Illum previous editions

ILLUM 18 April 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1363126

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 27

17 letteratura illum • IL-ĦADD 18 TA' APRIL 2021 Fil-paġna letterarja ta' din il-ġimgħa Kevin Saliba jiddiskuti l-proposta tal-Kap Eżekuttiv tal- Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb illi l-kapijiet tal-entitajiet governattivi jenħtieġ jibdew jinħatru b'elezzjoni fost il-partijiet interessati rispettivi tagħhom. Filwaqt jesprimi qbil mas-sejħa ta' Camilleri, jikkummenta dwar ir-rispons ġenerali mqanqal minn din l-istedina filwaqt li jesprimi ċertu tħassib dwar il-modi kif ċerti faxex tas-soċjetà jifhmu r-rwol tal-Kunsill. li jidher ċar li l-appell tal- Kap Eżekuttiv ma kienx biss tentattiv biex iħares il- pożizzjoni rispettiva tiegħu iżda wkoll sejħa f 'waqtha biex f 'karigi delikati bħal dawn tiġi evitata kemm jista' jkun kull interferenza politika. Lil hinn mid-diskussjonijiet rigward l-aħjar proċeduri li nistgħu nsegwu, jidhirli li ma tantx jistgħu jsiru wisq argumenti validi kontra pożizzjoni bħal din. Madankollu r-reazzjonijiet li qanqlu l-istqarrija u l-messaġġ ta' Camilleri ma kinux biss pożittivi u kostruttivi. Ili li qtajt kważi għalkollox il-vizzju li noqgħod naqra wieħed wieħed il-kummenti tal-qarrejja li jidhru fil-midja soċjali u fil- ġurnali elettroniċi. Ħafna drabi, l-aħbarijiet xejn sbieħ li jwasslulna saħansitra l-aqwa ġurnali dinjin ukoll ikunu biżżejjed biex iqabbduk diqa liema bħalha. U ġaladarba l-kummenti spiss ma jagħmlux għajb għall- kontenut, sirt nippreferi nevita li nżid mal-qtigħ il-qalb li żgur sar jaħkem lil ħafna u ħafna nies. Biss din id-darba ma stajtx nirreżisti t-tentazzjoni. Ikolli ngħid li ddispjaċieni. B'mod ġenerali – għax mhux lok illi noqgħod nifli kull intervent li sar – ir-rispons negattiv ħa xejra partiġġjana, spiss ukoll personali. Bosta minn dawk illi ddarrsu mis-suġġerimenti ta' Camilleri kienu – bħalma forsi kien mistenni – partitarji akkaniti tal-Gvern tal-ġurnata li ftit li xejn għandhom simpatija mal-fehmiet politiċi tal-Kap Eżekuttiv. Ebda gvern ma jista' qatt jittollera, għall-inqas skont dawn, illi kap eżekuttiv ta' xi entità governattiva sinifikanti jesprimi ġudizzji negattivi kwantu l-operat tiegħu. Bħal xejn ma ppretendewx ukoll – ġaladarba kien filfatt kien inħatar fil-kariga tiegħu mill- Partit Laburista – illi Camilleri jigdem ilsienu u jibqa' għaddej bix-xogħol tiegħu qisu mhu xejn, saħansitra, għall-ġieħna, rigward deċiżjonijiet b'impatti negattivi ċari fuq l-industrija tal-ktieb. Sintendi, uħud minn dawn saħansitra waslu jgħidu li Camilleri għandu jirreżenja. Għandu mnejn m'hemmx għalfejn nanalizza dan kollu b'mod filosofiku. Nistqarr magħkom illi, bil-kontra tas- soltu, din il-ġimgħa ftit li xejn għandi ħajra. Kummenti bħal dawn jixhdu biċ-ċar illi ħafna nies donnu ma jifhmux ir-raison d'etre tal-kotba u l-kittieba. Ferm inqas dak tal- Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Wisq inqas jifhmu l-implikazzjonijiet tal-perikli kbar li l-Gvern – aħmar jew blu, ikun min ikun – ikollu influwenza diretta u interferenza qawwija fuq wieħed mill-iżjed setturi kruċjali fit-tiswir tal-iskambji tal-ideat, tal-ħsieb kritiku u tal- proċess demokratiku. Ma jifhmux lanqas il-viżjoni ta' Camilleri li, tajjeb niftakru, kien wieħed mill-katalisti ewlenin fil-bidliet legali li ddaħħlu fis-seħħ ftit tas-snin ilu kontra ċ-ċensura fuq il- letteratura. Il-fatt li kap eżekuttiv jista' jkollu riżervi fuq il-ħidma tal-Gvern – iżjed u iżjed jekk ikun imexxi entità kulturali – assolutament mhix raġuni suffiċjenti biex jinqata' ġudizzju negattiv fuq il-ħidma tiegħu. Anzi, nemmen illi f 'ħafna każi dan il-kriterju lanqas biss għandu jingħata tant piż fit-teħid ta' deċiżjonijiet amministrattivi bħal dawn. Hu x'inhu, ormaj ili naqra u nisma' tgergir bħal dan is-snin. Biż-żmien drajt u ftit li xejn bqajt nagħti kas. Iżda ċertu tħassib baqa' qatt ma ħallieni. Minkejja l-progressi kbar illi tabilħaqq saru fil-viżibbiltà tal- industrija tal-ktieb f 'pajjiżna donnu ċerti faxex tas-soċjetà tagħna baqgħu ma jistgħu jintlaħqu b'xejn, l-anqas fl-iżjed ħwejjeġ ovvji. Nagħmilha ċara: dan żgur mhuwiex tort tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Mhux tort tal-kittieba lanqas. Bħalma darba kien qalli Oliver Friggieri, "akkont, bil-ftit li għandhom, dawn diġà qegħdin jagħmlu ħafna". Iżda kultant nibża' li jsir xi jsir u jsir kemm isir il-fjuri fostna baqgħu ma kibrux – la fil-Parlament, la fl-għelieqi u wisq anqas fi mħuħ in-nies...

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 18 April 2021