Illum previous editions

ILLUM 30 May 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1378864

Contents of this Issue

Navigation

Page 26 of 27

27 films illum • IL-ĦADD 30 TA' MEJJU 2021 Carmel Bonnici Il-films animati tal-bidu ta' Disney (1) Il-ġurnata tal-5 ta' Diċembru 1986 fl- Istati Uniti ġiet ikkommemorxata bħala "Walt Disney Day". Il-ġurnata magħżula għal dan l-unur speċjali kienet dik li fiha, 85 sena qabel, twieled Walter Elias Disney. Kien ukoll ix-xahar li fakkar l-20 anniversarju mill-mewt ta' dan il-ġenju. Mela x'kien hemm tassew partikolari biex is-Senat Amerikan u l-House Of Representartives of the United States of America qablu li jgħaddu riżoluzzjoni ta' din ix-xorta? Ir-raġuni kienet waħda, espressa hekk: "Il-karattri popolari maħluqin minn Walt Disney, inklużi Mickey Mouse u Donald Duck, ġabu ferħ kbir lill-ħafna ġenerazzjonijiet. Walt Disney kien juża dawn il-karattri mpinġija (cartoons) biex jimpromwovi valuri fil-familji u jgħallem lezzjonijiet civiċi u morali. Huwa pproduċa dokumentarji tan-natura li wrew veduti affaxxinanti fir-renju tal- annimali u emfażizza l-importanza li jikkonserva l-patrimonju naturali .... dan kien eroj folkloristiku li sar famuż u maħbub madwar id-dinja". Walt Disney ma kienx hu li vvinta il- films cartoons (fil-preżent insejħulhom animati). Meta kien għadu tifel, ħaddieħor għamel dan. Iżda fi ftit snin, hu u l-artisti li ġabar miegħu rnexxielhom jgħollu din il-forma ta' film f 'arti u spiċċa biex ħaddiehor beda jikkopja lilhom. L-aktar karattru famuż animat ta' Disney huwa Mickey Mouse li għall-bidu semmieh Mortimer. Il-mara tiegħu Lilly m'għoġobhiex dan l-isem u pperswadiet lil żewġha jibdlu għal Mickey. Mickey Mouse deher għall-ewwel darba fil-film qasir Plane Crazy tal-1927. Sena wara ħareġ Steamboat Willie, forsi l-aktar xogħol imsemmi ta' dan il-ġurdien. Fis-snin tletin, Mickey Mouse kien l-aktar figura cartoon li ġibed l-ammirazzjoni tan-nies. Walt Disney kien ilu li twebbel li jaħdem film cartoon ta' tul normali li beda jsejjaħlu "A Mickey Mouse feature". Sa mill-1931 ikkunsidra li jiffilmja Alice In Wonderland mill-ktieb klassiku ta' Lewis Carroll. Meta Commonwealth Picture Corporation ħarġu l-ewwel film mitkellem tagħhom ta' Alice, Disney ħalla dan il-proġett fuq l-ixkaffa. Żewġ proġetti oħra fallew li jimmaterjalizzaw għax il-Paramount Pictures u l-RKO Radio kellhom id- drittijiet. Meta fl-aħħar ħabbar li se jaħdem Snow White And The Seven Dwarfs, Hollywood beda jirreferi għal dan ix- xogħol bħala "l-ġennata ta' Disney" għax kienu konvinti li dan il-film se jfalli lil dan l-istudjo u li se jġib tmiem ħesrem lil Mickey Mouse u l-gang tiegħu. Ma setgħux ikunu aktar żbaljati! Il-pubbliċita' ta' Disney mill-ewwel bdiet taħdem b'fervur qawwi, b'reklamar li jagħmel ġieħ lill-aqwa films epiċi tal- epoka ta' din il-belt taċ-ċinema. "Mas-750 artist ħadmu fuq din il- produzzjoni", hekk xandru mal-poplu. Dawn kienu jikkonsistu, fost oħrajn, mat-32 animatur, 102 assistenti, 20 artist li jlestu l-karattri fix-xena, 25 pittur li pinġew l-isfond bil-kuluri tal-ilma, 65 animatur tal-effetti (dawk li jpinġu d-duħħan, ilma, sħab eċċ.), 159 nisa żgħażagħ li jpittru l-figuri popolari ta' Disney fuq tertuqa trasparenti. F'Diċembru 1937, Snow White And The Seven Dwarfs kellu l-premiere tiegħu fil-Carthay Circle Theater ta' Los Angeles u fis-sena ta' wara beda jintwera madwar id-dinja kollha. Din il-produzzjoni qabżet il-baġit sewwa u qamet mal-$1.5 miljun, pero' daħħlet is-somma favoluża ta' $8 miljun. Anke l-Academy Of Motion Pictures Arts And Sciences onorat lil Disney bi statwetta (Oscar) speċjali fiċ-ċerimonja tal-1939, għalkemm kanzunetti sbieħ bħal Heigh Ho, Someday My Prince Will Come, Whistle While You Work u With A Song And A Smile ma ġewx onorati. Il-maġġoranza tal-ispettaturi kiemu affaxxinati b'divertiment tal-prima klassi u ħadu gost aktar mill-aqwa ħolm sabiħ tagħhom. Dak li bassru qabel il-produtturi tal- kumpaniji maġġuri baqa' ma seħħx. Din il-produzzjoni ġiet addattata mill- "fairy tale" klassika, minn Ted Scars, Otto Englander u Earl Hurd u damet erba' snin tinħadem. Għamlet użu eċċellenti mill- karatterizzazzjoni, editjar, ħoss u fotografija bit-Technicolor u b'final eċitanti li jħallat il-qawwa tat-tajjeb u l-ħażin b'impatt tremend. Sa qabel il-millenju, dan il-film reġa' ħareġ għall-wiri tmien darbiet u kull darba jibqa' jdaħħal miljuni kbar ta' dollari. Snow White And The Seven Dwarfs huwa kapulavur assolut. (Dan l-artiklu jkompli nhar il-Ħadd li ġej)

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 May 2021