Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1405697
K ien għadu qed jisbaħ. Ix-xemx kulur il-larinġ tas-sajf kienet għadha kemmxejn baxxa. Is-sema kienet ċelesti u ma kienx hemm sħaba waħda. Kien għadu kemm mexa kuritur twil bil-madum kulur il-kafe mħallat bil-ħalib b'xi biċċiet minnhom kemmxejn imxellfin. Il- ħajt tal-kuritur kien għadu qatt ma għadda minnu qabel imma kien biż-żebgħa bajda bħall-kurituri l-oħra kollha ta' hemm ġewwa. Beda jħoss iż-żarbun bil-lazz imgerrem tqil mal-art. Saqajh donnhom bdew jogħtru bih. Lanqas biss ried jemmen. Forsi din kienet xi ħolma. Kerha jew sabiħa? Lanqas hu stess ma kien jaf. U għal mument, tagħtu rasu u dar iħares lura, iħoss griżmejh imwaħħlin mal-istonku tiegħu u ra lill-gwardjan b'nofs tbissima jħares lejh. Il-ħsejjes tal-priġunieri l-oħra ma kienux għadhom jinstemgħu. Imma kienu ser jibqgħu jidwu f 'widnejh. Kien ser jibqa' jiakarhom kollha. U f 'mument wieħed, donnu beda għaddej film mgħaġġel minn quddiem għajnejh. Graziella. Bews misruq. Taħt is-siġra. Missierha Ġanni. Il-ħars akkużanti. Għajjat. Pulizija. Qorti. Aktar pulizija. Gazzetti. Ommu tħares lejh u tibki. "Ibni, x'għamilt ibni?" leħen ommu kien għadu jidwi f 'widnejh f 'dik l-awla kiesħa silġ qalb nies li kienu qegħdin iħarsu lejh b'mod strett. Kienu semgħu verżjoni waħda. Il-verżjoni tagħha. Graziella. Kien għadu qed iġorr ir-ritratt tagħħha fil-but tal-qalziet. Kienet għadha kważi tifla fir- ritratt. U hu. Hu kien għadu daqxejn ta' ġuvnott ħelu meta kien daħal hawn ġew. "Int ma toħroġx ħaj minn hemm ġew." Ġanni. Missierha. "Minn kollox nagħmel. Nieħu ħsiebek jien! Issa tara!" Għalkemm l-ilħna tal-priġunieri matul il-ġurnata kienu jimlewlu t-tambur ta' widnejh, billejl kien jaqa' skiet taqtgħu b'sikkina. U kien jerġa' jisimgħu. U l-lejl ta' wara. U anke ta' wara. L-iljieli kollha. "Ma terġax tkun ma binti! Ja maħmuġ!" Fil-bidu kien jgħaddi l-iljieli jibki fuq is-saqqu kemmxejn irqaq milli suppost, f 'ċella iżgħar milli suppost u kważi bla ikel fl-istonku għax kien għamel f 'qalbu. Mhux għax kien hawn ġew. Le, mhux għalhekk. Imma għax kienet għaddiet ta' Ġanni. Kien irnexxielu jifridhom! U hi kienet xehdet kontrih. Ġo awla mimlija nies, kien qagħad jisma' l-verżjoni tax-xhieda tagħha li kienet tat f 'kamra oħra, waħedha mal-avukata tagħha, bil-maġistrat jistaqsiha domandi dettaljati. U l-awla kienet żgumbrata minn nies minħabba n-natura tad- domandi. "Jien nibqa' nħobbok għal dejjem Graziella," kien qalilha b'leħen maħnuq hekk kif il-pulizija mmanettjawh. Kien raha tħares lejh minn taħt. Ra xuejha vjola. Għajnejha mdemmgħin. Imma għaliex? Għaliex Graziella għamiltli hekk, kien jistaqsi lilu nnifsu ta' kull filgħaxija hekk malli kien iħares lejn l-ikel fil-ħabs. "Nibqa' nħobbok għal dejjem, Graziella," kien joqgħod jgħid waħdu fiċ-ċella. "Inħobbok, Graziella," kien ilissen minn taħt l-ilsien fil-grawnd fejn kienu joħorġu għall-frisk. Iżda r-ritratt, aktar ma beda jgħaddi żmien aktar beda jiffejdja. Il-kantunieri tiegħu ttieklu. Il-kuluri ġew matti u telqu għal kollox. Issa ma kienx għadu jagħmel sens. Imma kienet għadha hemm fuqu. Fil-ħsibijiet tiegħu. Kienu għaddew ħafna snin. Lanqas kien jaf eżatt kemm kien ilu hemm. Ommu kienet waqfet tmur tarah. Imbagħad kien ġie kuġinuh jgħidlu li kienet ħalliet din id-dinja imma ma kinitx talbet biex tarah. Ma kienx jaf għalfejn. Forsi kienu mlewha kontrih