Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1358362
Għażiż Perit G ħażiż Perit, hemm tliet dati li huma marbuta ħafna miegħek, dik tat-tlettax ta' Diċembru, l-oħra tal-wieħed u tletin ta' Marzu u dik tas-Salvatur. Kull darba li jitfaċċaw dawn it-tliet dati, jibdew magħhom jitfaċċaw ritratti tiegħek fuq il-midja soċjali. Toqgħod tgħid, għamilt karriera ta' iktar minn ħamsin sena u ħlief l-istess għaxar ritratti tiegħek ma narax fuq il-facebook! Pero', ċajt apparti, dan ifisser li r-rispett lejk hu b'saħħtu bl-imħuħ u l-qlub tal- poplu Malti. Min kien iħobbok, baqa' jħobbok. Min ma kienx, qalbu rtabet lejk. Min ma jafekx, għax twieled ħafna wara li spiċċajt mill-politika, jisma' lil ta' qablu jgħidu dwarek. Nisma' ħafna jitkellmu dwar il- kwalitajiet tiegħek, l-iktar dwar dawn li ġejjin: il-kuraġġ li inti dejjem urejt, il-fatt li inti ma kont iċċedi qatt u l-abbilità kbira li inti kellek biex titkellem. Sirt nafek meta inti kont kbirt ħafna fl-età, meta bħala student tal-liġi kont nagħmel il-prattika tiegħi mal-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici li kien jirrispettak ħafna. It-taħditiet li kellna flimkien nibqa' ngħożżhom u tgħallimt immens. Wara mewtek imbaghħad kelli l-unur li nieħu ħsieb li jsirlek monument xieraq quddiem Kastilja, kif fil-fatt sar. Kont tkellimt mal-familja biex inkun ċert li kull ma jsir isir a pjaċiment sħiħ tagħhom u hekk ġara. Inti, bid-diskors tiegħek, biddilt il- lessiku politiku ta' pajjiżna. Ħafna diskors li nisimgħu llum huwa ispirat minn dak li kont tgħid inti għaliex kellek ħila kbira biex titkellem b'mod li jiem kulħadd. Bla dubju fl-aqwa tiegħek kont dejjem iktar b'saħħtek mill-Partit Laburista. Tant hu hekk li f 'ħalq in-nies daħlet idea, li għadha tintuża sal-lum, li biex xi ħadd juri li hu Laburist ħafna jgħid li hu "mhux Laburist, imma Mintoan." Għal min hu dak li inti kont issejjaħlu suldat tal-azzar, inti għadek sal-lum l-kejl aħħari tal-metronomu ta' kemm wieħed irid juri li hu determinat fl-imħabba tiegħu lejn il-Partit Laburista. Inti matul il-karriera tiegħek, sawwart legat b'saħħtu ħafna lill-ġenerazzjonijiet futuri ta' Mexxejja li ġew warajk. Kull mexxej iħalli warajh aspetti pożittivi u aspetti negattivi u inti ma kontx eċċezzjoni. Biss li żgur ħallejt hu partit b'saħħtu ħafna li jikkmanda l-fiduċja ta' sezzjoni qawwija mmens tal-poplu Malti u Għawdxi. Għalkemm qatt ma kont ilħaqt is- suċċess elettorali ta' Pawlu Boffa fl-1947, sakemm spiċċajt mit-tmun tal-Partit bnejt u kkultivajt bażi soda ħafna fil- familji Maltin u Għawdxin. Bażi li hi ferm iktar b'saħħitha, b'mod naturali nazzarda ngħid, minn kwalunkwe bażi ta' kwalunkwe partit ieħor. Ir-raġuni? Għax il-partiti l-oħra, kbar kemm kienu kbar u rispettati kemm kienu rispettati l-mexxejja tagħhom, qatt ma kellhom lil Dom Mintoff imexxiehom. U għax Dom Mintoff bena l-pedament ta' dak kollu li jmiss lill-bniedem minn qabel it-twelid tiegħu sa wara mewtu. Perit, inti kellek, naturalment, avversarju b'saħħtu ħafna kontrik – l-hekk imsejjaħ establishment tal-pajjiż. Kull min fil-pajjiż, eskluż il-Gvern, kellu funzjoni li tħalli impatt fuq il-ħajja pubblika, normalment il-vuċi tiegħu kienet tkun dissonanti ma' dik ta' Mintoff. Jien konxju ħafna tal-fatt li jien u niktiblek hekk qiegħed niġġeneralizza forsi żżejjed u naqta' l-kantunieri. Naf ukoll li hemm l-eċċezzjonijiet li juru proprju bil-maqlub. Biss jien f 'moħħi