Illum previous editions

ILLUM 1 August 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1398271

Contents of this Issue

Navigation

Page 27 of 27

IL-ĦADD 1 TA' AWWISSU 2021 • illum aħbarijiet 'Kulħadd dera bla impenn ... nibżgħu li l-bandisti jnaqqsu s-servizzi tagħhom' Sentejn bla festi mhux ċajta. Il-bandisti filli kien ikollhom sajf ippakjat servizzi u filli sabu ruħhom bla impenn ta' xejn. Kien hemm min ħass dan in-nuqqas imma oħrajn qed iħossuhom komdi jgawdu s-sajf. Dan x'riperskussjonijiet se jkollu fuq il-festi u l-każini? YENDRICK CIOFFI Xi kwiet. Ħlief għal xi ftit pavaljuni u erba' fustuni, sakemm ma tidħolx fil- knisja, lanqas tinduna li raħal ikun qed jiċċelebra l-festa. X'differenza mis-soltu! Kuljum għandek fejn tmur, daqqa marċ f 'lokalità, daqqa spettaklu tan-nar f 'ieħor u daqqa xi programm mużikali fuq xi planċier li trid seba' għajnejn biex tammirah. Din is-sena kollox baqa' sieket u dan meta suppost ninsabu fl-aqwa tal- istaġun tal-festi. Fl-aħħar jiem il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' bandisti li għalkemm tkellmu dwar id- dispjaċir tagħhom li l-festi mhux isiru, mill-banda l-oħra insistew li għall-ewwel darba, is- sena li għaddiet u din is-sena, qed igawdu s-sajf. "Qabel lanqas kont naf x'jiġifieri sajf. Drajt immur il-baħar." qal wieħed mill- bandisti mal-ILLUM. Dwar dan, il-gazzetta tkellmet mal-Viċi President tal- Għaqda Każini tal-Banda u l-President tal-Għaqda Mużikali Marija Assunta tal-Gudja, Omar Xuereb. "It-tħassib tagħna huwa li l-bandisti se jnaqqsu s-servizzi tagħhom. Mhux se jibqgħu jaċċettaw li jkunu impenjati bħal sjuf oħra. Kien hemm bandisti li jdoqqu mit-Tnejn sal-Ħadd. Se nbatu biex insibu l-bandisti," ikkonferma Xuereb. Kompla jisħaq li wieħed jistenna li malli jerġgħu jibdew isiru l-festi u jiżdiedu l-marċi, il- bandisti se jibdew jagħżlu liema servizzi jaċċettaw u liema le. "Mhux se jagħmlu bħal qabel u jaċċettaw kull servizz li jissejħu għalih," kompla jisħaq. "Kulħadd irilassa. Il-familji tal-bandisti ħadu gost li fi tmiem il-ġimgħa qed ikunu aktar flimkien." Mistoqsi x'qed isir biex il- bandisti jinżammu okkupati, Xuereb irrefera għal dak li qed jagħmel hu u l-Kumitat tal- Għaqda Mużikali li jmexxi. Insista li biex iżommu lill- bandisti tal-post (il-bandisti li jkunu ħarġu min każin tal-banda partikolari) motivati u okkupati, qed jorganizzawlhom diversi affarijiet, inkluż sessjonijiet onlajn. "Mhux kull soċjetà mużikali l-istess. Ikollok bandisti, li jiena nsejħilhom tal-partit, li jibqgħu akkost ta' kollox. Imma jkun hemm oħrajn li l-interess tagħhom ma jkunx qawwi," kompla jisħaq. Insista li l-Għaqda Każini tal- Banda kellha laqgħat ma' kull soċjetà mużikali u din kienet waħda mit-tħassib li l-aktar qajmu magħha. "Ma nistgħux ngħidu x'se jkun eżatt l-effett għax għalissa l-festi mhux isiru. Imma kulħadd qed jibża'," insista Xuereb. Kompla jgħid li anke qabel il-pandemija kienet diffiċli biex Għaqda Mużikali ssib il-bandisti tant li biex jgħaqqdu banda għal servizz, kienu jaħsbu minn kważi sena qabel. Fi kliemu, wara l-pandemija dan se jkun qed isir dejjem iżjed diffiċli. 