Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1421648
06 aħbarijiet IL-ĦADD 24 TA' OTTUBRU 2021 • illum Mina għall-karozzi, għall-metro jew it-tnejn? Fil-proposta għall- metro li ppreżenta, il-Gvern mhux qed iħares lejn konnessjoni b'metro bejn Malta u Għawdex għall- kuntrarju ta' proposti oħra li saru. Imma l-Għawdxin x'jaħsbu? Iridu metro? Jew aħjar mina għall-karozzi? YENDRICK CIOFFI Fir-raba' artiklu minn sensiela dwar il-proposta ta' metro għal Malta, il-gazzetta ILLUM qed tiffoka fuq Għawdex u tistaqsi jekk sistema ta' trasport tal- massa taħt l-art għandhiex tkun estiża wkoll għall-gżira Għawdxija. Ir-reazzjonijiet huma varji. Min qed jisħaq li l-metro għandha tieħu post il- mina għall-karozzi u min qed jinsisti li waħda ma teskludix lill-oħra. Il-proposta li ressaq il-Gvern tinkludi tliet linji u tkopri diversi lokalitajiet fil-qalba ta' Malta, minn Buġibba sal-Ajruport iżda l-ebda konnessjoni ma' Għawdex. Dan għall-kuntrarju tal- proposta tal-kumpanija KonceptX li tinkludi linja waħda iżda li tgħaqqad lil Għawdex ma' Malta. Anke l-proposta li kien għamel il-Partit Nazzjonalista, qabel l-elezzjoni tal-2017, kienet tinkludi konnessjoni bejn Malta u Għawdex. Il-kumpanija internazzjonali Arup, li wettqet l-istudju dwar is-sistema tal-metro li qed jippreżenta l-Gvern qed tisħaq li biex il-metro għal Għawdex tkun tagħmel sens, hemm bżonn li l-popolazzjoni fil-gżira Għawdxija tiżdied "b'minn tal- inqas 50,000 resident." Tinsisti wkoll li "din hija xi ħaġa li tista' tħalli impatt negattiv fuq Għawdex." 'Jekk għandha ssir mina għandha ssir għall-metro mhux għall-karozzi' Il-Kap Eżekuttiv tal- Assoċjazzjoni Għawdxija għat- Turiżmu (GTA), Joe Muscat, saħaq mal-gazzetta ILLUM li l-Assoċjazzjoni kienet sorpriża bil-fatt li l-proposta tal-Gvern għal sistema ta' metro taħt l-art ma tinkludix ukoll konnessjoni bejn Malta u Għawdex. F'kummenti mal-ILLUM, il- Kap Eżekuttiv tal-GTA insista li jekk għandha ssir mina din ma għandhiex tkun għall-karozzi, għax fi kliemu mhu se tkun qed issolvi l-ebda problema. Insista li mina bejn Malta u Għawdex għandha tkun parti minn sistema nazzjonali ta' trasport tal-massa. Kien hawn li saħaq li ġaladarba l-mina xorta waħda se tkun qed issir, il-Gvern għandu jassigura li din tkun tinkludi l-metro u mhux mina għall-karozzi. "Għaliex se ddaħħal dawk il-karozzi kollha f 'Għawdex? Għawdex ukoll għandu problema tat-traffiku. Mhux daqs ta' Malta imma qed tiżdied ukoll. Anke l-parkeġġ problema. Mur ir-Rabat wara t-tmienja u ara tipparkjax," insista. "Għaliex mhux se nagħtu faċilità għall-Għawdxin." Insista li jekk Għawdxi se jaqbad il-mina tal-karozzi biex jinżel għax-xogħol il-Belt, malli jiżbokka l-Imbordin, xorta waħda għandu "siegħa u kwart" biex jasal minħabba t-traffiku. "Ma nistgħux nimu. Nemmnu li metro taħt l-art hija soluzzjoni biex jonqos it-traffiku imma mbagħad bejn Malta u Għawdex se nagħmlu mina għall- karozzi," saħaq. "Aħna totalment kontra l-mina għall-karozzi." Kompla jisħaq li l-GTA mhux qed tippretendi li jkun hemm stazzjon f 'kull lokalità f 'Għawdex, għax wara kollox lanqas f 'Malta mhu se jkun hemm stazzjon għal kull lokalità. "Għawdex inqisu villaġġ. Stazzjon wieħed bejn ir-Rabat u x-Xewkija wkoll biżżejjed. Imbagħad ikun hemm sistema ta' trasport pubbliku li taħdem id f 'id mal-metro," kompla jinsisti. L-ILLUM tistaqsi lil Muscat dwar l-argument li biex il-metro għal Għawdex tkun vijabbli, il- popolazzjoni Għawdxija trid tiżdied b'50,000 persuna. Jisħaq minnufih "li dan l-argument ma jreġix." Saħaq li l-ebda lokalità f 'Malta, fejn se jkun hemm stazzjon, ma għandha popolazzjoni ta' 50,000 ruħ. Fakkar ukoll li l-popolazzjoni ta' Għawdex bħalissa hija ta' it aktar minn 30,000 persuna. Kompla jisħaq li l-ebda lokalità f 'Malta, li mistennija jkollha stazzjon, ma għandha popolazzjoni akbar minn ta' Għawdex. "Għawdex huwa distrett waħdu. F'Malta, biex jingħaqad distrett f 'termini ta' popolazzjoni, jingħaqdu xi ħames lokalitajiet f 'salt jekk mhux aktar," kompla jinsisti. "Dan l-argument ma jagħmilx sens." Fakkar ukoll li l-konnessjoni bejn Għawdex u Malta diġà tjiebet ħafna. "Jekk tieħu l-Gozo Channel u l-Fast Ferry, f 'ġurnata jagħmlu medja ta' 120 vjaġġ," insista waqt li fakkar li l-Gvern wiegħed ukoll konnessjoni bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer. Kien għalhekk li insista li jekk se ssir konnessjoni fissa bejn iż-żewġ gżejjer, din għandha ssir "tajba darba għal dejjem" u għalhekk tkun konnessjoni b'metro u mhux b'mina għall-karozzi. Joe Muscat