hi ċara kristall li kull min f 'pajjiżna kellu funzjoni li tmiss il-ħajja pubblika waqt li inti kont fil-Gvern iktar iva milli le kien oppost għal dak li inti tirrappreżenta. Ir-raġuni? It-twegiba hi kumplessa ħafna u għad irrid naħseb iktar dwarha. Li naf hu li meta inti kont fil-Gvern, l-alleati tiegħek fil-ħajja pubblika kont tgħoddhom fuq id waħda. L-establishment kien konsistentement ipoġġi faċċata tiegħek mhux ħdejk, kważi nazzarda ngħid, tagħmel x'tagħmel. Jien għandi wkoll, kif taf Perit, esperjenzi tal-ħajja pubblika. Meta kont Ministru responsabbli mill-Ġustizzja, per eżempju, kont iffaċċjajt kritika żul minn hawn meta għal Imħallef kont ipproponejt lil avukat ta' esperjenza Ii għandu l-istess kuljom tiegħek. Konvint li din il-kritika ma kinitx tinqala' li kieku ipproponejt lil xi ħadd li kien kunjomu "Fenech Adami" jew "De Marco" biex insemmi żewġ familji li inti ħdimt magħhom ukoll. Kien hemm min qagħad jgħodd in- numru ta' Ġudikanti skont hu "Laburisti" u n-numru ta' Ġudikanti skont hu "Nazzjonalisti" li nħatru meta kont responsabbli mill-Ġustizzja. Bħallikieku l-intelliġenza u l-għarfien tal-liġi jappartjeni lill-Partit Laburista kollu jew lill-Partit Nazzjonalista kollu. Hu ovvju li l-problema ta' dawn in-nies kienet li jien kont qiegħed nappunta avukati għall-Ġudikatura li ġejjin minn spettru wiesgħa u mhux unikament mill- establishment u l-ċrieki ta' ġoċ-ċrieki bħalma kien isir fi żmien meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern. U dawn l-istess nies, li tant tkellmu u ippuppaw fuq ir-rule of law, għadhom sal-lum ma qalulniex, per eżempju, għala in omaġġ tar-rule of law ma ppubblikawx inkjesta li huma ppresedew fir-rigward tal-kontroversji marbuta mat-Times of Malta. Id-double standards huwa standard ċar u prevalenti tal-establishment. L-establishment, Perit, lilek kien ħalef li jagħmel minn kollox biex iżommok lura u jtellfek. Jekk inbidlitx din l-istorja minn żmienek għal-lum, inti tista' tgħidli aħjar minni Perit imma f 'għajnejja huwa ċar li għall-establishment iktar jaqbillu li jkun hemm il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern milli l-Partit tagħna li jimbotta b'tant qawwa l-mobbiltà soċjali. Perfett dejjem ma kontx Perit bħalma ma kien perfett dejjem ebda Prim Ministru li ġie warajk. Nemmen ukoll li mal-kisba tal-Ħelsien kont ilħaqt il- quċċata tal-karriera tiegħek u kien l-aħjar punt li fih tgħaddi t-tmexxija tal-pajjiż u tal-partit lil xi ħadd ieħor. Biss qas irrid nimmaġina Malta mingħajrek ġo fiha. Malta mingħajr Mintoff kienet tkun Malta ħafna iktar inferjuri milli għandna llum. Inti kont dak li daħħalt is-servizzi soċjali f 'pajjiżna, ħdimt biex Malta ssir Repubblika b'rajha f 'idejha u rajt li nies li ġejjin minn familji ta' ħaddiema – bħali l-ewwel wieħed – setgħu jieħdu ċans reali biex jagħmlu suċċess mill-ħajja tagħhom. Għalhekk nibqa' ħafna grat lejk Perit għalkemm sirt nafek it wisq, tard wisq. Inwiegħdek ukoll li minkejja l-isfidi li fiha l-ħajja politika m'inix se nieqaf mument milli nkompli mmexxi 'l quddiem l-aspirazzjonijiet ta' kulħadd, inkluż ta' familji bħal dawk li ġej minnha jien. Insellimlek perit u ippermettili ngħidlek: Viva Malta li hi dejjem l-ewwel u qabel kollox. Owen Bonnici 19 opinjoni illum • IL-ĦADD 4 TA' APRIL 2021 Owen Bonnici huwa l-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara l-Covid-19 Il-Perit Mintoff ma' martu Moyra Bentinck