Illum previous editions

ILLUM 24 October 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1421648

Contents of this Issue

Navigation

Page 27 of 27

IL-ĦADD 24 TA' OTTUBRU 2021 • illum aħbarijiet '€1.2 biljun fil-qasam soċjali' imma 'sirna pajjiż tal-konkrit u l-food banks' Il-gazzetta ILLUM tħabbat l-ideat tal- Ministru Michael Falzon u tad-Deputat tal-PN Ivan Bartolo dwar il-Baġit 2022 u kemm dan huwa - jew mhux - soċjali u kemm jagħti piż lill-vulnerabbli... ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Kien hemm diversi gazzetti li l-għada tal- Baġit 2022 iddeskrivewh bħala wieħed "soċjali", aġġettiv li fil-fatt uża l-istess Gvern u kelliema tiegħu biex ifaħħru dan l-istess eżerċizzju finanzjarju. Imma veru dan? U dan baġit soċjali jew baġit tar- rigali qabel elezzjoni? Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, kif ukoll mad-Deputat Ivan Bartolo, kelliem tal-PN għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Faqar. Falzon jibda billi jiddeskrivi l-Baġit bħala "l-akbar baġit" li l-intenzjoni tiegħu hija "li titjieb l-ħajja tal-poplu." Huwa fil-fatt saħaq li dan il-baġit huwa "l-aktar b'saħħtu fejn jidħlu benefiċċji soċjali" li jelenka matul l-intervista, fosthom iż-żidiet fil-pensjonijiet u l-Għajnuna Supplimentari. Mhux tal-istess opinjoni iżda huwa Ivan Bartolo li jisħaq illi taħt Gvern Laburista dan il-pajjiż sar wieħed "tal-konkrit u l-food banks." 1,200 persuna li ma kellhomx pensjoni issa se jibdew jirċievu l-flus Falzon saħaq mal-ILLUM li jekk tħares biss lejn familji bi tfal żgħar il-Gvern estenda l-ħinijiet tas-servizz taċ-child care, fakkar kif il-Gvern żied ukoll diversi mediċini fil- formolarju biex jingħataw mingħajr ħlas, fosthom dawk tal-kanċer u fibromijalġja. Mistoqsi minn din il-gazzetta Falzon jgħid illi hemm żewġ miżuri li - skont hu - jixhdu kemm dan huwa baġit soċjali. L-ewwelnett l-1,200 persuna li sal-lum ma kienu jieħdu ebda pensjoni minħabba li ma kkontribwewx għaliha u li issa se jibdew jirċevuha. Semma' wkoll iż-żidiet fl-għajnuna supplimentari. Persuni miżżewġa jew koppji li d-dħul tagħhom fl-2022 ma jaqbiżx l-€14,318 ser ikunu qed jirċievu żieda fil- benefiċċju li tvarja bejn €3.47 u €6.50 fil- ġimgħa skont id-dħul tagħhom. Intant persuni waħidhom, inkluż romol, li d-dħul tagħhom fl-2022 ma jaqbiżx l-€10,221 ser jieħdu żieda ta' bejn €4.10ċ u €5.00 fil ġimgħa. Huwa qal li din hija miżura li tgħin l-aktar lil dawk bl-inqas dħul. €1.2 biljun fil-qasam soċjali fl-2022 Kien hemm min qal li dan baġit tar-rigali mhux soċjali. Jaqbel il-Ministru? "Ma naħsibx li huwa tar-rigali. Biss, biss jekk wieħed iħares lejn l-amministrazzjonijiet Laburisti u l-Baġits - jara kif miljuni kbar jintefqu fuq dan il- qasam, per eżempju fl-2022 se jintefqu €1.2 biljun fil-qasam soċjali!" Il-Ministru Falzon ifakkar li din hija s-seba' żieda konsekuttiva fl-Għajnuna Supplimentari u hija żieda oħra, ma' diversi li diġà ngħataw f 'baġits ta' dan il-Gvern, fil- pensjonijiet. "Dan jiġifieri qed ngħidu €25 fil-ġimgħa żieda lill-pensjonanti fl-aħħar snin, li €11 minnhom kienu l-COLA u l-bqija - €14 - żieda tal-Gvern." Il-Ministru intant jelenka diversi miżuri