Illum previous editions

ILLUM 22 August 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1403837

Contents of this Issue

Navigation

Page 24 of 27

25 kultura illum • Il-ĦADD 22 TA' AWWISSU 2021 Fatti ċari dwar Dun Mikiel Xerri CHARLES XUEREB Meta wieħed jikteb dwar fatti storiċi hu importanti li jagħmel dan b'mod l-aktar kredibbli wkoll jekk diffiċli twassal verità sħiħa fuq ħwejjeġ li jkun għadda ż-żmien fuqhom. Dan jista' jsir billi l-istoriku joqgħod fuq l-aħħar riċerka u jwassal il-fatti kollha. L-ommissjoni tfisser tbagħbis li spiss isir għal skop ta' ħabi jew tnessija ta' xi parti mill-verità. Dan it-tbagħbis sar fil-wisgħa minn kittieba Ingliżi u oħrajn Maltin li kitbu fuq il-perjodu Franċiż f 'Malta (1798-1800). Kull min joqgħod biss fuq riċerki ta' dan it- tip li xajtnu lill-Franċiżi, ma jkunx preċiż. Meta dan jiġri llum, spiss ikun minħabba nuqqas ta' riċerka sewwa jew sorsi distorti. Kontra qalbi jkolli ngħid li fl-artiklu ntitolat 'Long live Malta' – l-aħħar kliem ta' qassis, eroj u għalliem' miktub minn Patri Herman Dunċan, Karmelitan (ILLUM 8 t'Awissu) tħallew barra għadd ta' fatti pertinenti li jitfgħu dawl fuq l-imġieba tas-saċerdot Dun Mikiel Xerri, meqjus patrijott minn bosta. It-titlu bl- Ingliż ukoll stramb. Ngħidha mill-ewwel, ħadd ma jneħħi l-att kuraġġjuz li Dun Mikiel u sħabu iffaċċjaw meta ġew xkubettjati wara ġuri wara li nqabdu jikkonfoffaw biex iwaqqgħu l-gvern f 'żona ta' gwerra, fejn tradiment jiġi kkastigat bil-mewt. Dan ġara wkoll matul it-Tieni Gwerra Dinjija meta ġie mgħallaq Carmelo Borg Pisani mill-Ingliżi għax emmen li Malta postha mat-Taljani. Ngħaddi għal xi fatti ċari li tħallew barra mill-artiklu msemmi fuq Dun Mikiel. Konfoffa bl-anqas appoġġ Dun Mikiel daħal għall-konfoffa mal- kursar Malti Guglielmo Lorenzi, aġent u kaptan tal-marina Russa li ġie ppremjat miż-Żar għas-sehem tiegħu militanti għar-Russja fil-Mediterran. Meta daħal għal dar-riskju kbir, li jipprova jiaħ il- bieb ta' Marsamxett f 'Jannar tal-1799, għal mijiet ta' raħħala, naħseb il-qassis- filosfu kien konxju li kien daħal ukoll responsabbli għal ħajjithom. Ma ninsewx li r-Russja kellha ehim li qatt ma seħħ mal-Granmastru biex jużaw b'mod esklussiv il-Port il-Kbir u jħallsu somom kbar lil Malta. Bonaparti sfratta dal-ehim meta ġie. Ma jidhirx li kien hemm xi appoġġ kbir għall-pjan ta' Lorenzi-Xerri minn sħabu fil-kampanja tant li għajr għan-negozjant Ċensu Borg Brared ta' Birkirkara ma bagħtulux nies. Il-kanonku Franġisku Saverju Caruana, bħalu Żebbuġi, l-akbar negozjant tal-qoton fil-pajjiż u 'ġeneral' tal-insurezzjoni, ma tahx appoġġ materjali. Anzi wara li Dun Mikiel u sħabu nqabdu - stqarr mal-Kummissarju Brittaniku Alexander Ball li mnalla l-konfoffa ma rnexxietx għax Lorenzi u Xerri kienu lesti jtellgħu l-bandiera Russa fuq il-Palazz. Mela Dun Mikiel kien jaf li qed jeħodha mhux biss kontra l-Franċiżi iżda wkoll kontra s-sentimenti ta' sħabu fil-kampanja li diġà kienu qed igawdu minn sostenn Brittaniku. Kurjuża kif il-mexxejja ta' dawk li kienu kontra l-Franċiżi dak iż- żmien għażlu – ovvjament biex iħarsu l-privileġġi tagħhom – li jagħmlu alleanza mal-Ingliżi li huma Protestanti jew mar-Russi li huma Ortodossi minflok li jħaddnu 'id-demokrazija tal-ugwaljanza' tal-Franċiżi Kattoliċi bħalhom. Raħħala mġewħa u mhux imħarrġa Fatt ieħor li tħalla barra mill- korrispondent huwa dwar l-imsejkna raħħala li bagħat Brared u li bosta minnhom tilfu ħajjithom jew għax għerqu meta nqabdu Marsamxett jew għax ġew milquta mis-suldati Franċiżi li qabduhom jew għax ġew iffuċillati wara l-ġuri. Nafu li biex instabu dawn ir-raħħala – li niakru diġà kienu bdew ibatu l-ġuħ għax kienu ħallew xogħolhom għal xhur sħaħ biex jimxu wara l-qassisin politiċi li mexxew l-inseruzzjoni flimkien