Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1363126
03 illum • IL-ĦADD 18 TA' APRIL 2021 aħbarijiet Tnaqqis fil-VAT u sospensjoni ta' liċenzji ta' TM għal 18-il xahar fost il-proposti tal-PN għat-turiżmu ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Il-gazzetta ILLUM tista' tiżvela l-proposti tal-Partit Nazzjonalista f 'dak li jirrigwarda t-turiżmu, liema proposti se jiġu mnedija fiż-żmien li ġej. Fost il- miżuri u skemi, il-PN qed jipproponi li jiġu provduti skemi fiskali bħal tnaqqis fil-VAT għal 7% għall-użu tal- akkomodazzjoni, bars u anke servizzi mogħtija f 'ristoranti. Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi wkoll li t-taxxi dovuti mill-operaturi f 'din l-industrija li l-aktar illi intlaqtet mill-pandemija, għas-snin 2020 u 2021, jitħallsu minflok fuq perjodu ta' ħames snin, sal-2027. L-istess partit qed jipproponi li l-Gvern jipprovdi ċentri tal-ittestjar għall- COVID-19 bla ħlas lit-turisti: tnejn f 'Malta u wieħed f 'Għawdex. Il-PN qed jipproponi wkoll illi l-Gvern jissospendi l-ħlas tal-liċenzji ta' Transport Malta għal 18-il xahar lill- kowċis, lill-open top buses, lid-dgħajjes u lit-taxis fuq il-mudell ta' sospensjonijiet li ħaddmet l-Awtorità tat-Turiżmu. Simili wkoll għal dak li ħabbar il-Gvern din il-ġimgħa l-PN qed jipproponi għotja ta' darba lill-entitajiet turistiċi liċenzjati, għall-2021 u l-2022, liema għotja tintuża għal skop ta' marketing. Din l-għotja tkun tfisser mhux iktar minn €25,000 din is-sena u €25,000 oħra s-sena d-dieħla. Fuq bażi aktar għat-tul il-PN qed jipproponi ir-riġenerazzjoni ta' Paceville, Buġibba u San Pawl il-Baħar kif ukoll li jsir pjan ta' infrastruttura u akkomodazzjoni għan nofsinhar ta' Malta. Qed issir ukoll il-proposta li jingħataw Boroż ta' Studju ta' €50 fil-ġimgħa lil kull student li jagħżel li jiġi Malta għal kors fl- Ingliż ta' mill-inqas 12-il ġimgħa - minn Settembru 2021 sa Ġunju 2022, b'limitu massimu ta' €600 lil kull student. Din l-aħħar proposta hija mmirata għall- industrija tat-TEFL - it-tagħlim tal-Ingliż bħala lingwa barranija - li ħadet ukoll daqqa kbira minħabba l-pandemija. Il-PN qed jagħmel ukoll xi proposti favur turiżmu li jkun jinvolvi camping ekoloġiku, kif ukoll dak sportiv u l-ħidma fuq il-kunċett ta' Green Gozo. X'ħabbar sa issa l-Gvern? Il-Gvern din il-ġimgħa ħabbar li dawk li għandhom guest house jew boutique hotel se jieħdu €1,000 għal kull stabbiliment, filwaqt li lukandi ta' żewġ stilel se jieħdu €500 għal kull stabbiliment. Hostels u holiday furnished flats se jieħdu €250 għal kull proprjetà. Dawn il-flus se jingħataw bil-patt u l-kundizzjoni li jintefqu fuq marketing tal-proprjetà, bil-Gvern jaċċerta li dan huwa l-każ qabel jgħaddi l-flus. Intant il-Ministru ħabbar skema oħra, din id-darba għas-settur tal-konferenzi li se tiswa' €4 miljuni. Permezz ta' dan l-inċentiv il-Gvern se joffri €75 meta n-nefqa tkun ta' bejn €600 u €800 għal kull delegat, u rifużjoni ta' €150 għal kull delegat meta n-nefqa taqbeż it-€800 għal kull delegat. Il-ġimgħa l-oħra l-istess Ministru ħabbar li se tkun qiegħda tingħata għajnuna finanzjarja mill-MTA ta' €100 għal kull persuna li tibbukkja f 'lukanda ta' ħames stilel, €75 għal kull persuna li tibbukkja f 'lukanda ta' erba' stilel, u €50 għal kull persuna li tibbukkja f 'lukanda ta' tliet stilel. Dan l-ammont irid jiġi rduppjat mil- lukanda parteċipi fl-iskema. Skema oħra hija dik ta' €3 miljun sabiex operaturi tal-ivvjaġġar jiġġeneraw aktar bookings lejn Malta u Għawdex. Il-gazzetta ILLUM tiżvela wħud mill-proposti tal-Partit Nazzjonalista għall-aktar settur li jinsab f'diffikultajiet minħabba l-pandemija Covid-19 ...