Illum previous editions

ILLUM 24 October 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1421648

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 27

07 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 24 TA' OTTUBRU 2021 it-tnejn? Xi jridu l-Għawdxin? L-ILLUM tistaqsi 'Waħda ma teskludix lill-oħra ... imma mina għall-karozzi tibqa' prijorità' Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal- Kummerċ Għawdxija, Daniel Borg li saħaq li l-Kamra hija favur kull tip ta' konnessjoni li tgħaqqad lil Malta u Għawdex, tkun xi tkun. Fakkar li l-Kamra minn dejjem kienet favur konnessjoni b'mina għall-karozzi bejn iż-żewġ gżejjer u insista li anke jekk 'il quddiem ikun hemm il-ħsieb li ssir konnessjoni b'metro, din ma għandha qatt tieħu post il-mina bil-karozzi. Fi kliemu, waħda ma teskludix lill-oħra. "Aħna ma rridux li l-mina tkun għall-metro biss. Aħna favur il-mina bil-karozzi. Jekk ikun hemm il-ħsieb, naqblu li din tkun takkomoda kemm il-karozzi u anke il-metro," insista Borg. Mistoqsi għaliex ma jaqblux li f 'dan l-istadju l-mina għall-karozzi tingħata l-ġenb u l-konnessjoni tkun b'metro, Borg insista li huwa bżonn urġenti li jkun hemm konnessjoni fissa bejn iż-żewġ gżejjer, għax fi kliemu, Għawdex diġà tilef ħafna żmien. Fakkar li l-proġett tal-metro huwa wieħed li jħares fit-tul u anke fil-proposti li saru u li kienu jinkludu konnessjoni bejn Malta u Għawdex, din il-parti kienet l-aħħar fażi tal-proġett u għalhekk tieħu snin twal biex isseħħ. "Qed naraw li l-mina għall- karozzi tista' timmaterjalizza fis- snin li ġejjin. Mhux qed ngħid li ma naħsbux għall-metro fit-tul, imma ma naqbilx li neliminaw il-mina għall-karozzi. Il-mina tal-karozzi għandha tibqa' prijorità," insista. "Kellna servizzi u ħaduhomlna. Fast ferry diġà kien hemm u tneħħa. Konnessjoni bl-ajru kien hemm u tneħħiet. Konnessjoni fissa hija importanti." Tenna li bħalma l-fast ferry ma eskludiex il-vapur ta' Għawdex, mina bil-karozzi ma jfissirx li għandha telimina possibbilità ta' metro fil-futur u viċi versa. "Għandu jkun hemm għażliet differenti skont il-bżonnijiet differenti," saħaq Borg waqt li fakkar, fost oħrajn, li bil-metro mhux se titwassal merkanzija f 'Għawdex. "Aħna dejjem ngħidu li l-mina għall-karozzi mhux se tkun għall- Għawdxin biss. Hemm ukoll Maltin li jaħdmu Għawdex u anke ħafna kummerċ," kompla jispjega. Iżda l-ILLUM tfakkru li l-mina se tkun qed iżżid it- traffiku f 'Għawdex u dan huwa argument li qed jagħmlu dawk li huma xettiċi dwar il-proġett. Borg insista li l-mina għadha ma saritx u l-għadd ta' persuni li jaqsmu bejn Malta u Għawdex bil- karozzi xorta qed jiżdied. Fi kliemu, dan qed joħloq konġestjoni, inkluż fil-Port tal- Imġarr, anke għax ikun hemm għadd ta' karozzi li jaslu f 'salt (skont meta jasal il-vapur). "In-nies diġà qed jaqsmu. Mhux se tkun il-mina li twaqqaom," insista waqt li saħaq li bis-saħħa tal- mina għall-karozzi ma tinħoloqx konġestjoni kull meta jasal il- vapur. Fakkar li dawn il-vjaġġi u anke t-traffiku mhux jagħmlu ġid ambjentali. Argument ieħor li qed jagħmlu dawk li huma kontra l-mina għall-karozzi huwa li din se twasal għal żvilupp bla rażan fil- gżira Għawdxija. Fakkar li l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija ilha żmien titkellem fuq l-iżvilupp "sfrenat" li għaddej f 'Għawdex ukoll. Insista li l-mina għadha ma saritx u l-iżvilupp xorta qed iseħħ. "L-iżvilupp isir minħabba l-policies mhux minħabba l-mina tal-karozzi," temm jisħaq. 'Sintomatiku ... il-Gvern reġa' nesa lil Għawdex' Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal- Oppożizzjoni għal Għawdex, Chris Said saħaq li bħala Għawdxi u Deputat elett minn dan id-distrett, iħossu "ddiżappuntat" li l-Gvern eskluda lil Għawdex minn sistema ta' metro proposta. "Xi ħaġa sintomatika ta' Gvern li dejjem jinsa lil Għawdex," insista Said waqt li saħaq li l-Gvern għandu jispjega aktar fid-dettall għaliex mhux jinkludi lil Għawdex f 'din il- proposta. "Jekk qed jaħseb fuq sistema ta' metro, Għawdex kellu jkun inkluż," kompla jisħaq. Fakkar li lura fl-2017, il-Partit Nazzjonalista kien ippropona sistema ta' trasport tal-massa u kien inkluda wkoll lil Għawdex. Fi kliemu, anke jekk kien għad fadal studji xi jsiru, il- proposta kienet waħda studjata min-numru ta' esperti. "Dak iż-żmien il-Gvern kien iddieħak bina," insista Said. "Nibża' li kienet proposta li ntefgħet qabel l-elezzjoni b'ħafna pompa, tined u fuljetti." Fil-fatt saħaq li fil-Baġit ma hemm xejn maħsub għal din il-proposta. Fi kliemu, kull pass, anke jekk sempliċiment