ma' negozjanti u nobbli mill-Imdina – l-Ingliżi kellhom iwegħduhom impieg mal-gvern, flus u l-bottin jekk l-attakk jirnexxi. Dawn l-imsieken tant ma kinux ippreparati għal dan ir-riskju, li nqabdu f 'Jannar tal-1799 tort tagħhom għax awl il-lejl tal-azzjoni miehma xħin raw dgħajsa bil-fizzjal Franċiż Roussel sejra minn Marsamxett għall-Gżira Manoel bdew ixejjrulhom għax ħasbuhom xi ħbieb li kienu ġabulhom xi ħaġa biex jitrejqu f 'dak il-bard. Terġa' u tgħid dak in-nhar il- Franċiżi kienu qed jiċċelebraw is-suċċess ta' xini li minn Franza kien ġabilhom iżjed provvisti. Lorenzi fil-fatt kien diġà qed jittutiba mill-pjan oriġinali. Huwa fatt li Dun Mikiel ma kixef lil ħadd iżjed. Il-Franċiżi saru jafu min huma l-mexxejja tal-kumplott mill-Malti Satariano li talab il-maħfra biex jagħti tagħrif fuq il-kumplott, bħalma għadu jiġri sal-lum. Tassew li dan ħaseb għal rasu imma huwa sinjal ieħor li dal-Malti, meqjus traditur, ma kellu ebda idejal u tħejjija patrijottika – bħal bosta mir- raħħala l-oħra – meta aċċetta jidħol għal tabxa bħal din. Saċerdoti politiċi jiġġieldu għall- privileġġi Riflessjoni oħra hija fuq ir-rwol tal- qassisin f 'dan kollu. Dun Mikiel kien wieħed biss min-numru ta' saċerdoti li ma kienux komdi bir-republikaniżmu tal- Franċiżi. Tant li fil-Kungress tal-Gwerra li beda jmexxi Ball fl-1798 kontra l-Franċiżi, 12 minn 20 membru kienu qassisin, ulied in-negozjanti, fosthom għadd ta' kappillani. Ma ninsewx li dak iż-żmien il-kappillani kellhom bosta privileġġi materjali – renti, artijiet, investimenti, negozji – li fl-istil tal-gvern il-ġdid intebħu li ma kienx se jkun hemm iżjed posthom. Fil-fatt malli ġew l-Ingliżi dawn tawhom il-privileġġi lura, nasba pulita biex l-Ingliżi jiksbu ħabib fis-suq fuq il-fidili Maltin. Madankollu mhux il-knisja kollha kienet ta' din il-fehma. L-Isqof Naplitan Labini mhux biss kien ikkopera mal- Franċiżi u baqa' l-Belt tul l-imblokk kollu talli ma daħalx għal Dun Mikiel u sħabu quddiem il-Ġeneral Vaubois għax intebaħ li jekk jagħmel dan kien ikun qed jimplika lill-Knisja Maltija f 'kwistjonijiet politiċi- militari li hu b'tant għaqal għaraf jevita għal sentejn sħaħ. B'daqshekk Labini ma kienx xi traditur. Tant li meta wara li telqu l-Franċiżi, elementi fil-kurja u l-Ingliżi ppruvaw jixluh Palermu, fejn kienet id- djoċesi, ma nstabx ħati u baqa' f 'postu sa ma miet fl-1807. Massakru bestjali l-Imdina Ta' min jgħarraf lill-qarrejja wkoll li l-kaptan Lorenzi kien fin-negozju tax- xiri u l-bejgħ tal-ilsiera u għalkemm m'għandniex dokumenti fuq kemm ġab merċenarji għall-qawmien tar-raħħala fil- kampanja d-dubju jibqa' hemm. Dan qed ngħidu għaliex meta beda l-irvell l-Imdina f 'Settembru tal-1798, għadu misteru sal-lum kif 'il-Maltin' immassakraw bestajlment lil 60 suldat Franċiżi, ħarġulhom imsarinhom u sajjru l-fwied tagħhom u kieluh, barra li temgħuh ukoll bil-fors lill-Maltin li kienu jafu li jissimpatizzaw mal-Franċiżi, qabel qatlu lil dawn ukoll. Hemm ħafna iżjed x'jingħad imma nemmen li dan hu biżżejjed biex wieħed ipoġġi f 'perspettiva aktar ċara f 'liema kuntest qassis Żebbuġi fil-Belt Valletta waqt l-imblokk ħa riskju tant kbir u għal skopijiet politiko-reliġjużi-privleġġati tiegħu u ta' saċerdoti oħra poġġa f 'periklu imminenti l-ħajja ta' raħħala injuranti u bla taħriġ militari f 'kumplott tant dubjuż. X'tip ta' patrijottiżmu kien dan? Min jixtieq isir jaf iżjed fuq dawn l-aspetti tal-perjodu tal-Franċiżi nirrikmandalu jaqra l-ktieb tiegħi France in the Maltese Collective Memory, Perceptions, Perspectives, Identities aer Bonaparte in British Malta li l-Università ta' Malta għad kemm ħarġet it-tielet edizzjoni tiegħu. Meta tkun taf l-istorja sħiħa tista' tagħmel ġudizzju aħjar.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 22 August 2021