'Bla dubju se jiżdiedu l-ispejjeż...' Mistoqsi x'jaħseb li jistgħu jkunu r-riperkussjonijiet fuq il-festi, Xuereb insista li bla dubju se jiżdiedu l-ispejjeż. "Il-bandist flok jitolbok €30 jibda jitolbok €50 għax jgħidlek ma hawnx minn fejn tagħżel," insista. Madanakollu, l-Għaqda Każini tal-Banda bdiet taħseb ukoll biex tagħmel il-ħajja tal-soċjetajiet mużikali aktar faċli. Fil-fatt, fuq is-sit tagħha ħolqot sistema fejn il-bandisti jistgħu jirreġistraw isimhom. Is- segretarji tal-każini għandhom aċċess għaliha u jkunu jistgħu jużawha biex jaraw jekk hemmx bandisti disponibbli fil-ġranet li huma jkollhom bżonnhom. Fi kliemu, din tagħmilha faċli għax tgħin lill-każini tal- banda biex isibu aktar bandisti, partikolarment dawk ġodda u li ma jkunux għadhom jafu bihom. Saħaq li dan se jkun qed jgħin ħafna partikolarment f 'dawk il-ġranet fejn il-bandisti jkunu l-aktar impenjati u li għalhekk ikun aktar diffiċli għas-soċjetajiet li jsibu bandisti disponibbli. "Għadna fil-bidu tagħha imma qed jiżdiedu l-bandisti li qed jirreġistraw fiha," spjega. 'L-ispejjeż żdiedu, id-dħul naqas u hemm każini li spiċċaw bla bar' Komplejna nitkellmu fuq l-ispejjeż li qed jiffaċjaw is- soċjetajiet mużikali u jekk jifilħux iżidu l-ispiża tagħhom. "Biex tgħaqqad banda diġà kienet tinvolvi ħafna spejjeż imma issa se nħossuha aktar għax id-dħul naqas," kompla jispjega l-Viċi President tal- Għaqda Każini tal-Banda. Fil-fatt insista li diversi każini tal-banda spiċċaw mingħajr persuni biex imexxulhom il-bar, anke għax dawn telqu jew ma ġeddewx il-kuntratt sakemm il- każini kienu magħluqa. "Din ukoll problema. Hemm membri tal-kumitat li qed jispiċċaw imexxu l-bar jew inkella soċjetajiet li jikru l-bar b'xejn. Mill-bar u l-kirja ddaħħal ħafna mill-ispejjeż inkluż tal- bandisti," kompla jispjega. "Dan apparti li naqas il-ġbir, ir-reklamar u anke l-attivitajiet tal-fundraising għax trid ħafna permessi u applikazzjonijiet." Insista wkoll kif minkejja li d-dħul naqas drastikament, is-soċjetajiet mużikali għad għandhom diversi spejjeż. Fakkar kif it-tagħlim tal-mużika għadu għaddej. "Illum mhux surmast wieħed ikollok jgħallem. Ikollok tlieta jew erbgħa. Mhux se jitħallsu bħal 20 sena ilu. Illum huma professjonisti u jitħallsu ta' professjonisti," kompla jispjega. 'Mhux mill-bandisti biss se nbatu' Fid-dawl ta' dak kollu li tkellimna dwaru, dawwarna ħarsitna lejn il-festi. L-ILLUM tistaqsih x'se jkunu r-riperkussjonijiet fuq il- festi, bi Xuereb itenni li l-għadd ta' nies u voluntiera se tkun l-akbar problema. Insista li bħall-bandisti, hemm voluntiera tal-festa li wkoll ħassewhom komdi mingħajr impenn. "Din diġà bdiet tinħass," insista. 'Kulħadd se joħroġ bi ħġaru anke jekk b'inqas nies' Madanakollu insista li għalkemm il-festi fadlilhom biex jerġgħu jsiru kif kienu jsiru qabel, il-festi mhux se jmutu għax fi kliemu, in-nies iħobbuhom u jkunu qed jistennewhom. "Jiena naraha minn din is-sena. Għalkemm il-festi mhux isiru bħas-soltu, qed jintrama xi drapp u dwal. Is-sena l-oħra konnha fl- istess sitwazzjoni u ħadd ma rama xejn," kompla jisħaq. Saħansitra qal li tant hawn ħeġġa u għatx li meta l-festi jkunu jistgħu jerġgħu jsiru, id- dilettanti ta' vera se joħorġu aktar b'saħħithom biex jesponu x-xogħol li baqgħu jaħdmu fuqu u li għadu ma deherx. "Nemmen li l-ewwel festa kulħadd ħa joħroġ bi ħġaru anke jekk b'inqas nies," insista. 'Inżommu saqajna mal-art u mal- limitazzjonijiet' Kien hawn li Xuereb temm jappella lill-każini tal-banda biex iżommu saqajhom mal-art. "Ikun hemm każin li jkun irid jagħmel bħall-każin li miegħu jikkompeti," insista. "Irridu nżommu l-limitazzjonijiet tagħna. Ħafna każini jieħdu ħsieb l-aspetti kollha tal-festa u mhux il- banda biss. Dawn iridu joqgħodu aktar attenti. Ma nesaġerawx. Ma nippretendux li se niġbru l-ispejjeż. Xorta nemmen li l-festi mhux se jmutu u mal-ewwel okkażjoni se jkollna spettaklu kbir ta' festi," temm jisħaq. Omar Xuereb

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 1 August 2021