Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1300174
17 letteratura illum • IL-ĦADD 18 TA' OTTUBRU 2020 Fil-paġna letterarja ta' din il-ġimgħa Kevin Saliba jiftaħ djalogu ma' Gioele Galea rigward l-aħħar żewġ rumanzi tiegħu, b'mod partikulari l-aħħar rumanz tiegħu In-Nar Għandu Isem. Fil-biċċa l-kbira Saliba jpoġġi dan id-djalogu fl-isfond tal-avveniment — jew tas-sajjetta fil-bnazzi — tal-mewt ta' Alla skont kif tħabbret daqs mija u tletin sena ilu mill-filosofu Friedrich Nietzsche. F'dan l-isfond Saliba jistħarreġ mal-kittieb id-destin u tan-nozzjoni tas-sagru fis-seklu għoxrin u l-qagħda tagħha fi żmienna b'referenzi għall-stqarrijiet-sajjetti oħra minn diversi ħassieba, teologi u mistiċi, fosthom San Ġwann tas-Salib, Georges Bataille u Paul Tillich. Saliba jistieden ukoll lil Galea jgħid tiegħu dwar in-natura ta' tiġribiet bħal dawn filwaqt illi jfakkru fil-kumplikazzjonijiet teoloġiċi tat-teodiċità u fl- implikazzjonijiet eżistenzjali tal-kunċett ta' Alla kif imfisser mit-teiżmu tradizzjonali nerġa' nisma' proprju dal-ħin mingħand Bataille: "[…] Alla huwa indikazzjoni preċiża ta' dak illi jenħtieġ inwettqu fina nfusna. Li tpoġġi lilek innifsek fil-pożizzjoni ta' Alla hija qagħda tabilħaqq skabruża: li tkun Alla jfisser martirju. Għaliex dan jeħtieġ illi tkun fi qbil ma' kulm'hawn, saħansitra wkoll mal-agħar ħwejjeġ. Immela li tkun Alla jfisser illi inti tkun ridt l-agħar ħwejjeġ. Qajla nistgħu nimmaġinaw illi l-agħar ħwejjeġ qatt setgħu jeżistu kieku Alla ma ridhomx". Dħalna hawnhekk xi ftit jew wisq fil-marmanju tat-teodiċità, jiġifieri l-possibbiltà loġika jew in- nuqqas tagħha tal-koeżistenza tal- ħażen u t-tbatija fuq naħa u ta' dik ta' Alla fuq l-oħra. Hawnhekk tfeġġ weħidha dika ċ-ċerta mistoqsija: huma tabilħaqq kumpatibbli dawn it-tnejn? Nistgħu ninterpretaw in-narrittivi tiegħek bħala tentattiv poetiku biex tinħall jew almenu tintreħa daqsxejn din il-kobba mħabbla? Iż-żagħżugħ ta' ħmistax-il sena fil-ktieb tiegħi mhuwa ħadd ħlief jien – jien kobba mħabbla għall-aħħar, kobba kkumplikata, kobba tinbaram fuqha nfisha u żżid issib fiha nnifisha r-raġuni tal-qtugħ il-jies minn kollox u minn kulħadd. Il-ħajja nfisha għalija ma kinitx jekk mhux ġibda waħda lejn xifer l-irdum. Fejn kelli naqa' ladarba nintreħa minn dak ix-xifer għal isfel donnu kien ċar fis- sentimenti tiegħi: fl-infern. Għalija l-infern ma kienx kwistjoni ta' ammi; kien kwistjoni ta' tiġdid (fuq dimensjoni oħra forsi?) ta' dak illi kont diġà qed ngħix: stmerrija lejn il-ħajja nfisha. It-tbatija kont naraha kullimkien u f 'kull forma; l-inġustizzji kont inħosshom isiru wkoll miegħi, fosthom bulliżmu u abbużi. Biex tagħqad, fl-ambjenti fejn trabbejt kien hemm l-idea (u r-riħa!) ta' Alla jgħasses għad-dnub biex ifaqqa' l-frosta fuq min jagħmlu! Fejn kien hemm solliev allura? Fejn kien hemm mistrieħ? Imkien! Il-ħajja donnha ma kellhiex lejn xiex tkaxkarni għajr lejn id-disprament. Jien stess imbagħad kont ilqajt fija nnifsi l-mibegħda. U l-ħażin sfajt jien. Anki f 'għajnejja stess. Ma kontx nemmen f 'dawl. Ma kellix tama. Imma mbagħad ġiet is- sorpriża, meta f 'waqt mhux mistenni, f 'post mhux mistenni, żbroffa ġo ruħi id-dawl tal-Misteru li jrieġi kollox. Dawl distint għalkollox minni, iżda li fih jiġbor kollox. Imħabba li hi l-kawża ta' kollox, li torbot kollox flimkien, li tagħti sens lil kollox. Inkluż lili, li kont bħalkieku sfaxxat, iżda fl-istess waqt sħiħ fija nnifsi, f 'dak id-Dawl, f 'dik l-Imħabba. Ruħi fehmet bosta ħwejjeġ f 'dak il-waqt. Moħħi tbellah. Kont kompatibbli ma' dak id-dawl? Kien kompatibbli l-infern tiegħi ma' dik il- ġenna li dehritli tilħaqni mill-qalba tiegħi nnifsi anki jekk kienet distinta għalkollox minni? In-narrattiva tiegħi ttella' fil-wiċċ din l-esperjenza. Biha rrid ngħid li iva, hemm tama. Li