Illum previous editions

ILLUM 27 June 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1387607

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 27

21 editorjal illum • IL-ĦADD 27 TA' ĠUNJU 2021 ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 EDITUR: ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt M alta spiċċat fuq il-Lista il-griża tal-FATF. Mhux eżattament preġju jew kumpliment dan! U malli ġara hekk - kif jiġri dejjem - id-diskussjoni fuq il-midja soċjali ġiet iddominata minn żewġ tipi ta' argu- menti pwerili u infantili: Dawk li jgħidu li huwa 'tort tal-Labour' u dawk li jgħidu 'tort tal-PN'. U għal bosta d-diskussjoni waqfet hemm. U dan huwa l-ewwel żball kardinali. Tort ta' min hu t-tort, issa la qegħdin f 'din il-lista xogħol il-Gvern u l-klassi politika huwa li jaraw li Malta toħroġ mil-lista kemm jista' jkun malajr. Pero, iva, ejja inħarsu lejn it-tort ukoll. Il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa ma bdewx malli tela' l-Partit Laburista fil-Gvern. Evażjoni tat-taxxa dejjem rajna, anzi hija prattikament xi ħaġa li f 'diversi oqsma neħduha bħala n-normalità. Il-ħasil ta-flus l-istess, ma bediex ilbieraħ. Dejjem kien hawn nies, speċjalment negozjanti b'intenzjonijiet malinni li jużaw negozji f 'pajjiżna biex jaħslu l-flus. Ir-riformi kollha li saru fl-aħħar sena u nofs biex ikun miġġieled il-ħasil tal-flus, mil- livell ta' ħanut li qed joffri servizz/prodott u li ma jistax jaċċetta pagamenti kbar fi flus kontanti sa bidliet f 'istituzzjonijiet u miżuri ħafna aktar stretti ta' sigurtà, anke fl-ajruport - huma notevoli, tant li l-Moneyval u l-FATF stess jirrikonoxxu kemm sar progress. Dawn ir-riformi kollha jfisser xogħol u bidliet li saru mill-Gvern ta' Robert Abela u li ma sarux, la mill-Gvern immexxi minn Joseph Muscat u lanqas minn Gvern Nazzjonalista qabel. Jiġifieri jekk xejn il-bidliet meħtieġa li messna ilna li implimentajna, illum qed isiru. U dan għandu jkun rikonoxxut. Imma dan waħdu mhux soljev biżżejjed. Jibqa' fatt li minkejja li ħasil ta' flus, korruzzjoni u evażjoni tat-taxxa dejjem kien hawn jekk mhux lampanti, f 'xi każi wkoll - akkużi relatati ma' dawn ir-reati qatt ma laħqu l-ogħla livelli fil-poter daqs is-snin bejn l-2015 sal-2020. U allura l-Panama Papers u l-fatt li tnejn mill-aktar nies b'saħħithom fil-pajjiż fetħu kont f 'ġurisdizzjoni maħmuġa u ta' segretezza qatt ma messha ġiet aċċettata. Imma mhux talli ġiet aċċettata, talli Keith Schembri u Konrad Mizzi sabu l-appoġġ ta' magna propogandistika b'saħħitha u saħansitra tal-Prim Ministru ta' dak iż- żmien. U allura jekk Keith u Konrad jiħu kumpaniji - magħmulin biex issir evażjoni tat-taxxa (għax kieku kienu onesti kienu jiħu kontijiet Malta!) u jsibu l-protezzjoni, Ċikku, Peppi u Mary għaliex għandha tiddejjaq milli tevadi jew ma tħallasx taxxa hi ukoll? Qed nimu x'messaġġ ikrah bgħatna? Qed nimu kemm saret ħsara meta dan il-pajjiż kellu tnejn minn nies taħt dell tqil, li mhux talli warrabnihom, talli ħafna qabżu għalihom? Allura ħażin li spiċċajna fil-Lista l-Griża u ladarba l-Moneyval stess qalet li konna għamilna progress qawwi, aktar u aktar ma messniex qegħdin f 'din il-lista. Pero bir-rispett kollu, il-Gvern ta' Muscat ma għinx lilu nnifsu u lil Malta meta żamm lil tnejn minn nies f 'posthom