oħrajn, fosthom mediċini b'xejn lil dawk ta' aktar minn 80 sena, żieda fl-għotja tal-carer u aktar. Minkejja dan, għad hawn eluf fil-faqar jew fix-xifer tiegħu. Għaliex? Huwa jisħaq illi filwaqt illi huwa veru li hawn eluf li għadhom fil-faqar, kien hemm tnaqqis qawwi f 'dawk li jinsabu fil-faqar sever - jiġifieri li huma l-ifqar. Huwa jgħid illi n-numru ta' dawk f 'faqar sever niżel minn 43,000 fl-2012 għal 14,000 issa. "Fis-sena tal-pandemija rajna l-qgħad ikompli jonqos u llum qed nitkellmu fuq l-inqas livelli fl-istorja," sostna Falzon. Living Wage: 'L-ewwel pass diġà sar' Mistoqsi jekk jaħsibx li wasal iż-żmien biex tkun introdotta l-Living Wage l-Ministru sostna li tajjeb li ssir diskussjoni fuq l-istess binarji ta' dik li wasslet għaż-żieda fil-Paga Minima fl-2017. Imma l-gazzetta tistaqsi: Imma kemm se ndumu niddiskutu? Meta se jsir pass tanġibbli għal-Living Wage? "L-ewwel pass diġà sar għaliex aħna qegħdin inħarsu lejn dawk li jaqilgħu l-inqas. Biss, biss il-pensjonanti illum qed jirċievu €1,313 iktar fis-sena... naħseb differenza għamlu dawn il-flus," itemm jgħid il-Ministru Michael Falzon. 'Ulied, uliedna se jġorru l-piż tad-defiċits' Minn naħa l-oħra l-gazzetta ILLUM tistaqsi lid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo kif jista' jkun li b'elenku twil ta' miżuri l-PN jista' jsejjaħ dan il-baġit wieħed "tal-lum biss." Huwa sostna illi meta tara l-kwalità u anke l-għoli tal-ħajja - speċjalment tal- pensjonanti - u tqabbilhom maż-żidiet mogħtija ma jirriżultax dan it-titjib. "Dan huwa baġit tal-elezzjoni u ulied, uliedna se jġorru aktar defiċit għax dawn il- miżuri se jżidu d-defiċit," jisħaq Bartolo Mistoqsi allura dwar il-proposti tal-PN, Bartolo qal li dawn huma dejjem studjati - inkluż minn persuni teknokratiċi. "Imma ejja nħarsu lejn il-faqar relattiv. Min tmurlu l-washing machine u ma jistax jixtri waħda ġdida u jaħsel b'idejh, min ma jiflaħx iħallas kontijiet tad-dawl u l-ilma..." Bartolo jgħid li bħalissa l-għoli tal-ħajja hija "problema kbira" u jfakkar li hu kien fetaħ food bank fil-Mosta li llum tgħin 70 famija. Isemmi wkoll food banks oħra, fosthom ta' Fr. Hilary li tgħin madwar 250 familja kull sitt ġimgħat u dik tal-Life Network fil- Marsa li tgħin madwar 350 familja wkoll kull sitt ġimgħat. "Hekk sirna aħna. Pajjiżna sar tal-konkrit u l-food banks, fejn il-fqir eskluż," qal Bartolo. 'Dawn ma tawx każ liż-żgħir u lill-fqir' Imma l-prezzijiet tal-qamħ, ġwież u issa anke l-enerġija qed jogħlew internazzjonalment. X'kien jagħmel differenti l-PN kieku jinsab fil-Gvern? Bartolo ma jweġibx b'mod dirett għalkemm jgħid li l-PN nieda strateġija li għandha teradika l-faqar realment. Huwa jisħaq li l-miżuri li ħa l-Gvern huma kollha short-term. Huwa sejjaħ iċ-ċifri li juru tnaqqis fil- faqar bħala "creative accounting" u sostna li 80% ta' dawk li qed jikru qed isibu l-kera bħala piż. "Dawn ma tawx każ liż-żgħir u lill-fqir, ħafna klixès u konferenzi imma binja waħda li hi waħda tal-akkomodazzjoni soċjali ma tlestietx," temm jgħid id-Deputat tal-PN Ivan Bartolo. Ivan Bartolo Michael Falzon

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 24 October 2021