox, anki l-imħabba hija nar... u n-nar jisfaxxak anki jekk ikun nar ta' mħabba! Ħalli jisfaxxak bil-hena! Kemm jiflaħ hena dal-ġisem? B'rabta ma' dan illi qegħdin ngħidu, il-ħsus u l-ħsibijiet illi jwasslilna ż-żagħżugħ fir-rumanz In-Nar Għandu Isem minn xi daqqiet, pirkażu fil-Kapitlu 44 fost oħrajn, ifakkruni fi stqarrijiet- sajjetti (a)teoloġiċi tal-ħassieb Franċiż Georges Bataille. "It-trankwillità, il-bonomija, id-diskussjoni dħulija bħal dak li qallu l-gwerra... u meta ngħid il-gwerra ta... le, ħadd ma jrid jara xejn wiċċ imb wiċċ: lix-xemx, għajn il-bniedem erħilha taħrabha... il-qorriegħa t'Alla tixpakka... u kieku ħadd jisma'", jgħidilna Bataille f'parti saljenti tat-trittiku tiegħu Is-Summa Ateoloġika, voldieri s-saġġ It-Tiġriba Ġewwiena (1943). F'parti ewlenija oħra, jiġifieri Dwar Nietzsche (1945), jirrimarka li "ħaġa ċara li għall-mistiku, voldieri l-kredent, Alla jevapora — il-mistiku issa huwa Alla". Sajjetta oħra li qiegħed bħal J. K. Rowling

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 18 October 2020