minkejja l-kumpaniji fil-Panama u r-rabtiet dijaboliċi tagħhom ma' 17 Black - li jekk ma tridx sidha qed ikun akkużat bl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia! Biex tkompli tgħaxxaq fl-istorja ta' dan l-assassinju - li għamel ħsara enormi lill- pajjiżna - jiġu implikati eks uffiċjali tal- pulizija dwar informazzjoni li allegatament għaddiet għand dak u għand l-ieħor. U jiġi implikat eks Ministru (Chris Cardona) wkoll, biex ikollna dik iċ-ċirasa fuq il-kejk. Biex tkompli tgħaxxaq il-Kap kurrenti tal-PN kien investigat u mwissi mid- Dipartiment tat-Taxxi li ma ħallasx it-taxxa dovuta għal snin sħaħ - madwar 12-il sena - u tella' kont ta' madwar €62,000 f 'taxxa u VAT mhux imħallsa. Xi ħaġa li sirtu tafuha, mhux għax iddikjaraha hu, imma għax kixfitha din il-gazzetta! Bernard Grech mhux eżattament l-aktar persuna kredibbli fuq l-evażjoni tat-taxxa! Il-programm ta' ċittadinanza, l-istess. Huwa tajjeb għall-but tal-pajjiż u ġġenera l-miljuni, li uħud minnhom marru għal kawżi ġusti u dan huwa sewwa u xieraq. Imma skużi, ma jistax ikun inbiegħu l-passaport Ewropew (għax ta' Malta huwa awtomatikament Ewropew) lill-ikbar irmixk, sempliċiment għax għandhom il-flus u nippretendu li ħadd ma jgħid xejn. Huwa ovvju li fuq Malta kien ser isir skrutinju qawwi. Imma nofs dan l-iskrutinju qawwi ġibnieh b'idejna aħna stess! Aħna tajna dik l-qasba metaforika lill-kompetituri tagħna biex isawtuna biha! U kull darba li qgħadna fis-silenzju, kull wieħed u waħda minnha - inkluż forsi dan l-editorjal ukoll, għax l-ILLUM ma tilgħabhiex tal-oraklu - meta saru l-iżbalji, konna konxjament jew inkoxjament qed niktbu l-istorja u nfasslu dak li ġara din il-ġimgħa. Bil-Malti inħobbu nużaw l-espressjoni 'paxxejthom'. U hekk għamilna f 'Malta! Lil min irid jagħmlilna l-ħsara, lil dawk il-pajjiżi li jaraw blata fil-Mediterran qed toħloq il-ġid, tattira l-investiment, toħloq ix-xogħol u tiġri 'l quddiem f 'ħafna aspetti - fosthom tal-Covid-19 - paxxejnihom! Għax tajnihom l-għodda kollha li hemm bżonn biex meta jasal il-waqt ibambluhulna! U paxxejnihom b'dak li għamilna hawn, pero wkoll u b'dispjaċir ngħiduha, b'kampanja ċara u sistematika biex iktar titrewwaħ l-idea u l-perċezzjoni li aħna xi Mogadishu fil- Mediterran. Fuq quddiem esponenti tal-PN - u bħalma l-poplu qed jieħu kont ta x'għamel il-Gvern, qed jieħu kont ukoll dwar x'qed tagħmel l-Oppożizzjoni! Imma nħallu t-tort warajna għax issa mhux iż-żmien tat-tfigħ tat-tort, għax min it u min aktar - ta' kulħadd it-tort, inkluż ta' dak, dik jew dawk li ma jħallsux it-taxxa dovuta u jduru mas-sistema biex ma jħallsux dak dovut! U s-sistema tippermettilhom! issa ż-żmien li naraw x'għad fadal isir, pero naraw ukoll li l-politiċi tagħna jkunu kontabbli lejn il-poplu, trasparenti u onesti. U naraw li jekk xi darba oħra jkollna politiċi li jinqabdu jagħmlu dak li mhuwiex sew, mhux biss jitneħħew pero jsibu lill-poplu jikkundannahom. Li dħalna fil-lista l-griża tal-FATF mhux l-aħħar tad-dinja, għalkemm hija xi ħaġa ħażina. Tkun l-aħħar tad-dinja jekk dħalna f 'din il-lista u mhux talli ma nagħmlu xejn biex noħorġu, talli nippersistu x'ċerti prattiċi li mhumiex xierqa. Lil min irid jagħmlilna l-ħsara, ma npaxxuħx aktar! Paxxejnihom!

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 27 June 2021