Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1363126
21 editorjal illum • IL-ĦADD 18 TA' APRIL 2021 ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Editur: Albert Gauci Cunningham Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt D an l-aħħar smajna ħafna dwar apoloġiji. Ħafna talbu apoloġija mingħand il-Partit Laburista - min talabha ġenwinament u min talabha b'mod inqas ġenwin. Kien hemm min saħansitra qal li mhux apoloġija hemm bżonn - din mhux biżżejjed - il-Partit Laburista għandu jxolji. Ejja npoġġu kollox f 'kuntest u lilhinn mill-fundamentaliżmu. Il-Partit Laburista għandu japoloġiżża għall-iżbalji li saru minn nies fi ħdanu li fl-aħħar mill-aħħar kellhom jirreżenjaw? Ir-risposta hija sempliċi: Iva! Issa, imma. Il-poplu ta' rieda tajba x'għandu bżonn eżatt? Apoloġija u barra bid-daqq? Ir-risposta mill-ġdid hija sempliċi: Le! Il-poplu fil-verità jeħtieġ, li dak li sar ma jerġax jiġri, pero' wkoll li kif Prim Ministri biddlu l-mentalità fuq diversi affarijiet oħrajn, inkluż drittijiet ċivili, issa jaħdmu sabiex bl-eżempju tagħhom ibiddlu mentalità oħra: Il-mentalità opportunista, nepotista u korrotta li wara kollox mhijiex esklussiva għal Keith Schembri jew Konrad Mizzi jew Joseph Muscat. Hija endemika u parti integrali mill-ħsieb politiku tagħna u ilha magħna għal snin fuq snin. Kemm il-darba nisimgħu 'jiena nivvota lil min jagħtini/jaqdini?' jew 'jiena nagħtihulu l-vot jekk jagħtini impjieg?' jew 'jiena nqabbel fejn jaqbel lil buti'? jew inkella 'u jiena x'jinteressani għax jisirqu "it" l-aqwa li komdu jiena!" U ċerti li wara l-2013 smajtu ħafna votanti Nazzjonalisti jgħidu "ma ħadniex ħsieb lin-nies tagħna", "ma qdejniex lin-nies tagħna" jew inkella "l-Gvern tagħna u konna naqdu lil Laburisti." Jekk m'intomx tisimugħhom jew ma smajtuhomx dawn l-affarijiet probabbilment mhux qed tgħixu f 'dinja jew qed tgħixu f 'bużżieqa. Din hija r-realtà li qed twassal għall- politika opportunista, nepostista u korrotta. U meta l-politiċi jaqdu jew jagħtu xi ħaġa li mhix mistħoqqa jew meta jqabbżu l-kju tal-isptar lil xi ħadd jew jagħtu impjiegi lil nies li mhumiex kwalifikati - ikunu qed jagħmlu dan, għax xi ħadd qed jitlobhom. Għax hemm domanda għal din il-politika opportunista, nepostista u korrotta. Keith Schembri jista' jkun ħati ta' diversi affarijiet u jista' ma jkunx - żgur li huwa ħati illi daħħal lill-PL u lill-pajjiż f 'ħafna għawġ b'involviment jew allegat involviment tiegħu f 'diversi kuntratti li jidhru u jinxtammu maħmuġin minn ħafna mili 'l bogħod. U miegħu dawk kollha li ffaċilitawh, inkluż l-eks PM Joseph Muscat. Pero' li hu żgur ukoll huwa li Schembri u Muscat u Konrad Mizzi u ħafna oħrajn għarfu sew il-popolarità ta' din is-sistema opportunista, nepotista u korrotta u ħelbuha sal-aħħar qatra. Bdew iqassmu u jroxxu u jroxxu - mhux biss il-flus lill-poplu, xi ħaġa tajba