studju, jiswa l-flus. "Il-Baġit ma jalloka xejn għal dan," kompla. Mistoqsi x'inhi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Said saħaq li l-PN huwa favur kull ħaġa li tkun tagħmel sens u li ttejjeb il-konnettività bejn Malta u Għawdex. Madanakollu saħaq li wieħed irid ikun ċar fuq dak li qed jipproponi. Insista li kull proposta, anke dik ta' konnessjoni b'metro, għandha tkun studjata fid-dettall u d-deċiżjonijiet jittieħdu wara li jkunu saru l-istudji kollha, jkunu ngħataw il-pariri kollha tal-esperti u anke tkun saret konsultazzjoni. "Irridu naraw x'inhu l-aħjar għal Għawdex. Fejn tidħol konnessjoni fissa, il-Gvern naqas mir-responsabbilità tiegħu. Ma ppreżentax l-istudji li għamel dwar il-mina u issa ppreżenta proposta għal metro iżda ħalla lil Għawdex barra. Ħallata ballata," insista Said. Mistoqsi jekk il-PN jikkomettix ruħu li jgħaqqad lil Għawdex ma' Malta b'metro, Said insista li l-ewwel isiru l-istudji u d-diskussjoni kollha li hemm bżonn u jekk jirriżulta li l-metro hija l-aħjar għażla allura tkun implimentata. Madanakollu fakkar li din hija soluzzjoni fit-tul għall-konnettività bejn Malta u Għawdex. Insista li hemm affarijiet oħra li jistgħu jsiru fl-immedjat u fis-snin li ġejjin. Fakkar li l-PN qed iwiegħed li jekk ikun elett, fil-leġislatura li jmiss jordna u jdaħħal żewġ vapuri ġodda u moderni. Spjega li wieħed minnhom ikun iddedikat kollu kemm hu għall-merkanzija u ma jkunx jitlaq miċ-Ċirkewwa imma miċ-ċentru ta' Malta, mill-Port il-Kbir jew mill-Port ta' Marsamxett, anke biex jonqos it-traġitt bit- trakkijiet. Dan ifisser, kompla jispjega Said, li wieħed mill-vapuri jieħu post il-vapur Nikolaus biex ikun hemm erba' vapuri moderni li jaqdu lill-passiġġieri u vapur ieħor li jkun iddedikat kollu kemm hu għall-merkanzija u li jaħdem bi skeda aktar minn darba fil-ġurnata. Apparti minn hekk, fakkar li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi wkoll li jitkabbar il-Port tal-Imġarr. 'Irridu nkomplu nisimgħu lill-Għawdxin dwar x'tip ta' Għawdex irridu' Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll mill- Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li fakkar li l-istudji tal-kumpanija Arup huma xogħol l-esperti internazzjonali u indipendenti. Insista li l-istudji kienu ppubblikati b'mod sħiħ u għaddejja d-diskussjoni. Mistoqsi dwar il-metro bejn Malta u Għawdex u l-fatt li skont l-istudji tal-Arup dawn mhumiex vijabbli, il- Ministru insista li l-Gvern irid ikompli jisma' lil Għawdxin dwar x'tip ta' Għawdex iridu. "Irridu nisimgħu wkoll l-opinjoni tal- Għawdxin u l-Maltin dwar dan il-proġett i n n i f s u ," k o m p l a l - M i n i s t r u . "Sadanittant ma hemmx dubju li l-Gvern p r e ż e n t i huwa dak li għandu l-kredibbilità fuq il- konnettività bejn iż-żewġ gżejjer." Kien hawn li fakkar li kien il-Gvern preżenti li daħħal ir-raba' vapur, beda l-Fast Ferry u beda jaħdem fuq ix- Xewkija heliport. "Aħna l-unika partit politiku f 'Malta b'pożizzjoni ċara wkoll fuq il-mina bejn iż-żewġ gżejjer," kompla jisħaq. Mina għall-metro tkun għażla aktar sostenibbli u ekoloġika Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma' Din l-Art Ħelwa Għawdex li saħqet li mina b'metro bejn Malta u Għawdex tkun għażla aktar sostenibbli u ekoloġika milli mina għall-karozzi. Fil-fatt, l-organizzazzjoni saħqet li ilha żmien issegwi l-iżviluppi marbuta mal-mina għall-karozzi proposta u anke dawk dwar proġett għall-Metro. Insistiet li qed tagħmel dan billi tikkonsulta anke ma' esperti internazzjonali li għandhom esperjenza f 'dawn l-oqsma. Kien hawn li saħqet li hija kontra l-introduzzjoni ta' mina għall-karozzi bejn Malta u Għawdex li fi kliemha se żżid biss il-karozzi u t-traffiku. Insistiet li jekk kellu jsir proġett ta' trasport tal-massa, mina bejn Malta u Għawdex għall-metro, tkun għażla aktar sostenibbli u ekoloġika. Din l-Art Ħelwa Għawdex saħqet li metro bejn Malta u Għawdex taf tnaqqas id-dipendenza tal-karozzi biex persuna żżur Għawdex waqt li fakkret li l-impatt ta' aktar traffiku diġà beda jinħass, partikolarment fir-Rabat. Insistiet li dan ifisser aktar tniġġis tal- arja fost oħrajn. Dwar l-istudji tal-kumpanija Arup u anke l-ispjega tagħhom għaliex metro għal Għawdex mhijiex vijabbli, Din l-Art Ħelwa Għawdex saħqet li hemm bżonn aktar studji dwar dan. Temmet tisħaq li f 'dan l-istadju, hemm bżonn aktar investiment fis-servizzi tal-fast ferry u anke fil-flotta tal-Gozo Channel. Chris Said Daniel Borg Clint Camilleri

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 24 October 2021