anke fil-qalba tad-dlam jista' jisplodi d-dawl. Illum nemmen li Alla jinsab (anki jekk moħbi) fil-qalba ta' dik illi tidher bħala t-traġedja umana biex, fl-aħħar mill-aħħar (il-ħin jgħażlu hu), inewwel idu u jgħid dik l-"Hawn Jien" illi ssalva. F'dar-rigward ippermettili naqsam miegħek, mill-ġdid xi ftit b'referenza għal Nietzsche, silta saljenti mis- saġġ ferm għal qalbi The Courage to Be (1952) tat-teologu eżistenzjalist Luteran Paul Tillich. "L-Alla tat-teiżmu teoloġiku huwa kewn fost kwien oħrajn u, bħala tali, huwa parti mis-sħuħija tar-realtà. Bla dubju jingħadd bl-iktar parti importanti tagħha, iżda xorta waħda jibqa' biss parti minnha u allura, għaldaqstant, soġġett għall-istruttura tas-sħuħija. Suppost dan huwa lil hinn mill-elementi u mill-kategoriji ontoloġiċi li jsawru lir-realtà. Iżda mbagħad kull stqarrija ġġibu soġġett għalihom. Jitqies bħala jien li għandu dinja, bħala ego marbut mal-int, bħala kawża mifruda mill-effett tagħha, bħala s-sid ta' spazju definit u ta' żmien bla tmiem. Huwa essri, mhux l-essri-nnifsu. Bħala tali huwa sottomess għall- istruttura suġġett-oġġett tar-realtà. Għalina bħala suġġetti huwa oġġett. Fl-istess mentri għalih bħala suġġett aħna oġġetti. U dan aspett illi jħoll u jorbot fil-ħtieġa li npassu lil hinn mit- teiżmu teoloġiku. Għax Alla mifhum bħala suġġett jagħmilni oġġett illi mhu xejn iżjed minn oġġett. Iċaħħadni mis- suġġettività tiegħi għax jista' kollox u jaf kollox. Jien nirvilla u nittanta nibdel lilu f'oġġett, iżda l-irvell tiegħi jmur xagħwiet u jsir tentattiv iddisprat. Alla jidher bħala dittatur illi ma jitvinċa b'xejn, dak il-kewn illi apparagun miegħu l-kwien kollha l-oħra jisfgħu bla libertà u bla suġġettività. Jitqabbel ma' tiranni reċenti li bis-saħħa tat-terrur jippruvaw jibdlu kollox f'sempliċement oġġett, ħaġa waħda fost tant ħwejjeġ oħra, gerwiela fil-magna li jidderieġu. Isir il-mudell ta' kulma l-Eżistenzjaliżmu ħadha qatta bla ħabel kontrieh. Dan huwa x-xorta ta' Alla li Nietzsche stqarr illi kellu jinqatel għax ħadd ma jista' jittollera li jsir sempliċement oġġett tal- għarfien assolut u tal-ħakma assoluta. Dan huwa l-ifnad għerq tal-ateiżmu. Huwa ateiżmu ġġustifikat bħala reazzjoni kontra t-teiżmu teoloġiku u l-implikazzjonijiet disturbanti tiegħu. Hemm jinsab ukoll l-ifnad għerq tad- disprament Eżsistenzjalist u tal-ansjetà mifruxa kkaġunata min-nuqqas ta' kull tifsira fi żmienna." Ngħid għalija anke dana s-saġġ, daqs tmien snin ilu f'mumenti bejn ħaja u mewt, kien laqatni bil-kbir — mill-ġdid, bħal sajjetta fil-bnazzi. Għadni sal-lum ngħodd lil Tillich bl-iżjed teologu importanti tas-seklu għoxrin. Hemm ħafna raġunijiet għal dan. Nittama li xi darba jkollna l-ħin niddiskuthom. Hu x'inhu, ħaġa ċara li l-kunċett ta' Alla li jippreżenta Tillich ftit li xejn għandu x'jaqsam ma' dak illi darrewna bih ad nauseum sa minn ċkunitna. Fil- letteratura reliġjuża tiegħek, li jidher ċar li għandha għeruq Kristjani, lil liema Alla tittratta u tindirizza sewwasew? Lil dak tradizzjonali tat-teiżmu teoloġiku? Jew lil dak illi Tillich isibu bħala "l-Kewn- Innifsu", "Sies il-Essri" u "l-Interess Aħħari"? Meta nintalab nitkellem direttament dwar Alla nħossni nimmuta. Inħossni ninbela' fil- Misteru tal-misteri. Inħossni nissikket minn ġewwa, u moħħi bħal jiddallam. Iimni, hu dlam hieni, dlam imdawwal. Tremend. Jien ma nista' ngħid xejn minn Alla. Waħdu Hu. U, iva, bħala Hu, fl-esperjenza tiegħi huwa s-Sies tal-Essri, huwa l-Kewn Innifsu. Imma dan is-Sies, dan il-Kewn iddieli mill-Ħarsa ta' dak illi, fil-ktieb tiegħi, ta Ismu lin-Nar. Qiegħed nitkellem bil-metafori għax ma nafx infiehem. Jien ma naħkem xejn. Jista' jkun li ninsab maħkum; iżda żgur li ma naħkimx. Mhux lill-Misteru. Żgur li le! Dak le! Ma jkun qatt! In-Nar Għandu Isem - Horizon Books Gioele Galea