ukoll. Sħabu kienu ilhom li nsewh! Kollha kemm huma. Kulħadd kien medi f 'xogħlu. Kulħadd kien impenjat. U hu. Hu kien qed jgħix flimkien ma' dak ir-ritratt iffejdjat għal dawn is- snin kollha minsi mid-dinja. Imma l-ġranet gerrbu. Ix-xhur. Snin. U aktar snin. U issa kien qiegħed hawn. Kienet waslet dik il-ġurnata li joħroġ. U eżatt malli l-gwardjan ħaffef kemmkemm ħalli jaqbżu, resaq lejn bieb tqil, għafas buttuna u l-bieb beda jitbexxaq waħdu. "Liberta." Il-kelma ġiet fuq fommu waħedha. Għafas il-basket ta' ħwejġu ma' sidru, forsi għax kien eċċitat, forsi għax kellu aptit jerġa' jdur lura għal hemm ġew jew forsi għax ma kienx jaf kif kellu jġib ruħu. Il-gwardjan taptaplu fuq spallejh. "Il-bambin miegħek, Twanny," qallu b'leħen imqit. Twanny għamel l-aħħar pass u ħass ir-raġġi fietla tax-xemx imissu ma' xagħru folt iswed, jidwu fuq spallejh u wiċċu bilmod. Bexxaq għajnejh għax id-dawl ta' barra ħasadhom. U kien propju dak il-ħin li sema' l-bieb warajh jingħalaq b'tisbita. Il-basket waqgħalu fuq il- bankina kbira li kien qiegħed fuqha. Bexxaq xuejh mimlija u kixef snienu. Leħnu nstema' jidħaq. Imma d-dmugħ kien nieżel iġelben minn ġo għajnejh, iċarċar sa' fuq il-flokk aħmar li kien liebes. Beda jidħaq jgħajjat qisu għafrid li telaq minn moħħu, jaqbeż 'l fuq u 'l isfel fuq il-bankina mingħajr ma kien ċert x'kien qed jagħmel, b'idejh miuħin beraħ donnu qiegħed itir, minn naħa għall-oħra tal-bankina. U kien qed jibki. Imbagħad waqaf zobtu. Kien ċert li jekk kien jarah xi ħadd hemm barra, kien jagħmillu rapport u malajr jerġgħu jiġu għalih. U kien jibża' minn kollox. Kien qed jibża' mill-ħajja li kienet qiegħda tistennieh. Kien qed jibża' minn nies. Mill-gideb u l-mibgħeda. U mmaġinaha ġejja lejh. Kienet għadha tifla eżatt kif kien jaa hu. Immaġina r-raġġi tax-xemx fuq xagħarha qastni, b'għajnejha żoroq ileqqu bil-ferħ hekk kif kienet tarah. "Graziella," sema' leħnu jgħid bilmod. Imbagħad niżel, ġabar il-basket, mesaħ id-dmugħ u telaq bilmixi lejn daru. Ma tantx kien hemm bogħod. U kellu aptit jimxi. Hekk malli l-ħabs kien wasal f 'tarf it-triq, dar iħares lejh għall- aħħar darba. Hu ma rax bini kbir, b'ħajt daqsiex, imdawwar b'wajer ixewwek fin-naħa ta' fuq tiegħu mad-dawra kollha. Hu ma rax il-kanċell kbir tal- ħadid li kien jifred il-bini mid- dinja ta' barra. Iżda ra l-uċuħ wara ċ-ċelel, għal mument sema' l-ħoss taż-żarbun tal-gwardjan xħin kien jagħlaqlu l-bieb taċ-ċella, xamm ir-riħa familjari li tant kien dara u l-ħsejjes ta' nies iddisprata. U ħaffef il-pass. Ried iħalli kollox warajh. Il-passat. Il-passat kien ser iħallih 'il bogħod. U qagħad iħares lejn id-djar. Kien jiakar. Għalkemm kien għadda ħafna snin ġewwa, kien għadu jiakar it-triq u ssorprenda ruħu bil-bini ġdid li kien inbena. Kemm kienet inbidlet id-dinja! Tgħid............... Imma aħjar ma jaħseb xejn. Probabilment kieku kellu jerġa' jaraha, lanqas biss kien jagħraa. Graziella. Graziella tiegħu. Tgħid kienet iżżewġet? Tgħid kienet għadha waħedha? U akar f 'dawk is-snin kollha li kien għamel hemm ġew minħabba fiha. "Għidli, Graziella, din akkuża serja............" kien qalilha l-maġistrat b'għajnejh imberrqin. "L-imputat Twanny Cassar għamel dawn l-atti żienja kollha illi inti qiegħda tgħid?" U kienet għamlitlu iva b'rasha. "Mhux nisimgħuk........." "Iva." 23 rakkont illum • Il-ĦADD 29 TA' AWWISSU 2021 Ħati (L-ewwel parti minn erba') Sharon Calleja