ħafna, pero' wkoll il-kuntratti u l-pjaċiri u l-impjiegi lil uħud (jew ħafna) li kienu lesti li jinxtraw. L-ebda apoloġija mhi se tbiddel il-bżonn li tinbidel is-sistema. L-ebda apoloġija mhi se tiggarantixxi li għada, is-sena d-dieħla jew 10 snin oħra - forsi taħt Gvern Nazzjonalista ġdid - mhux se jkun hemm xi ħadd ieħor, li minflok Keith Schembri jkun jismu xi ħaġa oħra - li se juża din il-mentalità u din is-sistema biex jerġa' jaħtaf, biex joħloq obbligazzjonijiet dijaboliċi u biex jistagħna hu minn fuq pajjiżna. Mela kif Joseph Muscat irid ikun kreditat għall-fatt li ġab rivoluzzjoni tant meħtieġa fil-qasam tad-drittijiet ċivili, kif kien kapaċi kważi waħdu jbiddel l-kurrent u joħroġ dan il-pajjiż minn taħt il-madmad konfessjonali u konservattiv, hekk ukoll Robert Abela jeħtieġ ibiddel din il-mentalità opportunista, nepotista u korrotta. Tidher diffiċli jekk mhux impossibbli. Imma hekk għandu jsir għax b'hekk biss nibdew inkejlu lill-politiċi tagħna b'riga aħjar, b'hekk biss inrawwmu l-kultura li l-politiċi mhux qegħdin hemm biex jinxtraw, biex jikkorrompu jew biex jixtru lin-nies. Nivvotalek għax inti tħobb lil Malta, trid Malta aħjar u trid iva li l-ħaddiema u min iħaddem ikun aktar sinjur. U iva għax jekk ikolli problema ġenwina tgħinni. Mhux nivvutalek għax se tagħtini permess li mhux suppost nieħu, jew impjieg li m'inix kwalifikat għalih, jew għax se tqabbiżni xi kju jew inkella għax jekk titla' int jiena se nsir sinjurun mil-lejl għan-nhar. Li jkun hemm nies jirraġanuaw hekk se tibqa', għax wara kollox aħna lkoll bnedmin u kulħadd tiegħu jara. Imma li sistema sħiħa politika tiċċentra madwar il-bżonn ta' nepotiżmu sfrenat, dak mhux aċċettabbli. Għalhekk kellna l-iskandlu taż-żejt, għalhekk kellna l-każ tal-Power Station, għalhekk smajna fuq li smajna każi ta' stejjer ta' korruzzjoni fil-proġett li dam 17-il sena sħaħ, tal-bini ta' Mater Dei. U għalhekk aċċejtajnihom u qgħadna għalihom. Għax għidna 'u iva billi jisirqu u jikkorrompu, issa xi darba ma jmissx lilna, hux? Aħjar ma ngħid xejn.' Inutli ngħajjtu għall-apoloġija, jekk wara l-apoloġija nafu li xi darba se jinbidlu n-nies pero' l-mentalità se tibqa' eżatt l-istess. Il-korruzzjoni ma bdietx ma' Joseph Muscat jew Keith Schembri u lanqas waqfet magħhom. Apoloġija - meħtieġa kemm jista' hi għall-Partit Laburista - it tfisser għall-maġġoranza tal-poplu li jitla' min jitla' fil-Gvern, mhux se tagħmilhom ċenteżmu differenza. Li verament tagħmel differenza hija l-ħidma biex inbiddlu l-mentalità u magħha s-sistema. Pero' iem, mhux se nistennew wisq b'ħerqa għax jidher li jekk ma jaqblu f 'xejn il-PN u l-PL, f 'din jaqblu: Il-preservazzjoni tas-sistema opportunista, nepotista u korrotta li ġġiegħel settur kbir tal-poplu jemmen, li jeħtieġ lill-politiku biex javvanza f 'ħajtu! Apoloġija ma tiswix karlin - Il-bidla ta' sistema u mentalità tiswa!