Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1416374
08 analiżi IL-ĦADD 3 TA' OTTUBRU 2021 • illum M'ilhomx ħafna dawk ix-xeni ta' għajjat, tgħajjir u ġlied quddiem id-Dar Ċentrali. Lanqas ma ilha r-rebħa kbira li għamel Bernard Grech, li ħalliet minoranza voċifera fil-PN diżilluża. Il-gazzetta ILLUM tanalizza l-ewwel sena ta' Grech bħala Kap tal-PN... Bernard Grech SENA WARA GĦAMEL DIFFERENZA GĦALL-PN? ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Bħal dawn il-jiem sena ilu, il- Partit Nazzjonalista kien ħiereġ minn taqbida taħraq li ħallietu xi it jew wisq mifrud u maqsum, bejn dawk il-maġġoranza tal- membri - u allura dawk li xtaqu l-bidla - u minoranza voċifera ta' tesserati li ħassew illi Adrian Delia kellu jibqa' jmexxi lill-PN, hekk kif kien ingħatalu l-mandat mill-istess membri tliet snin qabel. F'din l-analiżi l-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa lura lejn sena ilu - iddominata minn xeni ta' għajjat, battibekki u tgħajjir - saħansitra lejn Deputati Nazzjonalisti minn attivisti tal-PN stess, meta l-partit deher qed jilgħab max-xifer: Jew isalva, jew jegħreq. U naraw għalhekk fejn il-PN jinsab illum. Pożittiv għal Bernard: Bena element (jew perċezzjoni) ta' għaqda! Oġġettivament żgur illi wieħed ikollu jammetti li minn barra, il- Partit Nazzjonalista llum jidher ħafna u ħafna iktar kumpatt u magħqud, anke jekk xi minn daqqiet iseħħu ċerta affarijiet li juru illi l-għaqda fil-forma assoluta tagħha għadha mhux hemm (jekk teżisti!), u skumdità għad hemm ukoll bejn Bernard Grech u dawk li jappoġġjaw lil Adrian Delia. Minkejja dan u għal krettu ta' Grech - il-PN illum mhu imkien viċin it-taqlib u l-gwerra miuħa fuq il-midja soċjali li kien fiha bħal-lum sena. Kien jinħass li dak li kien għaddej minnha l-PN ma kinitx biss diżgwid intern imma qasma ċara ta' ħsieb, ta' twemmin u probabbilment u sa ċerta punt - jekk tistudja is-sitwazzjoni sew - anke ta' klassi. Fuq naħa dawk li kienu u għadhom jifmuha aktar bħal Repubblika, li xtaqu militanza li ma taħfiriex lill-Gvern Laburista, għal ħafna raġunijiet, l-aktar għax inqatlet Daphne Caruana Galizia u li kienet tara lil Delia bħala fotokopja tal-Labour għal bosta raġunijiet. Mhux l-inqas il-komportament tiegħu, il-fatt li kien ikkritikat minn Daphne Caruana Galizia u anke dawk li kienu jkunu madwaru. Il-fatt li ħadha qatta' bla ħabel kontra Caruana Galizia iktar u iktar ħolqot animożità lejh. U l-parti l-oħra tal-partit li hija ħafna iktar voċifera u li kienet tara f 'Delia il-persuna li qed iressaq lill-PN lejn in-nies, filwaqt li jaraw lil Repubblika, Manuel Delia u anke lil Daphne Caruana Galizia f 'dawl ikrah għax huma "l-establishment", kif wara kollox kien isejħilhom Delia stess. Jiġifieri l-qasma kienet profonda mhux superfluwa. Illum il-PN, wara sena ta' tmexxija ta' Bernard Grech, reġa' rebaħ ċertu sens ta' għaqda, jew għallinqas bena l-perċezzjoni li huwa ħafna aktar magħqud milli kien bħal dan iż-żmien sena. Il-ġlied u t-tgħajjir fuq il-midja soċjali naqas b'mod drastiku filwaqt li dik illi dehret bħala theddida kontinwa għat-tmexxija, b'laqgħat sigrieti u attentati ta' "kolp" fuq l-istess tmexxija naqsu b'mod qawwi ħafna. Naturalment dan is-sens ta' għaqda, veru jew perċeput - li ma ninsewx kienet il-wegħda ewlenija tal-istess Grech - jista' jkun frott diversi fatturi. L-ewwelnett il-fattur ta' Grech innifsu. Jista' jkun li Grech ġab l-għaqda li wiegħed għax in- nazzjonalisti ġenwinament iħossu li dan huwa l-bniedem li kapaċi jagħmel differenza u li kapaċi joħroġ lill-PN mill-isqaq elettorali li jinsab fih. Iżda jista' jkun ukoll li wara l-għejja ta' tliet snin ta' ġlied intern u tgħajjir, ħafna sempliċiment għejjew u qed jaċċettaw is- sitwazzjoni kif inhi għax jafu li f 'dan l-istadju, iktar mistoqsijiet u dubji jistgħu biss iwasslu biex il-partit jieħu aktar daqqiet lura. Allura dawn qishom aċċettaw l-għaqda bħala Hobsons Choice, l-unika għażla reali li għandhom. Negattiv għal Bernard: Is- sondaġġi għadhom juru differenza kbira Mhux daqstant pożittiv għal Bernard Grech huma s-sondaġġi - li kollha (Maltatoday, Times u Marmarà/Torċa) qed juru differenza kbira bejn iż-żewġ partiti ta' aktar minn 10% - li jfisser distakk ta' madwar 30,000 vot jew aktar. Agħar minn hekk iżda, is-sondaġġi jaqblu f 'punt wieħed - jiġifieri li l-potenzjal tal- Labour biex ikabbar in-numru ta' votanti tiegħu huwa akbar minn dak tal-PN. Kif ? F'dak li jirrigwarda fiduċja, id- differenza bejn dawk li jafdaw lil Robert Abela u dawk li jafdaw lil Bernard Grech hija akbar mid-distakk bejn il-partiti. Dan ifisser li hemm diversi persuni li pparteċipaw f 'dawn is-sondaġġi li jafdaw lil Abela, pero' ma wieġbux li jivvotaw PL kieku issir elezzjoni, anke jekk il-fatt li jafdaw lil Abela aktar milli lil Grech probabbilment ifisser li fl-aħħar mill-aħħar jivvutaw Labour. F'Settembru, per eżempju, skont is-sondaġġ li kien ippubblikat fuq il-gazzetta Maltatoday, id- differenza bejn il-mexxejja f 'termini ta' fiduċja kienet ta' 21% aktar, favur Robert Abela - filwaqt li d-distakk elettorali kien ta' 13%